Dokument ta' sessjoni

 

B8-0851/2016

29.6.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra

( 2016/2695(RSP) )

Ernest Maragall, Davor Škrlec, Bronis Ropė

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8-0851/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra

( 2016/2695(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174 sa 178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni")[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea[4],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti[5],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005[7],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE[8],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"[10],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015, "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"[11],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2014 intitolata "Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir imġedded" ( COM(2014)0339 ),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, intitolat "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi", tat-23 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" ( COM(2014)0903 ),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar il-faċilitazzjoni ta' sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività ( SWD(2014)0205 ),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 intitolata "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" ( COM(2010)0553 ),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Lulju 2013 intitolata "L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' Novembru 2014 intitolata "Miżuri biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ekosistemi ta' start-ups tat-teknoloġija avvanzata",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja 2014-2020 għadha tirrappreżenta l-istrument ewlieni tal-UE li jkopri r-reġjuni kollha għal investiment fl-ekonomija reali, u fl-istess ħin hija l-espressjoni tas-solidarjetà Ewropea billi testendi t-tkabbir u l-prosperità u tnaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, li ġew aggravati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja;

B.  billi l-politika ta' koeżjoni hija allinjata bis-sħiħ mal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġneti, sostenibbli u inklużiv, u hija mibinja fuq l-artikolazzjoni tat-tliet strumenti tagħha, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), flimkien ma' koordinament aktar estensiv taħt Qafas Strateġiku Komuni (QSK) mal-fond għall-iżvilupp rurali, speċifikament il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u ma' dak għas-settur marittimu u tas-sajd, il-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew (FEMS);

C.  billi d-dispożizzjonijiet komuni għal dawn il-ħames fondi, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE), ġew stabbiliti taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, waqt li r-regoli speċifiċi applikabbli għal kull Fond SIE u għall-objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea ġew soġġetti għal regolamenti separati;

D.  billi r-riforma riċenti tal-politika ta' koeżjoni daħħlet numru limitat ta' objettivi u prijoritajiet, u b'hekk ħolqot punt fokali tematiku / konċentrazzjoni tematika, filwaqt li tippermetti ċertu livell ta' flessibbiltà u adattament għal ċerti karatteristiċi; billi, barra minn hekk, żgurat prinċipju ta' ftehim imsaħħaħ u governanza soda f'diversi livelli, approċċ definit sew għall-iżvilupp territorjali, aktar sinerġiji bejn il-ħames fondi, iżda anke ma' fondi rilevanti oħra (eż. Orizzont 2020, il-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali, COSME u LIFE), aktar simplifikazzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni, sistema effikaċi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, qafas ta' prestazzjoni trasparenti, regoli ċari dwar l-użu ta' strumenti finanzjarji, sistema soda ta' ġestjoni u kontroll u sistema effikaċi ta' ġestjoni finanzjarja;

E.  billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-enfasi fuq il-prestazzjoni u fuq l-ilħuq tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, iddaħħlet riżerva ta' prestazzjoni għal kull Stat Membru, li tikkonsisti minn 6 % tar-riżorsi allokati għall-FEŻR (mingħajr il-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea), il-FSE, il-FK, il-FAEŻR u l-FEMS, filwaqt li – fuq il-bażi ta' rieżami tal-prestazzjoni fl-2019 – huwa previst li r-riżerva tiġi allokata biss lil dawk il-programmi u l-prijoritajiet li jkunu laħqu l-objettivi tagħhom, u billi kundizzjonalitajiet ex ante ddaħħlu bl-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tan-nefqa taħt il-Fondi SIE, filwaqt li monitoraġġ strett u evalwazzjonijiet ifissru li l-politika ta' koeżjoni għall-perjodu 2014-2020 hija l-aktar politika evalwata fil-baġit tal-UE;

