Dokument ta' sessjoni
10.5.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina u l-istatus ta' ekonomija tas-suq
( 2016/2667(RSP) )
David Borrelli, Tiziana Beghin, Laura Agea, Isabella Adinolfi, Piernicola Pedicini, Beatrix von Storch
f'isem il-Grupp EFDD
<<<
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina u l-istatus ta' ekonomija tas-suq
( 2016/2667(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-preambolu tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jiddikjara li l-Istati Membri huma determinati li "jippromwovu l-progress ekonomiku u soċjali għall-popli tagħhom, li jieħdu kont tal-prinċipju tal-iżvilupp sostenibbli u fil-kuntest tar-realizzazzjoni tas-suq intern u tat-tisħiħ tal-koeżjoni u tal-protezzjoni ambjentali, u għall-implimentazzjoni tal-politika li tassigura li l-avvanzi fl-integrazzjoni ekonomika jkunu akkompanjati bil-progress parallel f'oqsma oħra",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 3(5) tat-TUE, li jiddikjara li "fir-relazzjonijiet tagħha mal-bqija tad-dinja, l-Unjoni għandha tafferma u tippromwovi l-valuri u l-interessi tagħha u tikkontribwixxi għall-protezzjoni taċ-ċittadini tagħha",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 17(1) tat-TUE, li jiddikjara li l-Kummissjoni "għandha tippromwovi l-interess ġenerali tal-Unjoni u tieħu l-inizjattivi xierqa għal dan il-għan",
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-UE u ċ-Ċina,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina huma tnejn mill-akbar negozjanti fid-dinja u billi ċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE;
B. billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u ċ-Ċina jridu jkunu bbażati fuq ir-rispett reċiproku u fuq kooperazzjoni ugwali u ġusta fil-qasam ekonomiku u f'oqsma oħra;
C. billi l-iżvilupp tar-relazzjonijiet bilaterali bejn l-UE u ċ-Ċina għandhom ikunu mmirati biex itejbu l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol u biex isaħħu l-ekonomiji rispettivi tagħhom;
D. billi l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiddikjara li "fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika u l-azzjonijiet tagħha, l-Unjoni għandha tieħu kont tal-ħtiġijiet marbuta mal-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa [u] mal-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali";
E. billi l-Artikolu 151 tat-TFUE jiddisponi li "l-Unjoni u l-Istati Membri [...] għandu jkollhom bħala mira l-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol";
F. billi l-għoti ta' status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, idgħajjef serjament l-industrija, l-impjieg u l-ħiliet f'setturi ekonomiċi strateġiċi tal-UE;
G. billi kwalunkwe deċiżjoni dwar kif għandu jiġi rregolat il-kummerċ fi prodotti Ċiniżi li huma l-oġġett ta' dumping trid tiżgura l-konformità mad-dritt tal-UE u mar-regoli tad-WTO;
H. billi l-istatus ta' ekonomija tas-suq jagħmilha ferm aktar diffiċli li tittieħed azzjoni antidumping fejn meħtieġ;
I. billi t-Taqsima 15(a)(ii) biss tal-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) se tiskadi f'Diċembru 2016, filwaqt li l-bqija tal-partijiet ta' din it-taqsima se jibqgħu fis-seħħ;
J. billi ċ-Ċina ma tissodisfax il-ħames kriterji tal-UE għall-għoti ta' status ta' ekonomija tas-suq;
K. billi l-kapaċità ta' produzzjoni żejda fiċ-Ċina diġà qed ikollha konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali ħorox fl-UE, kif wera dan l-aħħar l-impatt negattiv fuq is-settur tal-azzar tar-Renju Unit;
L. billi l-għoti possibbli ta' status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina jkollu konsegwenzi serji għar-relazzjonijiet kummerċjali mas-sħab ewlenin tal-UE, bħalma huma l-Istati Uniti tal-Amerka;
M. billi l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Industrija Ewropea Aktar b'Saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" ( COM(2012)0582 ) għandha l-għan li tiżgura li, sal-2020, l-industrija tikkontribwixxi 20 % tal-PDG fl-Ewropa;
N. billi l-għoti ta' status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina, kif inhuma l-affarijiet bħalissa, se jkollu impatt qawwi fuq l-ekonomija Ewropea, bi tnaqqis potenzjali fil-PDG sa 2 % u t-telf potenzjali ta' miljuni ta' impjiegi;
O. billi issa l-Kummissjoni qiegħda tard biex tippreżenta l-valutazzjoni tagħha tal-impatt tal-għoti ta' status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina mil-lat ekonomiku u f'termini ta' impjieg;
1. Jisħaq fuq l-importanza tal-funzjoni tal-Parlament u jirrifjuta kwalunkwe proċedura ta' negozjar jew proċedura istituzzjonali li tippreġudikaha;
2. Jappella biex is-Sħubija Strateġika tal-UE maċ-Ċina tkun ibbażata fuq relazzjonijiet kummerċjali ġusti, f'konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO, fuq ir-rispett reċiproku u fuq kooperazzjoni ugwali u ġusta, u tkun immirata biex ittejjeb l-istandards tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol;
3. Jikkondividi t-tħassib li qajmu l-partijiet interessati fid-dibattitu dwar il-konsegwenzi negattivi li jista' jkollu l-għoti possibbli ta' status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina f'termini ta' impjieg u industrija fl-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tieħu kont debitu tal-impatt ekonomiku u soċjali u tat-telf massiv potenzjali ta' impjiegi u kompetenzi, speċjalment f'ċerti setturi strateġiċi, fl-UE;
4. Jistieden lill-Kummissjoni ma tagħtix status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina u ma tadottax il-"metodoloġija standard" b'relazzjoni mal-importazzjonijiet miċ-Ċina sakemm din tiġi biex tissodisfa l-ħames kriterji tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex, sakemm iċ-Ċina tibqa' ma tissodisfax dawn il-ħames kriterji biex tikkwalifika bħala ekonomija tas-suq, tħalli l-oneru tal-prova f'idejn il-produtturi Ċiniżi;
5. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina l-azzjoni tagħha ma' sħabha kummerċjali ewlenin u topponi kwalunkwe pożizzjoni unilaterali min-naħa taċ-Ċina li tista' ddgħajjef ir-relazzjonijiet politiċi u kummerċjali ma' dawn is-sħab;
6. Jistieden lill-Kummissjoni twettaq in-negozjati kummerċjali maċ-Ċina mingħajr ma tħalli lilha nnifisha tiġi kkundizzjonata minn skadenzi u pożizzjonijiet unilaterali;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.