Dokument ta' sessjoni
1.6.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
( 2016/2699(RSP) )
Esteban González Pons, Luis de Grandes Pascual, Antonio Tajani, Cristian Dan Preda, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Gabriel Mato, Davor Ivo Stier, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Carlos Iturgaiz, Francisco José Millán Mon, Milan Zver
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
( 2016/2699(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-bosta riżoluzzjonijiet reċenti u preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2] u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-20 ta' Ottubru 2014 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u politiċi fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi kemm l-eżekuttiv kif ukoll l-Qorti Suprema, illegalment kostitwita, ilhom ixekklu l-kompetenzi leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali eletta dan l-aħħar sa mill-inawgurazzjoni tagħha f'Diċembru 2015;
B. billi, fil-ħames xhur ta' attività leġiżlattiva tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida, li fiha l-oppożizzjoni demokratika għandha l-maġġoranza, il-Qorti Suprema qatgħet 13-il sentenza b'motivazzjonijiet politiċi favur l-eżekuttiv, u dan kollu jippreġudika l-bilanċ tal-poteri neċessarju fi Stat ggvernat mill-istat tad-dritt;
C. billi deċiżjonijiet bħal dawk li ħarġu d-digriet ta' emerġenza ekonomika, eliminaw is-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali rigward l-iskrutinju tal-politiki, irrifjutaw li jirrikonoxxu s-setgħa kkonferita lill-Assemblea Nazzjonali mill-kostituzzjoni li tirrevoka l-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Suprema, iddikjaraw inkostituzzjonali r-riforma tal-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal-Venezwela, issospendew l-artikoli tar-Regoli dwar d-Dibattiti Interni tal-Assemblea Nazzjonali u kkonfermaw id-digriet dwar l-istat ta' eċċezzjoni u ta' emerġenza ekonomika, fost l-oħrajn, ittieħdu bi ksur tal-kompetenzi leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali, bl-ebda rispett għall-bilanċ tal-poteri li huwa essenzjali fi Stat iggvernat mill-istat tad-dritt;
D. billi, fid-29 ta' Marzu 2016, l-Assemblea Nazjonali għaddiet il-Liġi dwar l-Amnistija u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, bil-ħsieb li jinħelsu l-priġunieri politiċi fid-diversi ħabsijiet tal-pajjiż, li l-parti l-kbira minnhom kienu miżmuma l-ħabs mingħajr ma sarilhom proċess jew instabu ħatja, u billi fil-11 ta' April 2016 il-Qorti Suprema reġgħet iddikjarat dik il-liġi inkostituzzjonali;
E. billi aktar minn 5 000 ċittadin ġew arrestati u detenuti matul dawn l-aħħar għaxar snin fuq raġunijiet ideoloġiċi u politiċi matul dimostrazzjonijiet pubbliċi jew l-eżerċizzju tad-drittijiet ċivili tagħhom, u billi 84 minnhom għadhom il-ħabs, fil-maġġor parti tal-każijiet mingħajr ma saru proċedimenti neċessarji jew ma nstabu ħatja;
F. billi fl-4 ta' Marzu 2016 sar massakru f'Tumeremo, Stat ta' Bolívar, li matulu għebu 28 minatur li mbagħad inqatlu, u l-awtoritajiet reġjonali u nazzjonali għad iridu jagħtu tweġibiet lill-familji tagħhom, li qegħdin jesiġu ġustizzja, u billi l-ġurnalista Lucia Suárez, li dan l-aħħar investigat il-każ, inqatlet b'tiri fit-28 ta' April 2016 f'darha f'Tumeremo;
G. billi huwa ovvju li l-eżekuttiv tal-Venezwela għandu kontroll sħiħ fuq il-ġudikatura tal-pajjiż u fuq il-Kunsill Elettorali Nazzjonali, bi ksur ċar tal-prinċipju tal-indipendenza u tas-separazzjoni tal-poteri li hija karatteristika ta' stati demokratiċi ggvernati mill-istat tad-dritt;
