Dokument ta' sessjoni
9.5.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030
( 2016/2696(RSP) )
Davor Ivo Stier, Daniel Caspary, Lorenzo Cesa, Michael Gahler, Elisabetta Gardini, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Bogdan Brunon Wenta, Milan Zver, Theodoros Zagorakis, Mariya Gabriel, Ramón Luis Valcárcel Siso
f'isem il-Grupp PPE
Eric Andrieu, Nikos Androulakis, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, Goffredo Maria Bettini, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Viorica Dăncilă, Jonás Fernández, Doru-Claudian Frunzulică, Enrico Gasbarra, Neena Gill, Michela Giuffrida, Maria Grapini, Enrique Guerrero Salom, Sylvie Guillaume, Sergio Gutiérrez Prieto, Richard Howitt, Cătălin Sorin Ivan, Liisa Jaakonsaari, Eva Kaili, Cécile Kashetu Kyenge, Krystyna Łybacka, Costas Mavrides, Marlene Mizzi, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Demetris Papadakis, Pina Picierno, Tonino Picula, Miroslav Poche, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Siôn Simon, Monika Smolková, Tibor Szanyi, Claudia Tapardel, Marc Tarabella, Elena Valenciano, Julie Ward, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho, Norbert Neuser, Linda McAvan, Arne Lietz
f'isem il-Grupp S&D
Nirj Deva
f'isem il-Grupp ECR
Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Charles Goerens, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen
f'isem il-Grupp ALDE
Nedzhmi Ali, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Charles Goerens, Marian Harkin, Filiz Hyusmenova, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Robert Rochefort, Marietje Schaake, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Ivo Vajgl, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen
f'isem il-Grupp GUE/NGL
European Parliament resolution on the follow-up to and review of the 2030 Agenda
( 2016/2696(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dokument "Nittrasformaw id-Dinja Tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli" adottat min-Nazzjonijiet Uniti fis-Summit dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta' Settembru 2015, fi New York,
– wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015 f'Addis Ababa,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Interaġenzjali ta' Esperti dwar l-Indikaturi tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (IAEG-SDG), li ġie ppubblikat fis-17 ta' Diċembru 2015, u li ġie adottat fis-47 sessjoni tal-Kummissjoni tal-Istatistika tan-NU f'Marzu 2016,
– wara li kkunsidra li t-Taqsima ta' Livell Għoli tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (ECOSOC) se ssir bejn it-18 u t-22 ta' Lulju 2016 bit-tema "L-Implimentazzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp ta' wara l-2015: mill-impenji nimxu għar-riżultati",
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp[1],
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015[2],
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",
– wara li kkunsidra l-iżvilupp kontinwu tal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà, li se tkun ta' gwida għall-azzjonijiet globali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU – kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija[3],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp,
– wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 – "L-Approċċ il-Ġdid lil hinn mill-2020",
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra u d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan f'Diċembru 2011,
– wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u r-reviżjoni tiegħu li jmiss,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jesiġi li l-prinċipju tal-politiki għall-iżvilupp jitqies fil-politiki esterni kollha tal-UE,
– wara li kkunsidra l-eżiti tas-Summit Umanitarju Dinji li se jsir f'Istanbul, it-Turkija fit-23 u l-24 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra l-ittra tad-29 ta' Marzu 2016 li ntbagħtet mill-Kumitat għall-Iżvilupp lill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali dwar il-kwistjoni tas-segwitu u r-rieżami tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi r-Riżoluzzjoni 70/1 tal-Assemblea Ġenerali tappella sabiex l-għanijiet u l-miri jingħataw segwitu u jiġu rieżaminati permezz ta' sett ta' indikaturi globali; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU ingħata mandat biex ifassal rapport ta' progress annwali dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli sabiex ikun ta' għajnuna għas-segwitu u r-rieżami min-naħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli; billi r-rapport ta' progress dwar l-SDGs għandu jkun ibbażat fuq data fornuta mis-sistemi tal-istatistika nazzjonali u informazzjoni miġbura f'livelli differenti;
B. billi l-Kummissjoni tal-Istatistika, fis-46 sessjoni tagħha (3-6 ta' Marzu 2015), approvat il-pjan direzzjonali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' indikaturi globali;
