Dokument ta' sessjoni
9.5.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8–0367/2016 u B8–0368/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA
( 2016/2573(RSP) )
Monika Hohlmeier, Jeroen Lenaers
f'isem il-Grupp PPE
<<<
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA
( 2016/2573(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4, 6 u 21 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-protokolli tagħha,
– wara li kkunsidra l-istrumenti rilevanti tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tas-16 ta' Diċembru 1966, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra tal-10 ta' Diċembru 1984 u l-protokolli rilevanti tagħhom, u l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Ħarsien tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat tal-20 ta' Diċembru 2006,
– wara li kkunsidra l-Linji Gwida għall-Politika tal-UE Lejn Pajjiżi Terzi dwar it-Tortura u Trattament jew Pieni Krudili, Inumani jew Degradanti oħra u l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, imħejji mir-Rapporteur Speċjali, dwar it-tortura u trattament jew pieni krudili, inumani jew degradanti oħra, li jiffoka fuq il-kummissjonijiet ta' inkjesta b'risposta għal sistemi jew prattiki ta' tortura jew forom oħra ta' maltrattament[1],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-UE-Stati Uniti dwar l-għeluq tal-Bajja ta' Guantánamo u l-Kooperazzjoni Futura Kontra t-Terroriżmu tal-15 ta' Ġunju 2009,
– wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem fil-kawżi Nasr u Ghali v l-Italja (Abu Omar) ta' Frar 2016, Al Nashiri v il-Polonja u Husayn (Abu Zubaydah) v il-Polonja ta' Lulju 2014 u El-Masri v l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja ta' Diċembru 2012,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 2178 (2014) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tal-24 ta' Settembru 2014 dwar it-theddid għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali kkawżati minn atti terroristiċi,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-14 ta' Frar 2007[2] u tad-19 ta' Frar 2009[3] dwar l-użu l-allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar l-allegat trasportazzjoni u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA: segwitu tar-rapport tal-Kumitat tat-TDIP tal-Parlament Ewropew[4],
– wara li kkunsidra l-Ordni Eżekuttiva 13491 tal-President Obama dwar l-iżgurar ta' interrogazzjonijiet legali, tat-22 ta' Jannar 2009,
– wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-President Obama tal-20 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra d-dibattitu tas-sessjoni plenarja tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA[5],
– wara li kkunsidra l-missjoni parlamentari ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, f'Bukarest, ir-Rumanija tal-24 u l-25 ta' Settembru 2015, u r-rapport korrispondenti tal-missjoni,
– wara li kkunsidra s-seduta pubblika li saret mill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fit-13 ta' Ottubru 2015 dwar "Investigazzjoni dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA",
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-istudju tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern bit-titolu "A quest for accountability?, EU and Member State inquiries into the CIA Rendition and Secret Detention Programme" (Talba għal responsabbiltà? Inkjesti mill-UE u l-Istati Membri fil-programm ta' konsenja u ta' detenzjoni sigrieta tas-CIA),
– wara li kkunsidra l-inkjesta magħluqa skont l-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li tqis id-detenzjoni illegali mis-CIA u t-trasport ta' priġunieri suspettati b'atti terroristiċi, kif ukoll it-talba tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati kollha li huma partijiet għall-KEDB biex jipprovdulu informazzjoni dwar investigazzjonijiet tal-passat jew li għadhom għaddejjin, każijiet rilevanti quddiem il-qrati domestiċi jew miżuri oħra meħuda fir-rigward tal-kwistjoni ta' din l-inkjesta sat-30 ta' Settembru 2015[6],
