Dokument ta' sessjoni
17.6.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo
( 2016/2770(RSP) )
Michèle Rivasi, Maria Heubuch
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo
( 2016/2770(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), u tal-kelliem tagħha, dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-23 ta' Mejju 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni 2198 (2015), dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet fil-konfront tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti, u r-riżoluzzjoni 2277 (2016), li ġeddet il-mandat tal-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo (MONUSCO) għal sena,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tat-12 ta' Jannar 2015,
– wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun, li ġie ffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,
– wara li kkunsidra r-rapporti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-Missjoni tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo u r-Reġjun,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija rivedut ta' Cotonou,
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' Nairobi ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' inkjesta tal-Grupp ta' Riċerka tal-Kongo intitolat "Who are the killers of Beni" ("Min huma l-qattiela ta' Beni?”),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi mill-2014 'l hawn aktar minn 600 persuna ċivili ġew imbiċċra brutalment b'machetes, imnanar u skieken fir-reġjun tal-belt tal-Lvant tal-Kongo, Beni, inklużi nisa, tfal u trabi;
B. billi attakk partikolari sar fuq villaġġ li jisab fil-viċinanzi immedjati ta' kamp tal-MONUSCO, mingħajr ma dan irreaġixxa;
C. billi dawn il-massakri jikkostitwixxu l-agħar vjolenza li ra l-pajjiż f'għaxar snin;
D. billi l-MONUSCO u l-Armata Kongoliża Nazzjonali (FARDC) qed iżommu lill-organizzazzjoni ribelli Iżlamista tal-Uganda, Forzi Demokratiċi Alleati (ADF) responsabbli għall-massakri;
E. billi madankollu ma saret l-ebda investigazzjoni uffiċjali serja, la mill-awtoritajiet Kongoliżi u lanqas mill-MONUSCO;
F. billi l-FARDC ġie akkużat b'kompliċità passiva, u wħud mill-membri tiegħu b'kompliċità attiva, fil-massakri f'ċerti każijiet limitati;
G. billi fil-kunflitt li liu għaddej deċennji fil-Lvant tal-Kongo, persuni ċivili, b'mod sistematiku, kienu fil-mira diretta ta' diversi gruppi armati; billi dawn tal-aħħar użaw il-vjolenza sesswali bħala arma tal-gwerra u rreklutaw suldati tfal;
H. billi l-inkapaċità ġenerali li jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem wasslet għal klima ta' impunità u biex ġew kommessi delitti ġodda;
I. billi l-ġlied fil-Lvant tal-Kongo ġej minn bosta sorsi, inklużi l-kunflitt etniku, l-ilmenti politiċi u l-ġeopolitika reġjonali, u fil-bażi ta' din it-taħlita volatili hemm is-saħta tar-riżorsi tar-reġjun imfaqqar;
J. billi t-tħaffir informali, jew "artiġjanali", fil-minjieri jikkorrispondi għal waħda minn ħames unitajiet ta' produzzjoni ekonomika tal-pajjiż u jimpjega miljuni ta' nies fil-Lvant tal-Kongo; billi dan hu sors ta' dħul faċli kemm għar-ribelli kif ukoll għas-suldat korrotti tal-Gvern, u anki għan-negozjanti minn pajjiżi ġirien li joperaw direttament jew permezz ta' alleati armati lokali;
K. billi, bħala parti minn sforz biex jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti tal-vjolenza fir-reġjun, il-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, flimkien ma' għaxar pajjiżi oħra u erba' istituzzjonijiet reġjonali u internazzjonali, adotta qafas biex jikkonsolida l-paċi fil-pajjiż fi Frar 2013; billi l-approċċi varji meħuda mill-Gvern Kongoliż u mis-sħab barranin tiegħu, inkluż il-programm ta' stabbilizzazzjoni, l-isforzi ta' demobilizzazzjoni u r-riforma tas-settur tas-sigurtà, ipproduċew riżultati fjakki;
