Dokument ta' sessjoni

 

B8-0852/2016

29.6.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sinerġiji għall-innovazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej oħra

( 2016/2695(RSP) )

Ruža Tomašić, Evžen Tošenovský, Angel Dzhambazki

f'isem il-Grupp ECR

 

B8-0852/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sinerġiji għall-innovazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej oħra

( 2016/2695(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174 sa 178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni")[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea[4],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti[5],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005[7],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda[8],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014–2020"[10],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2014 intitolata "Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir imġedded" ( COM(2014)0339 ),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, intitolat "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi", tat-23 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" ( COM(2014)0903 ),

–  wara li kkunsidra l-gwida ppubblikata mill-Kummissjoni fl-2014 intitolata "wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-20 ta' Ġunju 2014 dwar il-faċilitazzjoni ta' sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 intitolata "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" ( COM(2010)0553 ),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Lulju 2013 intitolata "L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' Novembru 2014 intitolata "Miżuri biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ekosistemi ta' start-ups tat-teknoloġija avvanzata",

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja 2014-2020 għadha tirrappreżenta l-istrument ewlieni tal-UE li jkopri r-reġjuni kollha għal investiment fl-ekonomija reali, hija l-pilastru ewlieni tat-trijangolu tal-politika ekonomika tal-UE ta' konsolidazzjoni fiskali, riformi strutturali u l-investiment fit-tkabbir, u fl-istess ħin hija l-espressjoni tas-solidarjetà Ewropea billi testendi t-tkabbir u l-prosperità u tnaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, li ġew aggravati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja;

B.  billi l-politika ta' koeżjoni hija allinjata bis-sħiħ mal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġneti, sostenibbli u inklużiv, u kienet mibinja fuq l-artikolazzjoni tat-tliet strumenti tagħha, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), flimkien ma' koordinament aktar estensiv taħt Qafas Strateġiku Komuni (QSK) mal-fond għall-iżvilupp rurali, speċifikament il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u ma' dak għas-settur marittimu u tas-sajd, il-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew (FEMS);

C.  billi d-dispożizzjonijiet komuni għal dawn il-ħames fondi, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE), ġew stabbiliti taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, waqt li r-regoli speċifiċi applikabbli għal kull Fond SIE u għall-objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea ġew soġġetti għal regolamenti separati;

D.  billi r-riforma riċenti tal-politika ta' koeżjoni daħħlet numru limitat ta' objettivi u prijoritajiet, u b'hekk ħolqot punt fokali tematiku / konċentrazzjoni tematika, filwaqt li tippermetti ċertu livell ta' flessibbiltà u adattament għal ċerti karatteristiċi; billi, barra minn hekk, żgurat prinċipju ta' ftehim imsaħħaħ u governanza soda f'diversi livelli, approċċ definit sew għall-iżvilupp territorjali, aktar sinerġiji bejn il-ħames fondi, iżda anke ma' fondi rilevanti oħra (eż. Orizzont 2020, il-Programm għall-Bidla u l-Innovazzjoni Soċjali, COSME u LIFE), aktar simplifikazzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni, sistema effikaċi ta' monitoraġġ u evalwazzjoni, qafas ta' prestazzjoni trasparenti, u regoli ċari dwar l-użu ta' strumenti finanzjarji, sistema soda ta' ġestjoni u kontroll u sistema effikaċi ta' ġestjoni finanzjarja;

E.  billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-enfasi fuq il-prestazzjoni u l-kisba tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020, riżerva għall-prestazzjoni ġiet introdotta għal kull Stat Membru li tikkonsisti f' 6 % tar-riżorsi allokati għall-FEŻR (mingħajr l-objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea), il-FSE, il-FK, il-FAEŻR u l-FEMS, u, abbażi ta' reviżjoni tal-prestazzjoni fl-2019, huwa ppjanat li r-riżerva tiġi allokata biss għal dawk il-programmi u prijoritajiet li jkunu laħqu l-miri tagħhom; billi rabta bejn il-politika ta' koeżjoni u l-governanza ekonomika tal-Unjoni ġiet introdotta bl-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tan-nefqa taħt il-Fondi ESI, filwaqt li jkun hemm monitoraġġ strett u evalwazzjonijiet li jiżguraw li l-politika ta' koeżjoni 2014–2020 hija l-aktar politika evalwata fi ħdan il-baġit tal-UE;