F.  billi fl-14 ta' Diċembru 2015 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar il-kontribut tal-Fondi SIE għall-istrateġija ta' tkabbir tal-UE, għall-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u għall-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-10 snin li ġejjin, li hija fil-fatt ir-rapport previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni dwar il-Fondi SIE, rigward l-implimentazzjoni tagħhom sal-lum, li jinkludi wkoll ir-riżultati tan-negozjati mal-Istati Membri kollha dwar il-ftehimiet ta' sħubija, il-programmi operattivi u l-isfidi ewlenin għal kull pajjiż;

G.  billi l-għotjiet huma l-mod korrett biex jiġu appoġġjati proġetti b'esternalitajiet pożittivi għoljin, jiġifieri dawk li huma ta' benefiċċju għas-soċjetà kollha kemm hi u konsegwentement huwa diffiċli li jiġu vvalutati abbażi tar-redditu ekonomiku tagħhom fuq perjodu qasir u medju ta' żmien, u billi l-istrumenti finanzjarji huma l-mod korrett biex jiġu appoġġjati proġetti b'esternalitajiet pożittivi aktar baxxi, li konsegwentement jridu jiġu vvalutati primarjament abbażi tar-redditu ekonomiku tagħhom;

1.  Jiddikjara mill-ġdid li l-kollegamenti bejn il-politika ta' koeżjoni u politiki u inizjattivi oħra tal-UE (Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-iżvilupp rurali, is-suq uniku diġitali u l-unjoni tal-enerġija) issaħħew fi ħdan il-Qafas Strateġiku Komuni introdott mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u għaldaqstant, permezz tal-istrumenti u l-objettivi kollha tagħha, inklużi l-aġenda urbana, l-aġenda territorjali, l-investiment fl-SMEs, it-tkabbir intelliġenti u l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, qed tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020;

2.  Jissottolinja l-fatt li s-sinerġiji msemmija hawn fuq jinbnew direttament mill-istadju tal-ippjanar strateġiku, u għaldaqstant jirrikjedu, mill-bidu nett, għażliet strateġiċi u ppjanar min-naħa tar-reġjuni u l-Istati Membri għall-identifikazzjoni u l-ġenerazzjoni ta' opportunitajiet; jindika li, fil-każ ta' Orizzont 2020, dan jikkonsisti fil-ħolqien ta' sensibilizzazzjoni, il-forniment ta' informazzjoni, l-involviment f'kampanji ta' komunikazzjoni u l-aktar kollegament strett possibbli tal-punti ta' kuntatt nazzjonali ma' min ifassal il-politiki u mal-awtoritajiet maniġerjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-Fondi SIE fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

3.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz tal-involviment tal-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali jew reġjonali u tal-partijiet ikkonċernati, bħall-universitajiet u istituzzjonijiet oħra ta' edukazzjoni għolja, l-industrija u s-sħab soċjali, fi proċess ta' skoperta intraprenditorjali huwa obbligatorju għar-reġjuni u l-Istati Membri li jixtiequ jinvestu riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni, peress li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom jinkludu azzjonijiet upstream (bini tal-kapaċitajiet u titjib tas-sistemi R&I nazzjonali/reġjonali) u azzjonijiet downstream (innovazzjoni/suq) taħt Orizzont 2020, li mbagħad jistimola l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex jitnaqqas id-distakk fl-innovazzjoni fl-Ewropa u jinvesti b'mod partikolari f'konnessjonijiet bejn dawk minn ta' quddiem u dawk li jsegwu fil-kuntest tal-attivitajiet "Spreading Excellence and Widening Participation", filwaqt li l-metodoloġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tista' ssir mudell iktar importanti għall-artikolazzjoni tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

