Dokument ta' sessjoni

 

B8-0801/2016

17.6.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo

( 2016/2770(RSP) )

Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Raffaele Fitto, Angel Dzhambazki, Arne Gericke

f'isem il-Grupp ECR

 

B8-0801/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo

( 2016/2770(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, partikolarment dik tal-10 ta' Marzu 2016[1],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 ta' Mejju 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-22 ta' Ġunju 2014 dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-vjolenza fil-Lvant tal-Kongo sal-lum ħalliet 1 116-il vittma, bejn Ottubru 2014 u Mejju 2016, filwaqt li 1 470 ruħ oħra nħatfu u 34 297 familja ġew spustati jew imxerrda b'mod furzat;

B.  billi l-ħsara materjali tinkludi l-ħruq ta' 13-il ċentru tas-saħħa, il-qerda ta' 27 skola, abbandunati jew okkupati b'mod furzat mill-persuni spustati jew minn gruppi militari jew armati, u bosta villaġġi okkupati mill-milizji armati;

C.  billi fost il-gruppi armati li qegħdin joperaw fil-Lvant tal-Kongo, il-moviment tal-Forzi Demokratiċi Alleati tal-Uganda spiss huwa akkużat li hu responsabbli minn sensiela ta' massakri f'dawn l-inħawi mill-2014;

D.  billi fl-2013 l-armata Kongoliża u l-operaturi tan-Nazzjonijiet Uniti għaż-żamma tal-paċi nedew l-ewwel operazzjoni importanti kontra l-Forzi Demokratiċi Alleati, iżda assumew rwol ferm inqas offensiv fl-2015;

E.  billi rapport reċenti tal-Grupp ta' Riċerka dwar il-Kongo afferma li s-suldati tal-armata tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo kienu ilhom jipparteċipaw fil-massakri ta' ċivili fil-Grigal tal-pajjiż mill-2014, minkejja, skont ir-rapport, li ma kienx ċar sa liema punt kienet involuta l-ġerarkija militari;

F.  billi l-awtur ta' dan ir-rapport, Jason Stearns, li, f'April 2016, tkeċċa mir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, iddikjara li l-Forzi Demokratiċi Alleati mhumiex organizzazzjoni Iżlamista barranija, iżda milizji b'għeruq fondi fis-soċjetà lokali, b'rabtiet mal-personaġġi politiċi u ekonomiċi lokali u huma integrati sewwa fix-xbieki tal-kuntrabandu preżenti, partikolarment dak tal-injam;

G.  billi l-massakri fil-Lvant tal-Kongo huma r-riżultat tar-rabtiet bejn il-politiċi, l-etniji u l-isfruttament tar-riżorsi;

H.  billi t-tensjonijiet politiċi huma għoljin fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fejn il-President Kabila, li ilu fil-poter mill-2001, huwa meħtieġ mill-kostituzzjoni li jirriżenja qabel l-aħħar tas-sena, iżda huwa akkużat li dewwem l-elezzjoni presidenzjali mistennija f'Novembru 2016 bit-tir li jżomm il-poter;

I.  billi l-Gvern Kongoliż qiegħed jeżerċita repressjoni fuq id-dissens permezz ta' arresti u intimidazzjoni tal-avversarji, bħal Moïse Katumbi;

J.  billi fid-9 ta' Ġunju 2016 l-oppożizzjoni Kongoliża adottat dikjarazzjoni komuni fil-laqgħa ta' Genval, fil-Belġju li fiha tirrifjuta l-proroga tal-mandat tal-President Kabila;

1.  Jiddenunzja l-fatt li n-nies qegħdin jinqatlu kontinwament fil-Lvant tal-Kongo, u jħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo jiggarantixxi s-sikurezza lill-abitanti kollha tiegħu u jipprevjeni lis-suldati regolari milli jipparteċipaw fil-kummerċ u fl-isfruttament tar-riżorsi naturali lokali;

2.  Jitlob li ssir inkjesta internazzjonali li tkun tista' tgħin fl-identifikazzjoni ta' dawk responsabbli, tal-kompiċi u tal-istigaturi tal-massakri, tad-delitti kontra l-umanità u tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li l-poplu tal-Lvant tal-Kongo huwa vittma tagħhom;

3.  Jappella biex jissuktaw l-operazzjonijiet konġunti bejn il-Forzi Armati tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (FARDC) u l-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) bil-għan li jinnewtralizzaw il-gruppi armati fil-Lvant tal-Kongo;

4.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex jimpenjaw ruħhom b'mod espliċitu ħalli jikkonformaw mal-kostituzzjoni u jiżguraw li l-elezzjonijiet isiru f'waqthom sa tmiem l-2016, f'konformità sħiħa mal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, u jiggarantixxu kuntest favorevoli għal elezzjonijiet trasparenti, kredibbli u inklużivi;

5.  Jistieden lill-VP/RGħ tintensifika d-djalogu mal-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo fl-ambitu tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, bil-għan li jieqfu l-massakri fil-Lvant tal-Kongo u tinkiseb kjarifika definittiva dwar il-proċess elettorali;

6.  Jistieden lill-UE tqis li timponi sanzjonijiet immirati fuq dawk responsabbli mill-massakri fil-Lvant tal-Kongo u mir-repressjoni vjolenti tal-attivisti paċifiċi u tal-oppożizzjoni politika fir-Repubblika Demokratikatal-Kongo, fosthom il-projbizzjoni fuq vjaġġar u l-iffriżar tal-beni, bil-għan li tikkontribwixxi biex tipprevjeni aktar vjolenza;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

[1] Testi adottati, P8_TA(2016)0085