F.  billi fl-14 ta' Diċembru 2014 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar il-kontribut tal-Fondi SIE lejn l-istrateġija ta' tkabbir tal-UE, lejn il-Pjan ta' Investiment u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-10 snin li ġejjin, li hija fil-fatt ir-rapport previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni dwar il-Fondi SIE, rigward l-implimentazzjoni tagħhom sal-lum, li jinkludi wkoll ir-riżultati tan-negozjati mal-Istati Membri kollha dwar il-ftehimiet ta' sħubija u programmi operattivi u sfidi ewlenin għal kull pajjiż;

1.  Itenni li l-kollegamenti bejn il-politika ta' koeżjoni u politiki u inizjattivi oħra tal-UE (Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-iżvilupp rurali, is-suq uniku diġitali, l-unjoni tal-enerġija) issaħħew fi ħdan il-Qafas Strateġiku Komuni introdott mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, u għaldaqstant, permezz tal-istrumenti u l-objettivi kollha tagħha, inklużi l-aġenda urbana, l-aġenda territorjali, l-investiment fl-SMEs, it-tkabbir intelliġenti u l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, qed tikkontribwixxi sostanzjalment u ssaħħaħ is-suq uniku biex jintlaħqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;

2.  Jissottolinja l-fatt li s-sinerġiji msemmija aktar qabel jiffurmaw sa mil-livell tal-ippjanar strateġiku, u għaldaqstant jirrikjedu sa mill-bidu nett għażliet strateġiċi u ppjanar min-naħa tar-reġjuni u l-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jiġġeneraw opportunitajiet, pereżempju biex titrawwem l-eċċellenza fl-oqsma ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti; jindika li, fil-każ ta' Orizzont 2020, dan jikkonsisti fl-implimentazzjoni tal-programmi b'mod li jiffaċilita s-sinerġiji f'termini ta' sensibilizzazzjoni, il-forniment ta' informazzjoni, l-involviment f'kampanji ta' komunikazzjoni, u l-aktar kollegament strett possibbli tal-punti ta' kuntatt nazzjonali ma' min ifassal il-politiki u mal-awtoritajiet maniġerjali f'dak li għandu x'jaqsam mal-Fondi SIE fil-livelli nazzjonali u reġjonali;

3.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz tal-involviment tal-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali jew reġjonali u tal-partijiet ikkonċernati, bħall-universitajiet u istituzzjonijiet oħra ta' edukazzjoni għolja, l-industrija u s-sħab soċjali fi proċess ta' skoperta intraprenditorjali huwa obbligatorju għar-reġjuni u l-Istati Membri li jixtiequ jinvestu riżorsi tal-FEŻR fir-riċerka u l-innovazzjoni, peress li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom jinkludu azzjonijiet upstream (bini tal-kapaċitajiet, sistemi R&I nazzjonali/reġjonali) u azzjonijiet downstream (innovazzjoni/suq) f'Orizzont 2020, li mbagħad jistimolaw il-kooperazzjoni fil-livell tal-UE billi jibnu fuq konnessjonijiet bejn dawk minn ta' quddiem u dawk li jsegwu, u l-metodoloġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandha ssir mudell iktar importanti għall-artikolazzjoni tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

4.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-politika ta' koeżjoni tippermetti li l-istrumenti finanzjarji jkollhom rwol aktar b'saħħtu, u jinnota li l-istrumenti finanzjarji, jekk jiġu implimenattai b'mod effettiv, jistgħu jżidu b'mod sinifikanti l-impatt tal-finanzjament għar-reġjuni inqas żviluppati;

5.  Jenfasizza li, peress li l-politiki tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-koeżjoni, iżda wkoll l-iżvilupp rurali u s-sajd) huma mmirati lejn livelli istituzzjonali u ta' politika differenti, jeħtieġ li jsaħħu lil xulxin, mhux l-anqas f'termini ta' riżorsi;

6.  Jinnota li s-sinerġiji ma' politiki u strumenti oħra għandhom jissaħħu aktar sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-proġett pilota tal-baġit tal-UE it-Triq lejn l-Eċċellenza (S2E), li jkompli jappoġġa r-reġjuni u tlettax il-Stat Membru fl-iżvilupp u l-isfruttar ta' sinerġiji bejn il-Fondi SIE; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati wkoll oqsma relatati ta' speċjalizzazzjoni f'reġjuni u Stati Membri oħra sabiex jingħaqdu magħhom u jkunu ppreparati aħjar għal opportunitajiet ta' proġetti multinazzjonali u jsiru konnessjonijiet internazzjonali;