H. billi r-rati ta' kriminalità għoljin ħafna tal-Venezwela u l-impunità totali biddlu lill-pajjiż f'wieħed mill-aktar perikolużi tad-dinja, b'Caracas għandha l-ogħla rata ta' kriminalità vjolenti tad-dinja, b'aktar minn 119,87 omiċidju għal kull 100 000 persuna;
I. billi l-livelli intollerabbli ta' korruzzjoni u ġestjoni ħażina tal-fondi pubbliċi, nuqqas ta' prospettiva fir-rigward tal-infrastrutturi bażiċi, u governanza kompletament ineffiċjenti wasslu għal kriżi ekonomika u soċjali enormi, kif juru l-iskarsezzi, minn żmien twil, ta' riżorsi, materji primi, fatturi ta' produzzjoni, ikel bażiku u mediċini essenzjali, bil-produzzjoni f'livell zero, u billi l-pajjiż jinsab f'xifer ta' rvell soċjali kbir li jaf jisfa fi kriżi umanitarja b'konsegwenzi imprevedibbli;
J. billi l-Kumitat tan-NU għad-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali huwa tal-fehma li d-Digriet Nru 2294 tas-6 ta' April 2016, maħruġ minn Nicolás Maduro, li jipprevedi li l-ħaddiema tas-settur pubbliku fil-pajjiż kollu ma jaħdmux nhar ta' Erbgħa, nhar ta' Ħamis u nhar ta' Ġimgħa sakemm jippersistu l-effetti ta' El Niño fuq l-Impjant Idroelettriku Simón Bolívar, jikkostitwixxi ksur gravi tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, li tiegħu l-Venezwela hija firmatarja, u billi kull stat li jagħlaq, temporanjament jew definittivament, università jew istitut edukattiv ieħor għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali jew żamma tal-ordni pubbliku, tensjoni politika jew kwalunkwe raġuni oħra mhux konformi mal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi għandu l-oneru li jiġġustifika tali provvediment serju fir-rigward ta' kull wieħed mill-elementi identifikati fl-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;
K. billi stat li jiddeċiedi li jissospendi, temporanjament jew definittivament, l-attivitajiet ta' tagħlim f'università jew fi kwalunkwe istitut tat-tagħlim ieħor għal raġunijiet ta' sigurtà nazzjonali jew ordni pubbliku, tensjoni politika jew kwalunkwe raġuni oħra mhux koperta mill-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi għandu l-obbligu li jiġġustifika debitament tali provvedimenti;
L. billi l-Gvern Venezwelan għandu responsabbiltà partikolari biex jirrispetta l-istat tad-dritt, inkwantu membru mhux permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU mis-16 ta' Ottubru 2014;
M. billi l-oppożizzjoni demokratika bdiet proċess li jgawdi rikonoxximent kostituzzjonali li jippermetti li uffiċjali pubbliċi jitwarrbu mill-kariga wara li jkunu kkompletaw 50 % tal-mandat tagħhom, u ġabret u għaddiet lill-Kunsill Elettorali Nazzjonali 1,8 miljun firma, bil-wisq aktar mill-198 000 meħtieġa inizjalment biex il-proċess jitqies legali u jiġi aċċettat kostituzzjonalment;
1. Jesprimi tħassib gravi dwar is-sitwazzjoni ta' deterjorament serju fir-rigward tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Venezwela;
2. Jikkundanna bil-qawwa l-użu ta' poteri statali, b'mod partikolari dawk tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali u tal-ġudikatura, biex jgħawġu leġiżlazzjoni adottata leġittimament mil-leġiżlatura fil-forma tal-Assemblea Nazzjonali, u ma jagħtux kasha, u b'hekk jimminaw ir-rieda tal-poplu Venezwelan kif espressa fis-6 ta' Diċembru 2015;
3. Jistieden lill-Gvern Venezwelan jirrispetta l-istat tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri, li huma karatteristika tad-demokraziji, li fihom il-konformità mal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri statali, u l-preminenza tiegħu, huma fundamentali għall-funzjonament korrett tagħhom;
