Dokument ta' sessjoni

 

B8-0315/2016

2.3.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0109/2016 , B8-0110/2016 , B8-0111/2016 , B8-0112/2016 , B8-0113/2016 , B8-0114/2016 u B8-0115/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-"Valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kontrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" u l-iskadenza imminenti tal-ftehim;

( 2016/2555(RSP) )

Michael Theurer

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8-0315/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-"Valutazzjoni teknika tal-Kummissjoni dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kontrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" u l-iskadenza imminenti tal-ftehim;

( 2016/2555(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International (PMI) u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-24 ta' Frar 2016 intitolat "Valutazzjoni Teknika dwar l-esperjenza tal-Ftehim Kontra l-Kuntrabandu u Kontra l-Falsifikazzjoni u r-Rinunzja Ġenerali tad-9 ta' Lulju 2004 bejn Philip Morris International u kumpaniji affiljati, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha" ( SWD(2016)0044 ),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li jħassar id-Direttiva 2001/37/KE[1],

–  wara li kkunsidra l-Protokol biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk adottat matul il-ħames sessjoni tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk bid-Deċiżjoni FCTC/COP5 (1) tat-12 ta' Novembru 2012,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ottubru 2007 dwar l-implikazzjonijiet tal-ftehim bejn il-Komunità, Stati Membri u l-kumpanija Philip Morris dwar l-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-frodi u l-kuntrabandu tas-sigaretti u dwar il-progress li sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumitat ta' Inkjesta tal-Parlament dwar is-Sistema tat-Tranżitu Komunitarju[2],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar il-ftehim dwar it-tabakk (ftehim PMI) ( O-000010/2016 – B8-0109/2016 , O-000014/2016 – B8-0110/2016 , O-000015 – B8-0111/2016 , O-000016 – B8-0112/2016 , O-000017 – B8-0113/2016 , O-000018/2016 – B8-0114/2016 u O-000019/2016 – B8-0115/2016 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kummerċ illeċitu ta' prodotti tat-tabakk, u b'mod partikolari l-kuntrabandu ta' sigaretti bil-kuntrabandu u ffalsifikati, jikkawża telf fid-dħul għall-UE u l-Istati Membri tagħha (f'termini ta' dwana, VAT u dazji tas-sisa) ta' aktar minn EUR 10 biljun fis-sena;

B.  billi l-kuntrabandu tat-tabakk hu reat serju li jikkontribwixxi biex jiffinanzja attivitajiet oħra ta' kriminalità organizzata internazzjonali, inkluż it-traffikar tal-persuni, tad-drogi u tal-armi;

C.  billi l-frodi tat-tabakk iddgħajjef il-politiki kontra t-tipjip, b'hekk tinkoraġġixxi l-epidemija tat-tabakk, billi żżid l-aċċess għal prodotti (ta' spiss irħas) tat-tabakk, speċjalment għaż-żgħażagħ u gruppi bi dħul baxx;

D.  billi l-frodi tat-tabakk toħloq tħassib għas-saħħa pubblika, tippreżenta riskju akbar għas-saħħa mis-sigaretti ġenwini minħabba li s-sigaretti ffalsifikati huma mmanifatturati u impurtati llegalment u l-ingredjenti użati mhumiex magħrufa;

E.  billi, sabiex tiġi indirizzata l-problema tas-sigaretti bil-kuntrabandu u ffalsifikati, l-UE u l-Istati Membri (bl-eċċezzjoni tal-Iżvezja fil-każ tal-ftehimiet mal-British American Tobacco (BAT) u Imperial Tobacco Limited (ITL)) iffirmaw ftehimiet legalment vinkolanti ma' Philip Morris International (PMI) (2004), Japan Tobacco International (JTI) (2007), BAT (2010) u ITL (2010);

F.  billi l-ftehim PMI s'issa pprovda benefiċċji finanzjarji lil finanzi pubbliċi li jammontaw għal madwar EUR 1 biljun f'pagamenti annwali u EUR 68.2 miljun f'pagamenti ta' sekwestri, maqsuma bejn il-Kummissjoni (madwar 10 %) u l-Istati Membri (madwar 90 %);

G.  billi l-ftehim PMI se jiskadi fid-9 ta' Lulju 2016;

H.  billi kien hemm tibdil sinifikanti fl-ambjent tas-suq minn meta l-ftehim PMI attwali kien ġie ffirmat, partikolarment il-preżenza akbar ta' sigaretti mingħajr marka, spiss magħrufa bħala "cheap whites";