C. billi l-Grupp Interaġenzjali ta' Esperti dwar l-Indikaturi tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli ġie inkarigat biex jiżviluppa kompletament proposta għall-qafas ta' indikaturi dwar il-monitoraġġ tal-għanijiet u tal-miri tal-Aġenda għall-Iżvilupp ta' wara l-2015, ippropona indikaturi għar-rieżami tal-Aġenda 2030, li ġew maqbula fis-47 sessjoni tal-Kummissjoni tal-Istatistika tan-NU f'Marzu 2016;
D. billi s-sett propost ta' 230 indikatur tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jirrappreżenta punt ta' tluq tajjeb u qafas b'saħħtu għas-segwitu u r-rieżami tal-progress lejn il-kisba tas-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli;
E. billi bosta mill-indikaturi għadhom ma ġewx finalizzati, filwaqt li fl-istess ħin l-istati membri firmatarji se jkollhom jiżviluppaw l-indikaturi nazzjonali tagħhom skont l-indikaturi globali, adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom;
F. billi l-qafas globali ta' indikaturi għandu jiġi maqbul mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (ECOSOC) f'Lulju 2016 u mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2016;
G. billi l-Kunsill Affarijiet Barranin fil-komponent tiegħu dwar l-iżvilupp se jiltaqa' fit-12 ta' Mejju 2016 u għandu jħejji pożizzjoni tal-UE għal-laqgħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li se ssir f'Lulju u jiddetermina f'liema kuntest se ssir id-diskussjoni tematika dwar il-kummerċ u l-iżvilupp, billi jiffoka fuq il-kontribut tal-UE fis-settur privat fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030;
H. billi l-membri tal-Kumitat tiegħu għall-Iżvilupp bagħtu ittra lill-Kummissarju Mimica, fejn talbu lill-Kummissjoni tippubblika komunikazzjoni dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030, qabel il-laqgħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Lulju 2016; billi l-Kummissjoni għadha lanqas biss bagħtet tweġiba uffiċjali għal din it-talba;
I. billi l-ippjanar strateġiku, l-implimentazzjoni u r-rapportar tas-sistema kollha huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat appoġġ koerenti u integrat għall-implimentazzjoni tal-Aġenda l-ġdida mis-sistema tal-iżvilupp tan-NU;
J. billi l-qafas universali l-ġdid għall-iżvilupp sostenibbli jappella għal aktar koerenza bejn l-oqsma differenti tal-politika u tal-atturi tal-UE, li jeħtieġ aktar koordinazzjoni, djalogu u ħidma konġunta fil-livelli kollha fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll bejniethom, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni tat-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli (dak ambjentali, ekonomiku u soċjali) fil-politiki interni u esterni tal-UE;
K. billi l-laqgħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Lulju 2016 se tinkludi rieżamijiet volontarji ta' 22 pajjiż inkluż erba' pajjiżi Ewropej – l-Estonja, il-Finlandja, Franza u l-Ġermanja – u rieżamijiet tematiċi tal-progress tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, inkluż kwistjonijiet trasversali, appoġġati mir-rieżamijiet mill-kummissjonijiet funzjonali tal-ECOSOC u korpi intergovernattivi u fora oħra;
1. Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barrinin fil-komponent tiegħu dwar l-iżvilupp jadotta, qabel il-laqgħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Lulju, pożizzjoni koerenti u komuni tal-UE, li tqis il-pożizzjoni tal-Parlament, kif espressa f'din ir-riżoluzzjoni; jemmen li huwa kruċjali għall-kredibbiltà tal-UE kif ukoll għall-pożizzjoni ta' tmexxija tagħha li tiġi ppreżentata pożizzjoni komuni; jinsab imħasseb li l-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx komunikazzjoni dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030 qabel il-laqgħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, kif mitlub mill-membri tal-Kumitat għall-Iżvilupp, li għandha sservi bħala bażi għal pożizzjoni komuni tal-UE;
2. Jilqa' r-rapport tal-Grupp Interaġenzjali ta' Esperti dwar l-indikaturi tal-SDGs; jemmen li dan jirrappreżenta kisba eċċezzjonali u huwa bażi tajba għan-negozjati peress li l-indikaturi proposti jiġbdu l-attenzjoni għas-serje ħafna aktar varjat ta' tħassib strutturali;
3. Jilqa' l-kapitolu separat dwar id-diżaggregazzjoni tad-data u l-importanza mogħtija lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali tal-istatistika;
4. Jirrikonoxxi r-rwol kritiku tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fir-rieżami tal-implimentazzjoni tal-SDGs; jenfasizza li dan il-korp jeħtieġ li jiżgura l-valutazzjoni koordinata u effiċjenti tal-ħtiġijiet u l-adozzjoni tal-pjanijiet direzzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Aġenda 2030;