4. Iħeġġeġ lill-Gvern Venezwelan jaġixxi fi ħdan il-limiti ta' demokrazija, jagħti libertà sħiħa lill-priġunieri politiċi li ġew arrestati arbitrarjament, bil-għan li jinbeda proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali bbażat fuq id-djalogu, li se jippermetti l-applikazzjoni tal-Liġi dwar l-Amnistija u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali bħala l-ewwel pass;
5. Jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw u jiggarantixxu d-dritt kostituzzjonali għal dimostrazzjonijiet paċifiċi; jirrespinġi r-repressjoni, ir-rikors eċċessiv għall-forza u d-detenzjonijiet arbitrarji min-naħa tal-uffiċjali tas-sigurtà statali biex jirreprimu r-rivendikazzjonijiet leġittimi tal-oppożizzjoni demokratika;
6. Iqis bħala prijorità assoluta t-tnaqqis tal-livelli għoljin tal-lum ta' impunità, li jżidu u jrawmu l-vjolenza u l-insigurtà, dejjem akbar, fil-pajjiż, u l-garanzija tar-rispett tas-sistema ġuridika fis-seħħ, li tesiġi ġustizzja għall-vittmi tas-sekwestri, tal-qtil u ta' delitti oħra kommessi kuljum, kif ukoll għall-familji tagħhom;
7. Jesiġi li l-awtoritajiet Venezwelani jinvestigaw il-massakru ta' Tumeremo, li fih inqatlu b'mod faħxi 28 minatur, bil-għan li l-awturi u l-istigaturi jinġiebu quddiem il-ġustizzja; jagħmel appell, barra minn hekk, biex tiġi kostitwita kummissjoni ta' inkjesta indipendenti u internazzjonali biex tistabbilixxi ċ-ċirkostanzi ta' tali qtil, inkluż l-omoċidju reċenti tal-ġurnalista Lucia Suárez li kien kommess fl-istess post u hemm suspetti li ż-żewġ każijiet huma marbutin ma' xulxin;
8. Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiggarantixxu sigurtà u l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha, partikolarment tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, tal-attivisti politiċi u tal-membri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti;
9. Iħeġġeġ lill-Gvern Venezwelan u lill-awtoritajiet pubbliċi jirrispettaw il-kostituzzjoni u jaġevolaw u mhux jostakolaw il-mekkaniżmi u l-proċeduri ġuridiċi rikonoxxuti għall-attivazzjoni tal-proċess elettorali għad-destituzzjoni tal-president stabbilta fil-Kostituzzjoni Venezwelana, qabel tmiem l-2016;
10. Iħeġġeġ lill-Gvern Venezwelan jirregolarizza l-orarju ta' xogħol u tal-iskejjel bil-għan li jġib lill-pajjiż f'sitwazzjoni ta' normalità u rispett tad-drittijiet soċjali u tax-xogħol kif ukoll tad-dritt universali għall-edukazzjoni;
11. Jesprimi tħassib kbir dwar il-fatt li t-tensjoni soċjali dejjem ikbar ikkaġunata mill-iskarsezza ta' beni essenzjali, bħal ikel u mediċini, qiegħda tkebbes il-vjolenza u d-diżordni soċjali, u jistieden lis-setturi kollha tas-soċjetà Venezwelana jeżerċitaw moderazzjoni sabiex is-sitwazzjoni kritika attwali fil-pajjiż tkun tista' tingħeleb permezz ta' soluzzjoni kostituzzjonali, paċifika u demokratika bbażata fuq id-djalogu;
12. Iħeġġeġ lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tintervjeni mal-pajjiżi tal-Amerika Latina u mal-organizzazzjonijiet reġjonali biex tiggarantixxi li l-mekkaniżmi għad-djalogu u għar-rikonċiljazzjoni nazzjonali jkunu jistgħu jimmedjaw fil-Venezwela, u ssostni soluzzjoni paċifika, demokratika u kostituzzjonali għall-kriżi li l-pajjiż qiegħed għaddej minnha bħalissa; jistieden, barra minn hekk, lill-UE timmobilizza l-għajnuna umanitarja biex tgħin, jekk ikun il-bżonn, lill-poplu Venezwelan;
13. Ifakkar li diġà ġiet approvata u għadha pendenti żjara min-naħa ta' delegazzjoni parlamentari; jappella, għaldaqstant, biex din iż-żjara ssir biex tkun tista' tissodisfa l-mandat tagħha, jiġifieri li tgħarbel is-sitwazzjoni politika u soċjali tal-Venezwela;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.