I.  billi kien hemm bidliet sinifikanti fl-ambjent regolatorju minn meta kien ġie ffrimat il-ftehim PMI attwali, b'mod partikolari l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u l-Protokoll għall-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk;

1.  Jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tagħha tal-ftehim PMI dwar it-tabakk; jiddispjaċih, madankollu, dwar iż-żmien li fih ġiet preżentata din il-valutazzjoni teknika;

2.  Jilqa' l-Protokoll biex jiġi Eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk adottat fir-rigward tal-Konvenzjoni Qafas tad-WHO dwar il-Kontroll tat-Tabakk ("Protokoll FCTC") u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri ilestu l-proċess ta' ratifika malajr kemm jista' jkun;

3.  Jilqa' l-adozzjoni tad-Direttiva 2014/40/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri rigward il-manifattura, il-preżentazzjoni u l-bejgħ tat-tabakk u prodotti relatati u li tħassar id-Direttiva 2001/37/KE (id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk);

4.  Jieħu nota tal-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-ftehim PMI effettivament laħaq l-objettiv tiegħu li jnaqqas il-prevalenza tal-kuntrabandu PMI fis-suq tat-tabakk illeċitu tal-UE, kif muri mill-perċentwali inqas ta' madwar 85 % fil-volum ta' sigaretti PMI ġenwini sekwestrati mill-Istati Membri bejn l-2006 u l-2004; jinnota, madankollu, li skont il-Kummissjoni, it-tnaqqis fil-kuntrabandu ta' prodotti PMI ma wassalx għal tnaqqis kumplessiv ta' prodotti illeċiti fis-suq tal-UE; jinnota li l-kuntrabandu li jikkonsisti fi prodotti bil-kuntrabandu mill-manifatturi l-kbar qed dejjem aktar jiġi sostitwit minn prodotti oħra inkluż sigaretti bla marka ("cheap whites") tipikament manifatturati f'pajjiżi terzi;

5.  Jenfasizza d-dikjarazzjoni fir-rapport tal-Kummissjoni li strumenti legalment vinkolanti u infurzabbli, flimkien ma' infurzar qawwi tal-liġi, huma l-għodda l-aktar effiċjenti biex jiġi żgurat tnaqqis sinifikanti fil-kummerċ illegali ta' prodotti tat-tabakk;

6.  Ifakkar li, kif imsemmi fir-rapport tal-Kummissjoni, id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk diġà tistipula rekwiżit ġuridiku għal kumpaniji tat-tabakk biex jintroduċu u jżommu sistema ta' traċċar u rintraċċar, li se ssir effettiva fl-2019 l-aktar tard, u li l-Protokoll FCTC tal-2015 jipprovdi għal rekwiżit simili globali, li probabbilment se jsir effettiv l-aktar kmieni fl-2022 jew l-2023;

7.  Jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tieħu passi immedjati biex tiżgura t-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fl-Istati Membri kollha; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk fil-ħin, b'mod partikolari l-miżuri ta' traċċar u rintraċċar tagħha;

8.  Jinsab imħasseb ħafna li l-baġit tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) hu parzjalment iffinanzjat mill-pagamenti annwali tal-industrija tat-tabakk, kif imsemmi fil-ftehimiet tat-tabakk, minħabba li dan jista' jwassal għal ċertu kunflitt ta' interess;

9.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq l-għodod leġiżlattivi Ewropej u internazzjonali sabiex tiġġieled kontra s-sigaretti ffalsifikati u bil-kuntrabandu;

10.  Itenni l-ħtieġa kontinwa tal-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu, il-falsifikazzjoni u l-evażjoni tat-taxxa; hu tal-fehma li l-Kummissjoni għandha għalhekk tfittex modi li bihom tindirizza s-sitwazzjoni attwali b'mod trasparenti u responsabbli bl-involviment tal-Parlament Ewropew minħabba d-distakk possibbli bejn l-iskadenza tal-ftehim PMI attwalment fis-seħħ u d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar il-Prodotti tat-Tabakk u l-Protokoll FCTC;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

 

[1] ĠU L 127, 29.4.2014, p. 1.
[2] ĠU C 227 E, 4.9.2008, p. 147.