L. billi sfida ewlenija għall-paċi qed ikunu l-isforzi dgħajfa min-naħa tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex tiddemobilizza lil eluf ta' ġellieda ribelli, jew billi tinkorporahom fl-armata nazzjonali jew billi tiffaċilita t-tranżizzjoni tagħhom fil-ħajja ċivili;
1. Jikkundanna l-attakki kontinwi minn gruppi armati u l-vjolenza estrema li qed issir fuq il-popolazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari fir-reġjun ta' Beni, li għadhom għaddejjin fil-provinċji tal-Lvant; jitlob lill-awtoritajiet rilevanti kollha jieħdu azzjoni immedjata biex dawk responsabbli jinġiebu quddiem il-ġustizzja;
2. Jistieden lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex jagħti bidu għal investigazzjoni urġenti, immexxija minn prosekutur militari anzjan, dwar il-massakri ta' persuni ċivili fir-reġjun ta' Beni;
3. Ifakkar li dawn il-massakri jammontaw għal delitti tal-gwerra;
4. Jitlob lill-prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali jiġbor informazzjoni u jeżamina l-abbużi bil-għan li jiddetermina jekk hijiex iġġustifikata investigazzjoni mill-Qorti Kriminali Internazzjonali dwar allegazzjonijiet ta' delitti fiż-żona ta' Beni;
5. Jilqa' t-tħabbira tan-NU li t-tnaqqis fil-forza tal-MONUSCO se jkun akkumpanjat minn "trasformazzjoni tal-forza" biex jiġi żgurat li l-MONUSCO tkun tista' teżerċita kapaċità operattiva akbar għall-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili permezz ta' mekkaniżmi ta' skjerament rapidu u permezz ta' rikonjizzjoni mill-ajru fil-Lvant tal-Kongo;
6. Fl-istess ħin, jistieden lill-MONUSCO żżid il-pattulji tagħha fiż-żoni milquta, inklużi pattulji bil-mixi u billejl, u tistabbilixxi bażijiet operattivi mobbli eqreb villaġġi remoti fejn bosta attakki reċenti seħħew;
7. Iqis li l-komunitajiet lokali tar-reġjun ta' Beni għandhom jipparteċipaw, sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħhom, fl-ippjanar ta' dawn il-pattulji, fl-iskjerament ta' truppi fir-reġjun, fl-isforzi ta' żvilupp lokali, u fil-proġetti ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni;
8. Jikkundanna l-atti kontinwi ta' vjolenza sesswali fil-Lvant tal-Kongo; jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Kongoliżi organizzaw diversi proċessi matul dawn l-aħħar xhur dwar il-vjolenza sesswali fil-Lvant tal-Kongo u kkundannaw bosta uffiċjali tal-armata;
9. Iqis li l-istrateġija militari attwali fil-Kivus għandha tkun akkumpanjata minn sforz komplementari ħafna aktar b'saħħtu fid-diplomazija u l-bini tal-paċi ; jistieden lill-pajjiżi kollha li ffirmaw il-Ftehim Qafas ta' Addis Ababa fi Frar 2013 biex jonoraw l-impenji tagħhom;
10. Jinnota li l-awtoritajiet Kongoliżi damu biex implimentaw il-pjan ta' diżarm, demobilizzazzjoni u reintegrazzjoni tal-pajjiż; jistidinhom jintensifikaw l-isforzi tagħhom, u lill-komunità internazzjonali biex iżżid l-appoġġ tagħha għal dan il-pjan;
11. Jilqa' l-isforzi tal-awtoritajiet Kongoliżi biex jimplimentaw il-leġiżlazzjoni li tipprojbixxi l-kummerċ u l-ipproċessar ta' minerali fiż-żoni fejn hemm sfruttament illegali ta' minerali, bħal dawk ikkontrollati minn gruppi armati; jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jsaħħu l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni biex iwasslu fi tmiemu l-isfruttar illegali tar-riżorsi minerali u jħeġġeġ lir-Repubblika Demokratika tal-Kongo biex tkompli bl-isforzi tagħha ħalli tkun konformi mal-Inizjattivi għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Unjoni Afrikana, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, kif ukoll lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.