Dokument ta' sessjoni
B8-0461/2016 /rev
11.4.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja
( 2015/3031(RSP) )
Manfred Weber, Esteban González Pons
f'isem il-Grupp PPE
Gianni Pittella, Tanja Fajon, Josef Weidenholzer, Péter Niedermüller, Birgit Sippel
f'isem il-Grupp S&D
Guy Verhofstadt
f'isem il-Grupp ALDE
Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat, Marisa Matias, Sofia Sakorafa, Kateřina Konečná, Kostas Chrysogonos, Kostadinka Kuneva, Stelios Kouloglou, Lola Sánchez Caldentey, Miguel Urbán Crespo, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Judith Sargentini, Josep-Maria Terricabras, Benedek Jávor, Helga Trüpel, Monika Vana, Terry Reintke
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja
( 2015/3031(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattati tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Marzu 2014 dwar "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" ( COM(2014)0158 ),
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),
– wara li kkunsidra d-dibattitu tal-Parlament tad-19 ta' Jannar 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tat-12 ta' Marzu 2016 dwar l-emendi tat-22 ta' Diċembru 2015 għall-Att tal- 25 ta' Ġunju 2015 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-rispett tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, u tal-valuri u tal-prinċipji minquxa fit-trattati tal-UE u fi strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem huma obbligi għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha u jridu jiġu rrispettati;
B. billi, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, valuri kondiviżi mill-Istati Membri kollha u li jridu jiġu rrispettati mill-UE, kif ukoll minn kull Stat Membru individwali, fil-politiki kollha tagħhom;
C. billi, skont l-Artikolu 4(2) tat-TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom;
D. billi, skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE, skont il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati;
E. billi, skont l-Artikolu 17 tat-TUE, il-Kummissjoni trid tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati;
F. billi l-istat tad-dritt huwa s-sinsla tad-demokrazija u huwa wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE, li topera fuq il-bażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jikkonformaw mad-demokrazija, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-KEDB;
G. billi sistema ġudizzjarja effiċjenti, indipendenti u imparzjali hija essenzjali għall-istat tad-dritt u sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili taċ-ċittadini fl-Ewropa;
H. billi t-Tribunal Kostituzzjonali twaqqaf bħala wieħed mill-elementi ċentrali li jiżguraw kontrolli u bilanċi f'demokrazija kostituzzjonali u l-istat tad-dritt fil-Polonja;
I. billi l-ġrajjiet reċenti fil-Polonja, b'mod partikolari d-disputa politika u legali rigward il-kompożizzjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali u dwar ir-regoli ġodda għall-operat tiegħu (bi rbit, fost l-oħrajn, mal-eżami tal-każijiet u l-ordni tagħhom, mat-tkabbir tal-quorum ta' attendenza u mal-maġġoranzi meħtieġa sabiex jgħaddu deċiżjonijiet tat-Tribunal) qajmu preokkupazzjonijiet dwar kemm it-Tribunal Kostituzzjonali kapaċi jiddefendi l-kostituzzjoni u jiggarantixxi r-rispett tal-istat tad-dritt;
J. billi l-Kummissjoni ta' Venezja ddikjarat b'mod ċar li t-Tribunal Kostituzzjonali ma jistax iwettaq ir-rwol tiegħu bħala garanti tas-supremazija tal-Kostituzzjoni tal-Polonja, minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tat-Tribunal tad-9 ta' Marzu 2016 mhijiex ippubblikata u għalhekk ma tistax tidħol fis-seħħ, u li dan il-fatt qed jimmina l-istat tad-dritt; billi l-Kummissjoni ta' Venezja wissiet li paralisi tat-Tribunal timmina d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;
K. billi l-azzjonijiet meħuda mill-Gvern Pollakk u mill-President tar-Repubblika tal-Polonja rigward it-Tribunal Kostituzzjonali jirrappreżentaw riskju għad-demokrazija kostituzzjonali;
L. billi, wara d-dibattitu ta' orjentament tat-13 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi d-djalogu strutturat skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt billi bagħtet ittra lill-Gvern Pollakk bl-għan li s-sitwazzjoni fil-Polonja tiġi ċċarata;
M. billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, issa sejra tiġbor u teżamina l-informazzjoni rilevanti kollha u tivvaluta jekk hemmx indikazzjonijiet ċari ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt;