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar is-segwitu għar-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Frar 2015 dwar ir-rapport tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-użu tat-tortura mis-CIA ( O-000038/2016 – B8–0367/2016 u O-000039/2016 – B8–0368/2016 ),
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea hija stabbilita fuq impenn għad-demokrazija, l-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem u d-dritt internazzjonali, mhux biss fil-politiki interni tagħha, iżda wkoll fid-dimensjoni esterna tagħha; billi l-impenn tal-UE għad-drittijiet tal-bniedem, kif imsaħħaħ bid-dħul fis-seħħ tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-proċess ta' adeżjoni mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem għandu jiġi rifless fl-oqsma kollha ta' politika sabiex il-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem issir effikaċi;
B. billi l-Parlament talab b'mod ripetut biex il-ġlieda kontra t-terroriżmu tirrispetta d-dinjità tal-bniedem, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, inkluż fil-kuntest tal-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam, fuq il-bażi tat-Trattati tal-UE, il-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, kostituzzjonijiet nazzjonali u leġiżlazzjoni tad-drittijiet fundamentali;
C. billi l-Parlament, permezz tal-Kumitat Temporanju tiegħu dwar l-użu allegat ta' pajjiżi Ewropej mis-CIA għat-trasport u d-detenzjoni illegali ta' priġunieri, ikkundanna bil-qawwa l-programm dwar il-konsenja u d-detenzjoni sigrieta tal-Aġenzija Ċentrali tal-Intelligence (CIA) immexxija mill-Istati Uniti li jinvolvi diversi ksur tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom id-detenzjoni illegali u arbitrarja, it-tortura u trattament ħażin ieħor;
D. billi proċess xieraq ta' responsabbiltà huwa essenzjali sabiex tinżamm il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet demokratiċi, ikunu mħarsa u promossi b'mod effikaċi d-drittijiet tal-bniedem fil-politiki interni u esterni tal-UE, u jkunu żgurati politiki ta' sigurtà leġittimi u effikaċi bbażati fuq l-istat tad-dritt;
E. billi fil-11 ta' Settembru 2001, l-Istati Uniti sabet ruħha taħt attakki bla preċedent minn terroristi tal-Al-Qaeda, li qatlu aktar minn 3 000 persuna meta ajruplani ttajru fiż-żewġ torrijiet tal-World Trade Centre, fil-Pentagon u f'għalqa f'Pennsylvania;
F. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Istati Uniti huma bbażati fuq sħubija u kooperazzjoni b'saħħitha f'ħafna oqsma, abbażi ta' valuri komuni u kondiviżi tagħhom ta' demokrazija, l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali; billi l-UE u l-Istati Uniti saħħu l-impenn tagħhom fil-ġlieda kontra t-terroriżmu mindu seħħew l-attakki terroristiċi tal-11 ta' Settembru 2001;
G. billi fil-15 ta' Ġunju 2009, l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Istati Uniti tal-Amerika ffirmaw dikjarazzjoni konġunta dwar l-għeluq tal-faċilità ta' detenzjoni tal-Bajja ta' Guantánamo u dwar kooperazzjoni futura kontra t-terroriżmu, ibbażata fuq valuri kondiviżi, id-dritt internazzjonali, u r-rispett lejn l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem,
H. billi l-għajnuna tal-Istati Membri tal-UE biex xi wħud mill-priġunieri jingħataw appoġġ wara l-ħelsien kienet lenta u limitata;
I. billi fit-23 ta' Frar 2016 il-President Obama bagħat lill-Kungress pjan biex jagħlaq darba għal dejjem il-ħabs militari tal-Istati Uniti fil-Bajja ta' Guantánamo, f'Kuba;
J. billi fit-3 ta' Diċembru 2014, wara sitt snin ta' investigazzjonijiet, il-Kumitat Magħżul tas-Senat tal-Istati Uniti dwar l-Intelligence rrilaxxa sommarju eżekuttiv rigward l-Istudju tiegħu dwar il-programm ta' detenzjoni u interrogazzjoni tas-CIA;
