Dokument ta' sessjoni
17.6.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo
( 2016/2770(RSP) )
Charles Goerens, Hilde Vautmans, María Teresa Giménez Barbat, Beatriz Becerra Basterrechea, Ilhan Kyuchyuk, Javier Nart, Urmas Paet, Pavel Telička, Ivo Vajgl
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-massakri fil-Lvant tal-Kongo
( 2016/2770(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dawk tas-17 ta' Jannar 2008 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo u l-istupru bħala reat tal-gwerra[1], tal-21 ta' Frar 2008 dwar Kivu tat-Tramuntana[2], tat-23 ta' Ottubru 2008 dwar il-ġlied fiż-żoni tal-fruntiera tal-Lvant tar-RDK[3], tas-17 ta' Diċembru 2009 dwar il-vjolenza fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo[4], tat-13 ta' Ġunju 2012 dwar segwitu tal-elezzjonijiet fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo[5], tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo[6], tad-9 ta' Lulju 2015 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari l-każ ta' żewġ attivisti tad-drittijiet tal-bniedem detenuti Yves Makwambala u Fred Bauma[7], tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-ħarsien tal-Park Nazzjonali ta' Virunga fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo[8] u tal-10 ta' Marzu 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo[9],
– wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza tal-2007, li kienet iffirmata fid-29 ta' Ġunju 2008 mir-RDK iżda li ma ġietx ratifikat minnha, u li daħlet fis-seħħ fil-15 ta' Frar 2012,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tad-19 ta' Novembru 2015 wara t-tnedija tad-djalogu nazzjonali fir-RDK,
– wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tas-16 ta' Frar 2016 tal-Unjoni Afrikana (UA), in-Nazzjonijiet Uniti (NU), l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie (OIF) dwar il-ħtieġa ta' djalogu politiku inklużiv fir-RDK u l-impenn tagħhom li jappoġġjaw atturi Kongoliżi fl-isforzi tagħhom għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija fil-pajjiż,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Marzu 2016 tal-Grupp ta' Riċerka tal-Kongo, intitolat "Who are the killers of Beni?" (Min huma l-qattiela ta' Beni?),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi għal aktar minn għoxrin sena ir-reġjun għani b'riżorsi minerali fil-Grigal tar-RDK ġie mifni minn kunflitti li fiha kienu involuti milizzji Kongoliżi u barranin (pereżempju, l-FDLR tar-Rwanda, il-Forzi Demokratiċi Alleati/Armata Nazzjonali għal-Liberazzjoni tal-Uganda (ADF/NALU)), li qed jikkawżaw vjolenza u jifirxu t-terrur fir-reġjun; billi l-akbar moviment ribelli M-23 li ma offriex aktar reżistenza fis-7 ta' Novembru 2013 u l-allegat fundatur tiegħu ta lilu nnifsu lill-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);
B. billi, wara perjodu qasir mingħajr attività, il-vjolenza kompliet b'serje ta' massakri orrendi f'Ottubru, Novembru u Diċembru 2015 fil-viċinanza tal-bliet ta' Beni, Butembo, Miriki u Lubero, fil-provinċja ta' Kivu ta' Fuq; billi, skont nota mibgħuta lill-Agenzia Fides (l-aġenzija tal-aħbarijiet tal-Vatikan) permezz tan-Netwerk tal-Paċi għall-Kongo (NGO Kongoliż), iktar minn sitt mitt raġel, mara, tifel u tifla ġew maqtula, filwaqt li għexieren ta' eluf ta' nies ħarbu minn djarhom;
C. billi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili lokali ddikjaraw li l-vjolenza hi akkumpanjata minn "movimenti kollettivi u suspettużi ta' popolazzjonijiet tal-istess etniċità u lingwa, ta' oriġini mhux determinata, bil-ħsieb li jokkupaw l-art u l-pajjiż jispiċċa frammentat" u "ta' sakkeġġi sistematiċi ta' assi u ta' riżorsi naturali";
D. billi hemm nuqqas evidenti ta' istituzzjonijiet (leġiżlattivi u ġudizzjarji) li jistgħu joperaw tajjeb fir-reġjun u jindirizzaw il-problemi li reġgħu kkawżaw il-vjolenza minn Ottubru 2014;