5. Jenfasizza li l-Aġenda 2030 u l-SDGs jirrappreżentaw impenn internazzjonali mġedded biex jinqered il-faqar, jiġu definiti mill-ġdid u modernizzati l-istrateġiji tagħna għall-iżvilupp għall-15-il sena li ġejjin u biex jiġi żgurat li aħna niksbu riżultati;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal Strateġija globali għall-Iżvilupp Sostenibbli li tkun tinkludi l-oqsma tal-politiki interni u esterni kollha rilevanti, bi skeda ta' żmien dettaljata sal-2030, b'rieżami ta' nofs it-terminu u proċedura speċifika li tiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament, inkluż pjan ta' implimentazzjoni konkret li jikkoordina l-kisba tas-17-il għan, 169 mira u 230 indikatur globali; jenfasizza l-importanza tal-universalità tal-għanijiet, u tal-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jimplimentaw l-għanijiet u l-miri kollha b'mod sħiħ, fil-prattika u fl-ispirtu;
7. Jinsisti li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-politiki ta' implimentazzjoni assoċjati għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha, inkluż il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, permezz ta' proċess inklużiv;
8. Jappella għal komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030, b'informazzjoni ċara dwar l-istruttura tal-implimentazzjoni tal-Aġenda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri; jissottolinja l-fatt li kull Direttorat Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jkun involut kompletament fl-integrazzjoni tal-Aġenda 2030 fir-rieżami li jmiss tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà, sabiex tiġi żgurata koerenza politika b'saħħitha għall-iżvilupp sostenibbli;
9. Jenfasizza li r-rieżami tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp jeħtieġ li jirrifletti bi sħiħ l-Aġenda 2030 il-ġdida, li tinkludi bidla fundamentali u trasformazzjoni kompleta tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp; ifakkar li pprogrammar adegwat u immirat tal-għajnuna fi ħdan il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'rispett dovut għall-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna, huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri assoċjati;
10. Jenfasizza li l-UE jeħtieġ li tieħu vantaġġ sħiħ tar-rieżami ta' nofs it-terminu li jmiss tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) sabiex jiġi żgurat li l-mekkaniżmi ta' finanzjament u l-linji baġitarji jirriflettu l-impenji kollha tal-Aġenda 2030 maqbula mill-UE; jappella biex l-UE u l-Istati Membri jerġgħu jimpenjaw ruħhom mingħajr dewmien għall-mira ta' 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) sabiex tinkiseb il-mira ta' 0,7 %;
11. Jappella għal djalogu regolari bejn il-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Kummissjoni dwar il-progress li sar, li jkun jinkludi rapportar regolari lill-Parlament, b'konformità mal-prinċipji tat-trasparenza u tar-responsabbiltà reċiproka; jinsisti dwar il-ħtieġa għal djalogu msaħħaħ bejn il-Kummissjoni u l-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika dwar l-iżvilupp u tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;
12. Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex, b'konsultazzjoni mill-qrib ma' sħab oħra, jippreżentaw proposti konkreti dwar kif il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tiġi integrata b'mod aktar effikaċi fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u jappella biex dan l-approċċ il-ġdid jiġi integrat fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effikaċi u jingħeleb l-approċċ "tad-dipartimentaliżmu";
13. Jenfasizza l-importanza li jiġi integrat il-kunċett tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex, f'konsultazzjoni mill-qrib ma' sħab oħra, jippreżentaw proposti konkreti dwar kif il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tiġi integrata b'mod aktar effikaċi fl-approċċ tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u jappella biex dan l-approċċ il-ġdid jiġi integrat fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE;
14. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmi effikaċi ta' monitoraġġ, rieżami u responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, u tirrapporta lura lill-Parlament fuq bażi regolari; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiżdied l-iskrutinju demokratiku mill-Parlament, possibbilment permezz ta' ftehim interistituzzjonali vinkolanti, skont l-Artikolu 295 tat-TFUE;
15. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji speċjalizzati, lill-fondi u lill-programmi tan-NU jistabbilixxu djalogu ta' livell għoli dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs, bl-għan li jikkoordinaw il-politiki, il-programmi u l-operazzjonijiet tal-UE u tan-NU u ta' donaturi oħra; jissottolinja l-importanza ta' data diżaggregata u aċċessibbli għall-monitoraġġ tal-progress u għall-evalwazzjoni tar-riżultati;
16. Jistieden lill-aġenziji u lill-korpi tan-NU jsaħħu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fi ħdan l-istrutturi ta' ħidma tan-NU, sabiex ikun hemm integrazzjoni effikaċi tad-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.