K. billi fid-dawl ta' dan is-sommarju eżekuttiv, il-Parlament ta istruzzjonijiet lill-Kumitat tiegħu għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat tiegħu għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat tiegħu għad-Drittijiet tal-Bniedem biex ikomplu l-investigazzjonijiet tagħhom dwar l-allegati trasportazzjoni u żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA u biex jirrapporta lill-plenarja fi żmien sena;
L. billi din l-inkjesta ta' segwitu kienet tinvolvi li tintbagħat missjoni parlamentari ta' ġbir ta' informazzjoni fir-Rumanija, fejn allegatament eżistew siti ta' detenzjoni sigrieta tas-CIA, tinġabar l-informazzjoni u l-evidenza relevanti kollha dwar tixħim jew atti oħra ta' korruzzjoni marbuta mal-programm tas-CIA, u li jkun organizzat smigħ li jinvolvi l-parlamenti nazzjonali u professjonisti sabiex jiflu l-inkjesti parlamentari u ġudizzjarji kollha tal-passat u dawk attwali;
1. Itenni l-kundanna qawwija tiegħu għal użu ta' tekniki msaħħa ta' interrogazzjoni, li huma pprojbiti skont id-dritt internazzjonali u li jiksru fost l-oħrajn id-drittijiet għal-libertà, is-sigurtà, it-trattament dinjituż, il-libertà mit-tortura, il-preżunzjoni tal-innoċenza, il-proċess ġust, il-konsulenza legali u l-protezzjoni ugwali skont il-liġi;
2. Iqis li l-Istati Membri ddikjaraw ir-rieda tagħhom li jimxu skont id-dritt internazzjonali; jenfasizza, konsegwentement, li Stati Membri li jagħmlu stħarriġ indipendenti u effikaċi dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem konnessi mal-programm tas-CIA għandhom jibbażaw l-investigazzjonijiet tagħhom fuq evidenza ġudizzjarja konkreta u fuq ir-rispett għas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali u d-dritt tal-UE, mhux biss fuq l-ispekulazzjoni tal-midja u dik pubblika;
3. Jenfasizza l-importanza unika u n-natura strateġika tar-relazzjoni transatlantika fi żmien ta' instabbiltà globali li qed tiżdied; huwa tal-fehma li din ir-relazzjoni, li hija bbażata fuq interessi komuni u valuri kondiviżi, jeħtieġ li tissaħħaħ aktar abbażi tar-rispett għall-multilateraliżmu, għall-istat tad-dritt internazzjonali u r-riżoluzzjoni negozjata tal-kunflitt;
4. Ifakkar fir-rwol kruċjali tal-Istati Uniti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluż fl-Ewropa; jemmen li l-kooperazzjoni transatlantika dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu jeħtieġ li tiġi ppreservata għall-benefiċċju komuni taċ-ċittadini fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku u b'rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali u l-privatezza, kif garantiti mil-leġiżlazzjoni tal-UE; jitlob li jkompli d-djalogu politiku bejn is-sħab transatlantiċi dwar kwistjonijiet ta' sigurtà u l-ġlieda kontra t-terroriżmu, inkluża l-protezzjoni tad-drittijiet ċivili u d-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiġi miġġieled it-terroriżmu b'mod effettiv;
5. Jissottolinja l-fatt li l-kooperazzjoni transatlantika bbażata fuq valuri komuni bħall-promozzjoni tal-libertà u s-sigurtà, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem hija u għandha tkun prijorità ewlenija f'relazzjonijiet barranin tal-UE; itenni l-pożizzjoni ċara stabbilita fid-dikjarazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-2009 li tikkonferma li l-isforzi konġunti biex jiġi miġġieled it-terroriżmu jeħtieġ ikunu konformi mal-obbligi skont id-dritt internazzjonali, b'mod partikolari d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju, u li dan se jwassal sabiex il-pajjiżi tagħna jsiru aktar b'saħħithom u siguri;
6. Itenni l-impenn deċiżiv tiegħu li jikkoopera mal-Istati Uniti tal-Amerika fil-ġlieda globali kontra t-terroriżmu, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità sħiħa u stretta mal-obbligi tad-drittijiet fundamentali u tal-istat tad-dritt, u jenfasizza wkoll li l-miżuri effikaċi kontra t-terroriżmu u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem ma jkunux għanijiet inkompatibbli iżda jkunu komplimentari u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku; jirrimarka li r-rispett għad-drittijiet fundamentali huwa element essenzjali għas-suċċess tal-politiki kontra t-terroriżmu; ifakkar li l-ġlieda kontra t-terroriżmu teħtieġ approċċ multilaterali u għalhekk jippromwovi b'mod attiv alleanza globali kontra t-terroriżmu fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti, bl-involviment tal-atturi internazzjonali kollha;
