Dokument ta' sessjoni
11.4.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja
( 2015/3031(RSP) )
Robert Jarosław Iwaszkiewicz
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja
( 2015/3031(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dibattitu tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-istess storja tal-Polonja tinkludi diversi eżempji tal-impenn tagħha li tiġġieled favur il-libertà u s-sovranità, imħallas bid-demm tas-sagrifiċċju tas-suldati u ċ-ċivili tagħha; billi għandu jitfakkar b’mod partikolari li l-Polonja kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa li rreżista l-aggressjoni tan-Naziżmu Ġermaniż, u li kienet il-Polonja li bdiet iżżarma s-sistema komunista;
B. billi l-Polonja kienet pijuniera tad-demokrazija, il-ħelsien individwali u l-libertà tar-reliġjon fl-Ewropa, billi r-Repubblika tal-Polonja kienet l-ewwel pajjiż fl-Ewropa u t-tieni fid-dinja li adotta kostituzzjoni, u billi għal sekli sħaħ id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet personali u reliġjużi rispettati fil-Polonja ipprovdew l-aqwa mudell possibbli għall-Ewropa;
C. billi l-Artikolu 197 tal-kostituzzjoni attwali tal-Polonja tiddisponi li t-Tribunal Kostituzzjonali jopera taħt l-Att mgħoddi mill-parlament Pollakk;
D. billi l-istqarrijiet u l-attivitá tal-midja tal-President tat-Tribunal Kostituzzjonali qed japprofondixxu l-kunflitt u jagħmluha diffiċli biex jintlaħaq kompromess dwar il-funzjonament tat-Tribunal Kostituzzjonali;
E. billi l-kriżi tat-Tribunal Kostituzzjonali bdiet f’Ottubru 2015 u kienet marbuta ma’ azzjonijiet politikament motivati meħuda mill-gvern ta’ koalizzjoni tal-PO-PSL wara li dan tilef l-elezzjoni; billi t-Tribunal Kostituzzjonali ddeċieda f’Diċembru 2015 li l-għażla ta’ żewġ imħallfin f’Ottubru 2015 kienet tmur kontra l-kostituzzjoni;
F. billi l-linji gwida tal-Kummissjoni ta' Venezja mhumiex vinkolanti u jistgħu, iżda mhux meħtieġ, li jiġu aċċettati mill-gvernijiet tal-Istati Membri bħala gwida għall-introduzzjoni ta' bidliet pożittivi;
G. billi l-President tal-Kummissjoni ta' Venezja jenfasizza fin-nota tiegħu li r-riforma tat-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja hi kwistjoni interna Pollakka u għandha tiġi ttratata mill-awtoritajiet nazzjonali relevanti;
H. billi d-dritt Pollakk jirregola espliċitament il-kwistjonijiet li jirrigwardaw l-iskadenzi għall-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal Kostituzzjonali;
I. billi t-Trattati ma jagħtux lill-Kummissjoni Ewropea jew lil kwalunkwe awtorità oħra tal-UE d-dritt li jindaħlu fis-sistema politika ta' Stat Membru, speċjalment meta jiġu proposti bidliet li ma jiksrux id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;
J. billi l-kriżi tat-Tribunal Kostituzzjonali li qed tkompli tikber jaf ikollha konsegwenzi għat-tħaddim tad-dritt fil-Polonja;
1. Jikkunsidra li s-separazzjoni tas-setgħa kostituzzjonali fil-Polonja, il-funzjonament tad-demokrazija parlamentari, il-libertajiet fundamentali u l-istat tad-dritt mhumiex fil-periklu;
2. Jenfasizza li l-kriżi tat-Tribunal Kostituzzjonali hi problema interna tal-Polonja u tista' tiġi riżolta biss mill-gvern Pollakk bi djalogu mal-partijiet ikkonċernati kollha;
3. Jirrikonoxxi li s-sitwazzjoni fil-Polonja ma tirrikjedi l-ebda intervent min-naħa tal-Kummissjoni jew kwalunkwe istituzzjoni oħra tal-UE; jemmen li l-Gvern Pollakk huwa liberu u sovran fl-azzjonijiet tiegħu u ma jistax jiġi obbligat jikkunsidra l-fehmiet ta' entitajiet bħalma hi l-Kummissjoni ta' Venezja;
4. Jirrikonoxxi li kwalunkwe indħil mill-Kummissjoni Ewropea jew kwalunkwe entità oħra tal-UE fir-rigward tar-rispett lejn in-normi demokratiċi fil-Polonja mhuwiex ġustifikat; jenfasizza li azzjoni ta' dan it-tip ma tkunx konformi mal-prinċipju ta' sussidjarjetà minqux fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea;
5. Jenfasizza li l-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni fil-konfront tal-Polonja u tal-Gvern Pollakk huma politikament immotivati u qed jintużaw mill-oppożizzjoni biex titkabbar l-impressjoni ta' kaos politiku fil-Polonja;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.