4.  Huwa tal-fehma li l-orjentament lejn ir-riżultati tal-politika ta' koeżjoni għandu jissaħħaħ ulterjorment; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li jiżdiedu s-sinerġiji ma' politiki oħra tal-UE dwar il-kompetittività, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, l-ICT, l-enerġija rinnovabbli u l-SMEs, bl-għan li tiżdied ir-rata ta' sfruttament ta' riżultati tal-R&Ż tal-UE, jinħolqu impjiegi ġodda ta' kwalità għolja u jinżammu dawk eżistenti, filwaqt li tkun imħeġġa l-ekonomija ekoloġika; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-għażliet biex iżżid l-użu sinerġetiku ta' strumenti differenti tal-UE, b'mod partikolari bejn Orizzont 2020 u inizjattivi ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3);

5.  Jinnota li, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-politika ta' koeżjoni tippermetti li l-istrumenti finanzjarji jkollhom rwol aktar b'saħħtu, u li l-istrumenti finanzjarji, jekk jiġu implimentati b'mod effikaċi, jistgħu jżidu l-impatt tal-finanzjament għall-adozzjoni fis-suq tal-innovazzjoni, pereżempju fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika; jenfasizza, madankollu, li tinħtieġ aktar evidenza biex nifhmu kif tali strumenti finanzjarji jistgħu jintużaw b'mod effikaċi; ifakkar li l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji ma jiffinanzjawx l-istess tip ta' attivitajiet u li dawk il-forom differenti ta' appoġġ jimmiraw tipi differenti ta' benefiċjarji u proġetti; jesprimi tħassib kbir dwar il-futur tal-għotjiet fil-programmi tal-UE; jenfasizza l-importanza tat-tkomplija ta' għotjiet għal ċerti setturi jew tipi ta' attivitajiet; jissottolinja l-fatt li l-bilanċ ġust bejn l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji jrid jinżamm fil-futur; ifakkar fil-ħtieġa li jibqgħu jissaħħu r-responsabbiltà, it-trasparenza u l-orjentament lejn ir-riżultati tal-istrumenti finanzjarji;

6.  Jenfasizza li, peress li l-politiki tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (koeżjoni, żvilupp rurali u sajd) huma mmirati lejn livelli istituzzjonali u ta' politika differenti, jeħtieġ li jikkomplementaw lil xulxin, mhux l-anqas f'termini ta' riżorsi; huwa preokkupat dwar il-proposta tal-Kummissjoni li teħtieġ li l-parti tal-investiment bl-ogħla riskju tkun koperta mill-Fondi SIE minflok mill-FEIS meta l-istrumenti jiġu kkombinati; jemmen li dan iwassal għal inċertezza tad-dritt fl-użu tal-Fondi SIE, u jmur kontra l-loġika inizjali tal-FEIS inizjali li tipprevedi kapaċità ġdida ta' teħid ta' riskju għall-investiment tal-UE;

7.  Jinnota li s-sinerġiji ma' politiki u strumenti oħra għandhom jissaħħu aktar sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-proġett pilota "Skala tal-Eċċellenza" (S2E) iffinanzjat mill-baġit tal-UE, li jkompli jappoġġja r-reġjuni ta' 13-il Stat Membru fl-iżvilupp u l-isfruttar tas-sinerġiji bejn il-Fondi SIE; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati wkoll oqsma relatati ta' speċjalizzazzjoni f'reġjuni u Stati Membri oħra sabiex jingħaqdu magħhom u jkunu ppreparati aħjar għal opportunitajiet ta' proġetti multinazzjonali u jsiru konnessjonijiet internazzjonali;

8.  Jindika li m'hemmx biżżejjed fondi taħt Orizzont 2020 u li proġetti evalwati bħala eċċellenti ma jingħatawx fondi; jisħaq fuq il-fatt li għandu jiġi żblokkat finanzjament alternattiv, pereżempju għotjiet taħt il-Fond SIE li jistgħu jkopru proġetti eċċellenti taħt Orizzont 2020 bl-għajnuna tas-"Seal of Excellence";