N. billi l-Qafas tal-Istat tad-Dritt huwa intiż biex jindirizza theddidiet għall-istat tad-dritt li jkunu ta' natura sistemika, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu solvuti b'mod effikaċi permezz ta' proċeduri ta' ksur u meta s-"salvagwardji tal-istat tad-dritt" li jkun hemm fil-livell nazzjonali ma jibqgħux jidhru li jkunu kapaċi jindirizzaw dawn it-theddidiet b'mod effikaċi;
O. billi l-Kostituzzjoni Pollakka kurrenti, adottata fl-1997, tiggarantixxi s-separazzjoni tas-setgħat, il-pluraliżmu politiku, il-libertà tal-istampa u tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni;
P. billi, minbarra l-kriżi kostituzzjonali, hemm kwistjonijiet oħrajn li huma ta' tħassib kbir għall-Parlament Ewropew, fil-grad li jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-dritt Ewropew u tad-drittijiet fundamentali, inkluż tad-drittijiet tan-nisa; billi tali azzjonijiet mill-Gvern Pollakk iridu jiġu ssorveljati mill-qrib mill-istituzzjonijiet Ewropej;
1. Iqis li huwa fundamentali li jiġi ggarantit li l-valuri komuni Ewropej imsemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jkunu rrispettati bis-sħiħ;
2. Jemmen li l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt tal-UE fil-prassi leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom, u li kwalunkwe leġiżlazzjoni, inkluż id-dritt primarju tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati kollha, trid tirrifletti l-valuri bażiċi Ewropej u taderixxi ma' dawk il-valuri, jiġifieri l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;
3. Huwa mħasseb serjament li l-paralisi effettiva tat-Tribunal Kostituzzjonali fil-Polonja tirrappreżenta periklu għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern Pollakk jirrispetta, jippubblika u jimplimenta bis-sħiħ, mingħajr aktar dewmien, is-sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tad-9 ta' Marzu 2016, u jimplimenta s-sentenzi tat-3 u tad-9 ta' Diċembru 2015;
5. Jistieden lill-Gvern Pollakk jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja li l-Kostituzzjoni Pollakka u l-istandards Ewropej u internazzjonali jirrikjedu li s-sentenzi ta' Qorti Kostituzzjonali jiġu rrispettati;
6. Jilqa' ż-żjara li l-Viċi President tal-Kummissjoni Timmermans għamel dan l-aħħar fil-Polonja u d-dikjarazzjoni tiegħu fil-laqgħa tal-Kummissjoni tas-6 ta' April 2016 dwar il-bidu ta' djalogu biex tinstab rotta għall-ħruġ mis-sitwazzjoni attwali, fuq il-bażi ta' rispett sħiħ tal-qafas kostituzzjonali, jiġifieri l-pubblikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal kostituzzjonali; jikkondividi t-tħassib tiegħu dwar il-possibbiltà li jkun hemm żewġ sistemi legali paralleli, sitwazzjoni li twassal għal inċertezza legali;
7. Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi djalogu strutturat skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt, li għandu jiċċara jekk hemmx theddida sistemika għall-valuri demokratiċi u għall-istat tad-dritt fil-Polonja; jilqa' l-assigurazzjoni tal-Kummissjoni li d-djalogu mal-awtoritajiet Pollakki se jitwettaq b'mod imparzjali, ibbażat fuq l-evidenza u koperattiv, u jistieden lill-Kummissjoni biex, kemm-il darba l-Gvern Pollakk jonqos milli jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tul id-djalogu strutturat, tattiva t-tieni stadju tal-proċedura tal-istat tad-dritt billi toħroġ ir-"rakkomandazzjoni tal-istat tad-dritt" tagħha u toffri l-appoġġ tagħha lill-Polonja fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet intiżi biex isaħħu l-istat tad-dritt;
8. Jenfasizza, madankollu, li l-miżuri kollha li jittieħdu jridu jirrispettaw il-kompetenzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif stabbiliti bit-Trattati u bil-prinċipju tas-sussidjarjetà;
9. Jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari u dettaljat dwar il-valutazzjonijiet tagħha, il-progress li jsir u l-azzjonijiet li jittieħdu;
10. Jesprimi t-tama tiegħu li d-djalogu strutturat bejn il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni sejjer iwassal ukoll għal rieżami ta' deċiżjonijiet oħra tal-Gvern Pollakk li qajmu tħassib dwar il-legalità tagħhom u dwar l-impatt potenzjali tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali;
11. Jistenna li l-Kummissjoni tissorvelja lill-Istati Membri kollha bl-istess mod f'dak li jirrigwarda r-rispett tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, biex b'hekk tevita standards doppji, u li tirrapporta lura lill-Parlament;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.