Dokument ta' sessjoni

 

B8-0853/2016

29.6.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8–0702/2016 u B8–0703/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015–2016

( 2016/2600(RSP) )

Anja Hazekamp, Stefan Eck, Merja Kyllönen, Eleonora Forenza, Sabine Lösing, Marisa Matias, Kateřina Konečná, Jiří Maštálka, Josu Juaristi Abaunz, Marina Albiol Guzmán, Sofia Sakorafa, Estefanía Torres Martínez, Lola Sánchez Caldentey, Tania González Peñas, Miguel Urbán Crespo, Xabier Benito Ziluaga, Anne-Marie Mineur

f'isem il-Grupp GUE/NGL

B8-0853/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015–2016

( 2016/2600(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-moratorju internazzjonali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni, iddikjarat mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar in-negozjati kummerċjali bejn l-UE u l-Ġappun[1],

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2014–5 dwar il-kaċċa għall-balieni b'permess speċjali (l-hekk imsejħa kaċċa għall-balieni għal skopijiet xjentifiċi), adottata mill-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni fil-65 laqgħa annwali tagħha fis-Slovenja fl-2014,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja tal-31 ta' Marzu 2014 fil-kawża li tikkonċerna l-kaċċa għall-balieni fl-Antartiku (l-Awstralja vs il-Ġappun: New Zealand intervenjenti),

–  wara li kkunsidra il-Pjan ta' Riċerka Ġappuniż għall-Programm Ġdid ta' Riċerka Xjentifika dwar il-Balieni fl-Oċean Antartiku (NEWREP-A),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar id-deċiżjoni tal-Ġappun li jerġa' jibda l-kaċċa għall-balieni fl-istaġun 2015–2016 ( O-000058/2016 – B8-0702/2016 u O-000059/2016 – B8-0703/2016 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni (IWC) pprojbiet il-kaċċa kummerċjali għall-balieni ta' kull speċi ta' baliena kbira fl-1982, u billi din il-projbizzjoni daħlet fis-seħħ fl-1986;

B.  billi l-Ġappun, minkejja din il-projbizzjoni internazzjonali, kompla l-kaċċa għall-balieni taħt diversi pretenzjonijiet mhux ġustifikati, inklużi wħud xjentifiċi, u bejn id-dħul fis-seħħ tal-projbizzjoni fl-1986 u l-2008/2009 l-Ġappun qatel aktar minn 17 000 baliena[2];

C.  billi l-attivitajiet tal-kaċċa għall-balieni li għadhom qed jitwettqu minn xi pajjiżi jistgħu jikkawżaw tbatija enormi u fit-tul lil annimali individwali u jheddu l-istatus ta' konservazzjoni tal-popolazzjonijiet tal-balieni b'mod ġenerali;

D.  billi l-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (QIĠ), fis-sentenza tagħha tal-31 ta' Marzu 2014, irrifjutat il-programm ta' kaċċa xjentifika għall-balieni tal-Ġappun u kkunsidrat li l-permessi speċjali mogħtija mill-Ġappun biex jinqatlu, jittieħdu u jiġu pproċessati l-balenotteri kbar mbaċċa, il-balieni tal-gwienaħ kbar u l-balenotteri żgħar tal-Antartiku ma jaqgħux taħt il-kamp ta' applikazzjoni tal-Artikolu VIII, paragrafu 1, tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni, u ma jikkonformawx mal-obbligi tal-Ġappun taħt diversi paragrafi tal-Iskeda mehmuża mal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar ir-Regolazzjoni tal-Kaċċa għall-Balieni;

E.  billi, minkejja din is-sentenza tal-QIĠ, il-Ġappun, wara interruzzjoni fl-2014, reġa' beda l-attivitajiet tal-kaċċa għall-balieni fl-2015 taħt il-Pjan ta' Riċerka tiegħu għall-Programm Ġdid ta' Riċerka Xjentifika dwar il-Balieni fl-Oċean Antartiku (NEWREP-A);

F.  billi, taħt il-Programm NEWREP-A, il-Ġappun qed jippjana li jikkaċċja total ta' 3 996 balenottera żgħira matul perjodu ta' 12-il sena;

G.  billi l-bord espert tax-xjentisti tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni, li kkunsidra u rreveda n-NEWREP-A, ikkonkluda li l-proposta ma turix il-ħtieġa għal kampjuni letali biex jinkisbu l-objettivi ddikjarati;

H.  billi l-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jappoġġjaw iż-żamma tal-moratorju globali fuq il-kaċċa kummerċjali għall-balieni u projbizzjoni tal-kummerċ internazzjonali ta' prodotti li ġejjin mill-balieni, jimpenjaw ruħhom biex iwaqqfu l-hekk imsejħa kaċċa xjentifika għall-balieni u jappoġġjaw l-għażla ta' reġjuni sostanzjali fl-oċeani u fl-ibħra bħala santwarji li fihom il-kaċċa għall-balieni hija pprojbita b'mod indefinit;

I.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha kkritikaw lill-Ġappun talli kompla bl-attivitajiet u talli ma qiesx b'mod suffiċjenti l-gwida li tinsab fl-opinjoni tal-QIĠ tal-2014; billi f'Diċembru 2015 huma ngħaqdu man-New Zealand f'passi kontra l-Gvern tal-Ġappun;

J.  billi n-negozjati dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun tniedu uffiċjalment fil-25 ta' Marzu 2013;

K.  billi l-politiki kummerċjali għandhom, fost l-oħrajn, iservu bħala mezz sabiex jittejbu r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, il-benesseri tal-annimali u l-ħarsien tal-ambjent, inkluż il-ħarsien ta' mammiferi marini;

1.  Jitlob lill-Ġappun iwaqqaf l-attivitajiet tiegħu kollha tal-kaċċa għall-balieni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iħeġġu lill-Ġappun, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun, josserva l-obbligi internazzjonali tiegħu fir-rigward tal-ħarsien tal-mammiferi tal-baħar;

3.  Jiddikjara li, sakemm il-Ġappun ikompli bl-attivitajiet tal-kaċċa għall-balieni tiegħu, dan jikkostitwixxi raġuni oħra biex ma jingħatax il-kunsens għall-konklużjoni tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun;

4.  Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, meta jkunu qed ifasslu pożizzjoni komuni aġġornata tal-UE dwar il-kaċċa għall-balieni wara s-66 laqgħa tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni f'Ottubru 2016, biex jieħdu approċċ li jkun tal-anqas prekawzjonarju daqs il-pożizzjoni komuni attwali (id-Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f'isem l-Unjoni Ewropea, fir-rigward ta' materji li jaqgħu fil-kompetenza tagħha, fit-tliet laqgħat li jmiss tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Kaċċa għall-Balieni – 2011/0221(NLE) );

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tal-Ġappun.

 

[1] ĠU C 72 E, 11.3.2014, p. 16.
[2] http://d2ouvy59p0dg6k.cloudfront.net/downloads/iwc61_whales_killed_final.pdf