7. Jilqa' l-passi pożittivi reċenti tal-President Obama bl-isforzi kontinwi u ripetuti tiegħu biex tingħalaq il-faċilità ta' detenzjoni fil-bażi militari tal-Istati Uniti fil-Bajja ta' Guantánamo, f'Kuba, u biex ikun inkluż il-ħelsien ta' dawk id-detenuti li ma ġewx akkużati; jenfasizza li l-President Obama fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-20 ta' Jannar 2015, tenna d-determinazzjoni tiegħu li jwettaq il-wegħda tal-kampanja tiegħu tal-2008 li jagħlaq il-ħabs fil-Bajja ta' Guantánamo, u jikkonferma ulterjorment il-pjan li huwa bagħat lill-Kungress fit-23 ta' Frar 2016; jerġa' jitlob li l-priġunieri kollha li għad fadal jiġu trasferiti fil-faċilitajiet ta' detenzjoni regolari fuq il-kontinent taħt kondizzjonijiet li jikkonformaw mal-istandards internazzjonali, u li jiġu akkużati u pproċessati b'mod leġittimu quddiem qrati ordinarji;
8. Jitlob li jkun hemm djalogu interparlamentari regolari u strutturat bejn l-UE u l-Istati Uniti, b'mod partikolari bejn il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, u l-kontropartijiet rilevanti tiegħu fil-Kungress u s-Senat tal-Istati Uniti, biex dan jissaħħaħ bl-użu tal-modi kollha ta' kooperazzjoni u djalogu previsti fid-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD); jilqa', f'dan ir-rigward, it-78 laqgħa tad-Djalogu Transatlantiku tal-Leġiżlaturi (TLD) bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti, li ser isir fl-Aja mis-26 sat-28 ta' Ġunju 2016, bħala opportunità biex tissaħħaħ dik il-kooperazzjoni, peress li l-kooperazzjoni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu ser tkun parti integrali mid-diskussjoni;
9. Jistieden lill-Istati Membri biex, fid-dawl tal-kooperazzjoni msaħħa u tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-intelligence sigrieta u l-aġenziji tas-sigurtà tagħhom, jiżguraw skrutinju demokratiku ta' dawk l-aġenziji u tal-attivitajiet tagħhom permezz ta' sorveljanza parlamentari interna, eżekuttiva, ġudizzjarja u indipendenti xierqa;
10. Ifakkar li l-parlamenti nazzjonali, fil-funzjonijiet tagħhom ta' skrutinju tal-eżekuttiv, u l-qrati Ewropej u nazzjonali, b'mod partikolari l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, bħala gwardjani tal-istat tad-dritt u l-ħarsien tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, huma l-korpi l-aktar adatti biex iwettqu kwalunkwe investigazzjoni dwar il-proċeduri kriminali, l-allegat trasport u detenzjoni illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA, u biex jipprovdu rimedji effikaċi għall-vittmi;
11. Jinnota li fil-11 ta' Frar 2016, is-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropa, Thorbjørn Jagland, iddeċieda li jagħlaq inkjesta ta' 10 snin li nbdiet mill-predeċessur tiegħu skont l-Artikolu 52 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-detenzjonijiet u t-trasport ta' detenuti ssuspettati b'atti terroristiċi; jinnota li, filwaqt li t-tweġibiet nazzjonali mhux kollha kienu sostanzjali, il-proċedura xorta waħda tat informazzjoni li sussegwentement ġiet użata fl-azzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa biex jidentifika u jirrimedja l-ksur ikkonċernat;
12. Jenfasizza li l-investigazzjoni ta' sena mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tal-Parlament dwar l-allegati trasportazzjoni u ż-żamma illegali ta' priġunieri f'pajjiżi Ewropej mis-CIA ma wasslet għall-ebda konklużjoni addizzjonali sinifikanti, u għalhekk jitlob lill-Kumitat jagħlaq l-investigazzjoni tiegħu, hekk kif il-Kunsill tal-Ewropa għamel fil-11 ta' Frar 2016;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.