Dokument ta' sessjoni
20.4.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsija għal tweġiba orali B8-0361/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali
( 2016/2662(RSP) )
Charles Goerens, Petras Auštrevičius, Marietje Schaake, Paavo Väyrynen, Louis Michel, Beatriz Becerra Basterrechea, Renate Weber
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar attakki fuq sptarijiet u skejjel bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali
( 2016/2662(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti l-oħra tan-NU fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra u l-istrumenti ġuridiċi l-oħra fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin tat-8 ta' Diċembru 2009 dwar il-Promozzjoni ta' Konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida aġġornati tal-Unjoni Ewropea dwar il-promozzjoni ta' konformità mal-Liġi Umanitarja Internazzjonali (minn hawn 'il quddiem ''il-Linji Gwida tal-UE'')[1],
– wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-Summit Umanitarju Dinji, intitolat "Umanità waħda, responsabilità kondiviża", tat-2 ta' Frar 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1998(2011) u 2143(2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, adottati fit-12 ta' Lulju 2011 u fis-7 ta' Marzu 2014 rispettivament, li jindirizzaw il-protezzjoni tat-tfal affettwati minn kunflitti armati,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni A/RES/64/290 tad-9 ta' Lulju 2010 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar il-jedd għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri ta' Mejju 2015, li nfetħet biex tiġi approvata waqt il-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri li tlaqqgħet mill-Ministeru Norveġiż għall-Affarijiet Barranin f'Mejju 2015, u l-Linji Gwida relatati dwar il-Protezzjoni tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militari waqt Kunflitt Armat,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-10 ta' Diċembru 2015 tat-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar dwar it-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Frar 2015 dwar il-kriżi umanitarja fl-Iraq u s-Sirja, b'mod partikolari fil-kuntest tal-IS[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar it-tħejjija għas-Summit Umanitarju Dinji: Sfidi u opportunitajiet għall-assistenza umanitarja[4],
– wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kunsill dwar attakki fuq l-isptarijiet u l-iskejjel bħal ksur tal-liġi umanitarja internazzjonali ( O-000063/2016 – B8-0361/2016 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-komunità internazzjonali assistiet għal xejra terribbli ta' attakki fuq sptarijiet u skejjel f'kunflitti armati madwar id-dinja, bħall-attakki reċenti fuq iċ-ċentri tas-saħħa ta' Doctors Without Borders (MSF) f'Kunduz (l-Afganistan) fit-3 ta' Ottubru 2015, f'Razah fl-10 ta' Jannar 2016, u fl-ibliet Sirjani kkontrollati mir-ribelli fil-15 ta' Frar 2016;
B. billi l-ewwel Summit Umanitarju Dinji se jsir f'Istanbul bejn it-23 u l-24 ta' Mejju 2016; billi, fir-rapport tiegħu għas-Summit Umanitarju Dinji intitolat "Umanità waħda, responsabilità kondiviża", is-Segretarju Ġenerali tan-NU jiġbed l-attenzjoni għal dak li jsejjaħ "l-erożjoni sfaċċata u brutali tar-rispett għall-jeddijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali" f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat, li qed thedded li tikkawża ritorn għal epoka ta' gwerra mingħajr rażan; billi r-rapport jinnota li l-fatt li ma jintalabx u ma jiġix promoss ir-rispett għan-normi kondiviżi tagħna, kif ukoll li ma jkunx hemm appoġġ għall-mekkaniżmi ta' infurzar, monitoraġġ u responsabilità eżistenti, jikkontribwixxi għal din l-erożjoni;
C. billi d-dritt umanitarju internazzjonali, magħruf ukoll bħala d-dritt dwar il-kunflitt armat, hu maħsub biex itaffi l-effetti ta' kunflitt armat billi jipproteġi lil dawk li ma jkunx qed jieħdu sehem fil-kunflitt u billi jirregola l-mezzi u l-metodi ta' kif issir gwerra;