E. billi hemm tensjoni politika ferm kbira fir-RDK minħabba l-fatt li l-President Kabila, li ilu fil-poter mis-sena 2001, hu mitlub mill-kostituzzjoni li jirriżenja fl-20 ta' Diċembru 2016 u għadu ma ddikjarax li se jagħmel dan;
F. billi jekk il-President Kabila jipprova jibqa' fil-poter lil hinn mil-limiti tal-mandat tiegħu skont il-Kostituzzjoni, il-vjolenza tista' tiżbroffa fir-RDK fuq skala ħafna akbar minn dik fil-Burundi, u dan iwassal biex ir-reġjun tal-Lagi l-Kbar jiġi destabbilizzat fit-totalità tiegħu;
G. billi fit-28 ta' Novembru 2015 il-President Kabila talab għal djalogu politiku nazzjonali inklużiv biex jipprepara għall-elezzjonijiet tal-2016;
H. billi fl-11 ta' Mejju 2016 il-Qorti Kostituzzjonali ddeċidiet li l-President Kabila jista' legalment jibqa' fil-kariga wara li t-tieni mandat tiegħu jispiċċa fl-20 ta' Diċembru 2016 jekk ma jsirux elezzjonijiet sa dak iż-żmien; billi, madankollu, il-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni ma aċċettawx is-sentenza tal-Qorti;
I. billi bir-Riżoluzzjoni 2277 (2016) tiegħu, adottata b'mod unanimu fit-30 ta' Marzu 2016, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU ġedded il-mandat tal-MONUSCO sal-31 ta' Marzu 2017;
1. Jikkundanna bil-qawwa l-massakri u r-reati kontra l-umanità li għadhom għaddejjin fil-Lvant tal-Kongo; jindika l-ħtieġa urġenti li jintemmu l-attivitajiet kriminali tal-gruppi armati kollha mingħajr diskriminazzjoni fir-reġjuni tal-Lvant tal-pajjiż;
2. Jinsisti li din is-sitwazzjoni m'għandhiex timpedixxi milli jseħħu l-elezzjonijiet ippjanati skont il-kostituzzjoni; iqis li elezzjonijiet ħielsa, trasparenti u ġusti jistgħu jikkontribwixxu biex tintemm il-kriżi attwali fir-RDK, jippermettu skrutinju aktar bir-reqqa dwar il-minjieri u l-użu ħażin tad-dħul mill-minjieri u b'hekk titjieb is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK;
3. Jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-eżistenza ta' kwalunkwe tip ta' grupp armat huwa ta' xkiel għall-paċi fil-Lvant tal-Kongo u jesprimi t-tħassib ferm serju tiegħu dwar iż-żieda fir-reklutaġġ fi gruppi fuq bażi etnika għall-awtodifiża kif innutat mir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għar-RDK fil-bidu tal-2016;
4. Jistieden lill-Gvern tar-RDK biex jibni mill-ġdid u jżid l-awtorità tal-Istat u l-istat tad-dritt fil-parti tal-Lvant tal-Kongo fejn hemm l-inkwiet, b'mod partikolari fl-oqsma tal-governanza u s-sigurtà, sabiex jiġi jiffaċilit ir-ritorn ta' persuni spostati u l-aċċess umanitarju; jitlob li terġa' tibda, malajr u b'mod attiv, il-kollaborazzjoni bejn MONUSCO u l-Forzi Armati tar-RDK (FARDC), fuq il-bażi ta' ftehim ta' kooperazzjoni militari ffirmat fit-28 ta' Jannar f'Kinshasa, sabiex jiġu stabbiliti mill-ġdid u kkonsolidati l-paċi u s-sigurtà fiż-żona tal-Lvant u fil-pajjiż kollu kemm hu;
5. Iħeġġeġ lill-Gvern Kongoliż biex b'mod rigoruż u trasparenti jinvestiga u jressaq quddiem il-ġustizzja l-uffiċjali li allegatament qed jaġixxu f'kompliċità ma' gruppi ribelli u tal-milizzja u li huma suspettati li kienu involuti f'massakri fil-Lvant u lil dawk kollha li wettqu abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jemmen li l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem għandu jkun infurmat dwar is-sitwazzjoni;
6. Jistieden lill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali biex jinvestiga r-reati atroċi mwettqa wkoll f'Kivu ta' Fuq sa minn Ottubru 2014 u biex jipproċedi kontra dawk li b'mod ċar huma responsabbli; u jiżgura li dan jinkludi lill-kapijiet tal-milizzji u dawk kollha responsabbli għal vjolenza sesswali, il-massakri, id-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo kif ukoll lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP/UE.