7.  Jilqa' l-implimentazzjoni tal-partijiet sostanzjali tal-baġit ta' Orizzont 2020 ddelegata lil sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u sħubijiet pubbliċi-privati, li se joffru opportunitajiet biex jintużaw il-mekkaniżmi ta' governanza ta' sħubiji pubbliċi-pubbliċi biex jiġu ottimizzati s-sinerġiji mal-RIS3 u programmi permezz tat-tfassil ta' pjanijiet ta' ħidma annwali;

8.  Jenfasizza li l-FEIS għandu jkun komplentari u addizzjonali għall-Fondi SIEu programmi oħra tal-UE bħal Orizzont 2020 u l-attivitajiet tradizzjonali tal-Bank Ewropew tal-Investiment; jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu żgurati koerenza sħiħa u sinerġiji bejn l-istrumenti kollha tal-UE, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni jew il-kontradizzjonijiet bejniethom jew bejn il-livelli differenti ta' implimentazzjoni politika; ifakkar li r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020 jeħtieġ li jindirizza din l-isfida bil-ħsieb li juża r-riżorsi disponibbli kollha b'mod effikaċi u jikseb ir-riżultati mistennija fir-rigward tal-miri strateġiċi globali, peress li l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-investimenti tar-Riċerka u l-Innvovazzjoni għandhom jiżdiedu permezz ta' użu kkoordinat tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u Orizzont 2020;

9.  Jirrifletti dwar il-"Patt għall-Innovazzjoni", li tnieda matul is-7 Summit Ewropew għall-Innovazzjoni (Diċembru 2015) fil-Parlament Ewropew, li jappella għal approċċ orizzontali fit-tfassil tal-politika tal-UE dwar l-innovazzjoni, l-immassimizzar tas-sinerġiji bejn il-politiki industrijali, diġitali u reġjonali u sforz konġunt biex jinħolqu kondizzjonijiet favorevoli għall-innovazzjoni sabiex jingħelbu n-nuqqasijiet magħrufa fit-tibdil tal-għarfien maħluq permezz tar-riċerka u l-invenzjonijiet fl-innovazzjoni, u b'hekk jipprovdu valur miżjud għall-ekonomija u ċ-ċittadini tal-Ewropa;

10.  Jirrifletti dwar it-tħejjijiet mill-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza dwar il-possibbiltà ta' twaqqif ta' Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni għal koordinament aħjar tal-inizjattivi ta' innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea (Diċembru 2015); jinnota li l-għan ewlieni ta' Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni (EIC) għandu jkun li jgħin biex jitnaqqsu l-ostakoli għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Ewropa u jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni; jenfasizza li EIC għandu jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha, ikollu konsultazzjonijiet u proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti u rapidi, u jikkumplimenta korpi oħra tal-UE, billi tiġi evitata d-duplikazzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, li ma għandux ikun hemm aktar tnaqqis fl-approprjazzjonijiet attwalment previsti fil-baġit tal-programm Orizzont 2020, peress li dawn diġà ġew imnaqqsa fil-qafas tal-FEIS;

11.  Jappella għal sistema ta' monitoraġġ biex issegwi s-suċċess tas-sinerġiji b'mod li jixxerrdu l-aħjar prattiki u jinsiltu tagħlimiet qabel ir-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020;

12.  Jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tar-rabta bejn Orizzont 2020 u l-Fondi SIE f'termini ta' sigurtà (il-ħtieġa li jkun hemm l-istess livell ta' infrastruttura tat-TIK madwar l-UE), u għad-dimensjoni tal-manifattura ta' din ir-rabta; jilqa' l-armonizzazzjoni tal-istrutturi ta' sigurtà tat-TIK, sabiex ir-Regolamenti dwar il-fondi ESI għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss jindirizzaw ukoll dawn l-aspetti, u jenfasizza li mezzi finanzjarji adegwati għandhom jiġu pprovduti għal dak l-għan;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji peress li, bl-eċċezzjoni ta' referenza għall-potenzjal tagħhom fl-użu ta' riżorsi ta' investiment skarsi u għall-prospetti ġenerali biex jiġu ttrattati sfidi ġodda fil-futur, din il-kwistjoni hija nieqsa mir-rapport tagħha mfassal skont l-Artikolu 16 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, filwaqt li rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSR) jifformaw parti minn dawn is-sinerġiji;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

[1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
[2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
[3] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
[4] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
[5] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
[6] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
[7] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
[8] Testi adottati, P7_TA(2014)0002
[9] Testi adottati, P8_TA(2015)0308
[10] Testi adottati, P8_TA(2015)0419