Dokument ta' sessjoni
10.5.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina
( 2016/2667(RSP) )
Marine Le Pen, Matteo Salvini, Franz Obermayr, Edouard Ferrand, Barbara Kappel
f'isem il-Grupp ENF
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina
( 2016/2667(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea[1],
– wara li kkunsidra l-Protokoll ta' Adeżjoni taċ-Ċina mal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kunsill u tal-Kummissjoni tal-10 ta' Mejju 2016 dwar l-istatus ta' ekonomija tas-suq taċ-Ċina (MES),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-Unjoni Ewropea u ċ-Ċina huma tnejn mill-akbar qawwiet kummerċjali fid-dinja, fejn iċ-Ċina hija t-tieni l-akbar sieħba kummerċjali tal-UE u l-UE hija l-akbar sieħba kummerċjali taċ-Ċina, b'volum ta' kummerċ li jisboq sewwa l-EUR 1 biljun kuljum;
B. billi kwalunkwe deċiżjoni dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-importazzjonijiet miċ-Ċina wara Diċembru 2016 għandha tiżgura l-konformità tad-dritt tal-UE mad-dispożizzjonijiet tad-WTO;
C. billi ċ-Ċina, minkejja l-adeżjoni tagħha mad-WTO kważi 15-il sena ilu, għadha ma titqiesx ekonomija tas-suq minn ebda wieħed mis-sħab kummerċjali ewlenin tagħha, u billi n-nuqqas ta' libertà fir-rigward tal-provvista u tad-domanda wassal għall-introduzzjoni tat-Taqsima 15 tal-Protokoll ta' Adeżjoni, li pprovdiet bażi biex l-importazzjonijiet miċ-Ċina jiġu ttrattati b'mod differenti bħala protezzjoni kontra d-dumping tal-prezzijiet;
D billi l-iskadenza awtomatika tat-Taqsima 15(a)(ii) tal-Protokoll ta' Adeżjoni mad-WTO taċ-Ċina ma tagħtix status ta' ekonomija tas-suq lill-ekonomija Ċiniża kollha kemm hi; billi id-dispożizzjonijiet li jifdal tat-Taqsima 15(a)(i) jibqgħu jipprovdu bażi ġuridika għall-applikazzjoni ta' metodoloġija mhux standard għall-importazzjonijiet miċ-Ċina wara l-2016;
E. billi, fid-dawl tal-livell kurrenti ta' influwenza tal-istat fuq l-ekonomija Ċiniża, id-deċiżjonijiet tad-ditti rigward il-prezzijiet, il-kostijiet, l-outputs u l-inputs ma jirrispondux għas-sinjali tas-suq li jirriflettu l-provvista u d-domanda;
F. billi s-sovrakapaċità ta' produzzjoni taċ-Ċina diġà qed ikollha konsegwenzi soċjali, ekonomiċi u ambjentali qawwija fl-UE, kif intwera dan l-aħħar mill-impatt detrimentali fuq is-settur tal-azzar tal-UE, u billi l-impatt soċjali tal-għoti ta' status ta' ekonomija tas-suq jaf ikun sostanzjali f'dak li jirrigwarda l-impjiegi fl-UE u, skont studju mwettaq mill-Istitut tal-Politika Ekonomika, jista' jwassal biex jiġu pperikolati aktar minn 3.5 miljun impjieg;
G. billi l-konsultazzjoni pubblika mibdija reċentement dwar l-għoti possibbli ta' status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina tista' tipprovdi informazzjoni addizzjonali li taf tkun utli biex il-kwistjoni tiġi indirizzata;
1. Itenni l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri tal-UE u ċ-Ċina; jinnota l-għażla taċ-Ċina, bħala stat sovran, ta' ndħil fl-ekonomija u l-kummerċ;
2. Jisħaq fuq il-fatt li ċ-Ċina mhijiex ekonomija tas-suq u li ma ssodisfatx il-ħames kriterji stabbiliti mill-UE biex tiddefinixxi tali pajjiżi;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tqis kif jixraq it-tħassib espress mill-industrija tal-UE u minn persuni kkonċernati differenti dwar il-konsegwenzi għall-impjiegi fl-UE u għat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-setturi kollha tal-manifattura milquta u għall-industrija tal-UE kollha kemm hi, u tiżgura l-kompetittività tal-UE f'kuntest globali;
4. Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ difiża kummerċjali effikaċi;
5. Konsegwentement, iħeġġeġ lill-Kummissjoni ma tagħtix status ta' ekonomija tas-suq liċ-Ċina;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.