9.  Jissottolinja l-fatt li l-FEIS irid ikun komplementari u addizzjonali għall-Fondi SIE u programmi oħra tal-UE bħal Orizzont 2020; jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu żgurati koerenza sħiħa u sinerġiji bejn l-istrumenti kollha tal-UE, sabiex jiġu evitati d-duplikazzjoni jew il-kontradizzjonijiet bejniethom jew bejn il-livelli differenti ta' implimentazzjoni politika; ifakkar li r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020 jeħtieġ li jindirizza din l-isfida bil-ħsieb li juża r-riżorsi disponibbli kollha b'mod effikaċi u jikseb ir-riżultati mistennija fir-rigward tal-miri strateġiċi globali, peress li l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-investimenti tar-Riċerka u l-Innvovazzjoni għandhom jiżdiedu permezz ta' użu kkoordinat tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u Orizzont 2020;

10.  Jinnota l-ħidma esploratorja tal-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni bil-ħsieb tal-istabbiliment possibbli ta' Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni għal koordinament aħjar tal-inizjattivi ta' innovazzjoni fl-UE (Diċembru 2015); iwissi kontra ż-żieda ta' livelli addizzjonali f'sistema diġà kumplessa ta' strumenti ffinanzjati mill-UE (bħall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT), skemi ta' Teknoloġiji Futuri u Emerġenti (FET), sħubijiet kuntrattwali pubbliċi-privati, l-Inizjattivi Teknoloġiċi Konġunti (JTIs), Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni, InnovFin u finanzjament FEIS), u jfakkar lill-Kummissjoni li l-innovazzjoni sseħħ fil-livelli reġjonali u lokali, u li għalhekk strument jew korp deċiżjonali ċentralizzat x'aktarx li ma jkunx l-aktar strument effikaċi;

11.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-proġett li għaddej "Lejn Konverġenza Ekonomika Reġjonali (TREC), li għandu l-għan li jgħaqqad ir-raggruppamenti industrijali u ċ-ċentri teknoloġiċi fir-reġjuni differenti tal-UE – kemm ir-reġjuni minn ta' quddiem kif ukoll dawk li jsegwu – sabiex iħeġġeġ il-benchmarking, l-iskambju tal-aħjar prattiki, l-innovazzjoni u l-istrateġiji ta' rkupru; jitlob monitoraġġ mill-qrib tar-riżultati tiegħu u l-identifikazzjoni, jekk l-iskema tirnexxi, ta' modi biex jiġi inkluż fl-istrumenti ta' finanzjament attwali taħt l-intestatura baġitarja tal-kompetittività;

12.  Jenfasizza l-fatt, kif rikonoxxut mill-Qorti tal-Awdituri, li l-finanzjament tal-EIT huwa kkonċentrat wisq fi ftit pajjiżi u numru limitat ta' sħab tal-Komunitajiet ta' Konoxxenza u Innovazzjoni (KKI), meta jitqies li ħames pajjiżi jirċievu 73 % tal-fondi tal-EIT; jistieden lill-Kummissjoni u lill-EIT jżidu b'mod sostanzjali l-finanzjament u l-attivitajiet taħt l-Iskemi ta' Innovazzjoni Reġjonali sabiex jappoġġjaw l-innovazzjoni f'numru ikbar ta' reġjuni u jifirxu l-attivitajiet ta' appoġġ tal-EIT b'mod iktar wiesa';

13.  Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji peress li, bl-eċċezzjoni ta' referenza għall-potenzjal tagħhom fl-użu ta' riżorsi ta' investiment skarsi u għall-prospetti ġenerali biex jiġu ttrattati sfidi ġodda fil-futur, din il-kwistjoni hija nieqsa mir-rapport tagħha mfassal skont l-Artikolu 16 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, filwaqt li rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs) jifformaw parti minn dawn is-sinerġiji;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

[1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
[2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
[3] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
[4] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
[5] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
[6] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
[7] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
[8] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
[9] Testi adottati, P7_TA(2014)0002
[10] Testi adottati, P8_TA(2015)0308
[11] Testi adottati, P8_TA(2015)0419