Dokument ta' sessjoni
11.4.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja
( 2015/3031(RSP) )
Stanisław Żółtek
f'isem il-Grupp ENF
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja
( 2015/3031(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tad-19 ta' Jannar 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea m'għandhiex il-kapaċità jew l-intitolament li tindaħal fil-politiki interni tal-Istati Membri; billi l-Unjoni Ewropea m'għandhiex thedded li timponi jew effettivament timponi sanzjonijiet meta l-għażliet magħmula b’mod demokratiku ma jsegwux id-direzzjonijiet mixtieqa mill-UE;
B. billi l-Kummissjoni diġà rreaġixxiet b'mod mhux xieraq meta kkritikat l-għażliet elettorali taċ-ċittadini Ewropej wara l-elezzjonijiet u r-referenda fi Stati Membri oħra u issa qed tħejji ruħha biex taqbad mal-Gvern ġdid Pollakk;
C. billi l-Prim Ministru Ungeriż, Viktor Orbán, stqarr li "l-Unjoni Ewropea m'għandhiex tikkunsidra li tapplika xi xorta ta' sanzjonijiet kontra l-Polonja għax dan ikun jirrikjedi unanimitá sħiħa, u l-Ungerija qatt mhi se tappoġġa xi tip ta' sanzjoni kontra l-Polonja";
1. Ifakkar li l-Kummissjoni Ewropea mhijiex korp politiku iżda l-organu eżekuttiv tal-Unjoni u għandha tikkonforma strettament mal-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mal-Artikoli 234, 244-250, 290 u 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE);
2. Itenni sollennament l-impenn tiegħu lejn il-prinċipji prevalenti tal-identità u tas-sovranità nazzjonali, prinċipji li jmorru id f'id mill-prinċipju tal-libertà u huma inseparabbli minnu;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.