D. billi l-isptarijiet u l-persunal mediku huma protetti b'mod espliċitu fil-qafas tad-dritt umanitarju internazzjonali u billi kwalunkwe attakk intenzjonat kontra persuni u infrastruttura ċivili hu pprojbit b'mod ċar u kkunsidrat bħala ksur serju tad-dritt umanitarju internazzjonali;
E. billi, sal-14 ta' Marzu 2016, 52 stat, inklużi diversi Stati Membri tal-UE għalkemm mhux kollha kemm huma, approvaw id-Dikjarazzjoni dwar Skejjel Sikuri b'segwitu għall-Konferenza ta' Oslo dwar Skejjel Sikuri li saret f'Mejju 2015;
F. billi meta adotta l-Linji Gwida tal-UE, il-Kunsill Affarijiet Barranin enfasizza l-importanza li l-effetti ta' ksur serju jiġu indirizzati b'mod effikaċi permezz ta' appoġġ għal mekkaniżmi ta' responsabilità adegwati, u ssottolinja r-rwol importanti li tista' tiżvolġi l-Qorti Kriminali Internazzjonali fil-każijiet fejn l-istat jew l-istati kkonċernati ma jkunux jistgħu jew ma jkunux jixtiequ jeżerċitaw il-ġurisdizzjoni tagħhom; billi l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-"Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill xierqa" biex jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'każijiet bħal dawn, jirrakkomandaw azzjoni li tippromwovi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (il-paragrafu 15(a));
G. billi, bejn l-2012 u l-2015, il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar organizza proċess ta' konsultazzjoni importanti dwar kif tista' tissaħħaħ il-protezzjoni ġuridika għall-vittmi ta' kunflitt armat u kif tista' tissaħħaħ l-effikaċja tal-mekkaniżmi ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;
H. billi l-istati parteċipanti fit-32 Konferenza Internazzjonali tal-Moviment tas-Salib l-Aħmar u tan-Nofs Qamar l-Aħmar li saret f'Diċembru 2015 finalment ma setgħux jaqblu dwar mekkaniżmu ġdid propost mill-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u l-Gvern tal-Iżvizzera għat-tisħiħ tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; billi l-mekkaniżmu ġdid propost kien se jinvolvi l-organizzazzjoni ta' laqgħa annwali tal-istati parti għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra; billi l-istati parteċipanti qablu li jniedu proċess intergovernattiv ġdid biex jinstabu modi kif tissaħħaħ l-implimentazzjoni tad-Dritt Umanitarju Internazzjonali bil-għan li l-eżitu tiegħu jiġi ppreżentat fil-Konferenza Internazzjonali li jmiss fl-2019;
1. Jesprimi l-ħasda u t-tħassib serju tiegħu rigward l-attakki fatali kontra sptarijiet u skejjel li qed iseħħu b'rata dejjem iżjed allarmanti f'kunflitti armati madwar id-dinja, fejn pazjenti, studenti, persunal mediku u għalliema, ħaddiema fil-qasam tal-għajnuna umanitarja u qraba qed isiru bersalli u vittmi, filwaqt li l-kundanni internazzjonali rari jwasslu għal investigazzjonijiet indipendenti u responsabilità ġenwina; jappella lill-Istati Membri, lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex jirrikonoxxu l-kobor reali ta' din l-emerġenza u jfasslu mingħajr dewmien pjan ta' azzjoni konkret bi skadenzi definiti sabiex jisfruttaw kemm jista' jkun l-influwenza tal-UE u tal-Istati Membri biex jintemmu l-ksur u l-abbużi ta' dan it-tip;
2. Jikkundanna l-attakki fuq sptarijiet u skejjel, li huma pprojbiti mid-dritt internazzjonali, filwaqt li jirrikonoxxi li atti ta' dan it-tip jistgħu jikkostitwixxu ksur serju tal-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949 u reati tal-gwerra skont l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-preżervazzjoni tal-faċilitajiet tas-saħħa u dawk edukattivi bħala spazji newtrali u protetti waqt sitwazzjonijiet ta' kunflitt armat tiddependi mill-eżitu ta' investigazzjonijiet trasparenti, indipendenti u imparzjali fir-rigward tal-attakki brutali li seħħew u minn responsabilità ġenwina għar-reati mwettqa;
3. Jappella biex il-partijiet li qegħdin f'kunflitt jirrispettaw il-prinċipji bażiċi tad-dritt umanitarju internazzjonali u jżommu lura milli jattakkaw infrastrutturi ċivili deliberatament; jisħaq fuq l-importanza li tittejjeb is-sigurtà tal-ħaddiema umanitarji sabiex ir-reazzjoni għall-attakki tkun aktar effikaċi;
4. Jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jagħtu l-appoġġ sħiħ tagħhom għall-appell tas-Segretarju Ġenerali sabiex l-istati membri kollha tan-NU jaħtfu l-opportunità tas-Summit Umanitarju Dinji biex jerġgħu jimpenjaw ruħhom favur il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-jeddijiet tal-bniedem ta' kulħadd billi jirrispettaw ir-regoli li diġà qablu dwarhom; jenfasizza l-importanza attribwita mis-Segretarju Ġenerali tan-NU lit-tisħiħ tas-sistemi investigattivi u ġudizzjarji internazzjonali, inkluża l-Qorti Kriminali Internazzjonali sabiex, f'komplementarjetà mal-oqfsa nazzjonali, tintemm l-impunità għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali;
5. Jirrikonoxxi l-importanza u n-natura unika tal-Linji Gwida tal-UE peress li l-ebda stat jew organizzazzjoni oħra ma adottaw dokument ekwivalenti; jistieden lill-istituzzjonijiet u lill-Istati Membri tal-UE jimplimentaw dawn il-Linji Gwida b'mod effikaċi;
6. Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barranin u lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli biex, b'mod li jiżguraw li l-politiki u l-azzjonijiet tal-UE relatati mad-dritt umanitarju internazzjonali jiġu żviluppati b'mod koerenti u effikaċi, jeżaminaw mill-ġdid l-allokazzjoni attwali tar-responsabilitajiet li tqiegħed l-implimentazzjoni tal-Linji Gwida prinċipalment fil-qasam ta' responsabilità tal-Grupp ta' Ħidma tal-Kunsill dwar id-Dritt Internazzjonali Pubbliku, li hu ppresedut mill-Presidenza tal-Kunsill; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-Linji Gwida tal-UE jimpenjaw lill-"Gruppi ta' Ħidma tal-Kunsill xierqa" biex jimmonitorjaw is-sitwazzjonijiet fejn jista' jkun li japplika d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'każijiet bħal dawn, jirrakkomandaw azzjoni li tippromovi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali (paragrafu 15(a)); jistieden lill-gruppi ta' ħidma rilevanti tal-Kunsill biex jużaw dan il-mandat sabiex jindirizzaw il-kriżi urġenti attwali ta' nonkonformità;
7. Ifakkar fil-pożizzjoni li ttieħdet fil-Linji Gwida tal-UE li, fejn ikun xieraq, jiġi kkunsidrat ukoll li jintużaw is-servizzi tal-Kummissjoni Internazzjonali Umanitarja li Tistabbilixxi l-Fatti (IHFFC) stabbilita skont il-Protokoll Addizzjonali I għall-Konvenzjonijiet ta' Ġinevra tal-1949, li tista' tassisti fil-promozzjoni tar-rispett għad-Dritt Umanitarju Internazzjonali permezz tal-kapaċità tagħha li tistabbilixxi l-fatti u l-funzjoni tagħha ta' medjazzjoni; jinnota li s-servizzi tal-IHFFC ma ntużawx, u jħeġġeġ lill-Kunsill, lill-Istati Membri u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna biex jikkunsidraw serjament li jattivaw din il-kummissjoni, għall-ewwel darba minn mindu nħolqot, sabiex l-attakki fuq sptarijiet u skejjel jiġu indirizzati bħala sitwazzjoni ta' kriżi urġenti fir-rigward tar-rispett għall-istandards fil-qasam tad-dritt umanitarju internazzjonali;
8. Jinnota bi tħassib li, fil-preżent, l-ispazju istituzzjonali fejn il-komunità internazzjonali tista' tindirizza t-tħassib komuni relatat mal-implimentazzjoni tad-dritt umanitarju internazzjonali hu limitat; jiddispjaċih, f'dan il-kuntest, li l-istati parteċipanti fit-32 Konferenza Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar u n-Nofs Qamar l-Aħmar ta' Diċembru 2015 ma rnexxilhomx jilħqu qbil dwar mekkaniżmu ġdid li kien se jsaħħaħ is-sistema ta' governanza tad-dritt umanitarju internazzjonali permezz ta' laqgħa annwali tal-istati biex jissaħħaħ id-djalogu u l-introduzzjoni ta' rapportar perjodiku dwar il-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali; jappella biex l-UE u l-Istati Membri tagħha jaħdmu sabiex jinkiseb riżultat aħjar fil-proċess intergovernattiv li jmiss;
9. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u lill-gvernijiet tal-istati membri tan-NU.