Dokument ta' sessjoni
29.6.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra
( 2016/2695(RSP) )
Rosa D’Amato, David Borrelli, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej u programmi tal-UE oħra
( 2016/2695(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174 sa 190 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd[1] (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni"),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni[6],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005[7],
– wara li kkunsidra r-Regolament Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE[8],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Lulju 2013 intitolata "L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni" (2013/C 218/03),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' Novembru 2014 intitolata "Miżuri biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ekosistemi ta' start ups tat-teknoloġija avvanzata" (2014/C 415/02),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda[9],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2014 intitolata "Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir imġedded" ( COM(2014)0339 ),
– wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, intitolat "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi", tat-23 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" ( COM(2014)0903 ),
– wara li kkunsidra l-gwida mill-Kummissjoni tal-2014 bl-isem 'Il-faċilitazzjoni ta' sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività',
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015, "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"[11],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, għall-perjodu ta' programmar finanzjarju 2014-2020, il-politika ta' koeżjoni għadha tirrappreżenta l-istrument ewlieni tal-UE li jkopri r-reġjuni kollha għal investiment fl-ekonomija reali, u għandha tgħin fit-tnaqqis tad-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali, li jaggravaw minħabba l-kriżi ekonomika u finanzjarja kontinwa, kif ukoll minħabba l-politiki ta' awsterità u tnaqqis baġitarju;
B. billi l-politika ta' koeżjoni nbniet madwar l-artikolazzjoni tat-tliet strumenti tagħha, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond ta' Koeżjoni (FK), flimkien ma' koordinament aktar estensiv taħt Qafas Strateġiku Komuni (QSK) mal-fond għall-iżvilupp rurali, speċifikament il-il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u ma' dak għas-settur marittimu u tas-sajd, il-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew (FEMS);
C. billi d-dispożizzjonijiet komuni għal dawn il-ħames fondi, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE), ġew stabbiliti taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, waqt li r-regoli speċifiċi applikabbli għal kull Fond SIE u għall-objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea ġew soġġetti għal regolamenti separati;
D. billi, sabiex jiġi ottimizzat il-valur miżjud minn investimenti kompletament jew parzjalment iffinanzjati permezz tal-baġit tal-Unjoni fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni, għandhom jiġu mfittxija sinerġiji b'mod partikolari bejn it-tħaddim tal-Fondi SIE u tal-Orizzont 2020;
E. billi l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti tista' tiġi definita bħala "approċċ strateġiku għall-iżvilupp ekonomiku permezz ta' sostenn immirat għar-riċerka u l-innovazzjoni" u billi tingħata prijorità lill-investimenti f'attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni li jkunu mibnija fuq il-ħila eżistenti jew potenzjali tar-reġjuni, u b'hekk jiġi żgurat użu aktar effikaċi tal-fondi pubbliċi, u jiġi stimulat l-investiment privat;
F. billi l-ħsieb wara t-tisħiħ tas-sinerġiji bejn Orizzont 2020 u l-Fondi SIE jinsab fit-tiswir ta' interazzjonijiet sinifikanti bejn l-istrateġiji u l-interventi ta' investiment bħala mezz biex ikun hemm impatti sinifikanti fuq l-ekonomija, u dan billi l-investimenti innovattivi bbażati fuq il-post fi prijoritajiet ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti jiġu kkombinati ma' inizjattivi ta' riċerka u innovazzjoni ta' klassi dinjija, biex b'hekk jiġi żgurat li l-fondi jkollhom impatt akbar;
G. billi, fil-programmazzjoni l-ġdida għall-perjodu 2014-2020, l-Istati Membri u r-reġjuni huma meħtieġa jistabbilixxu "Strateġija ta' Innovazzjoni Reġjonali għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti", li hija rekwiżit biex dak li jkun jibbenefika minn fondi ta' investiment tal-FEŻR għar-riċerka u l-innovazzjoni;
H. billi, fil-proċess ta' promozzjoni tas-sinerġiji, għandhom jitqiesu b'mod ikkombinat tliet livelli ta' azzjoni – il-livell strateġiku, il-livell tal-ipprogrammar u l-livell tal-proġett; billi l-livell strateġiku u l-livell tal-ipprogrammar huma ta' importanza kruċjali biex tiġi żgurata l-kontinwità fil-politiki u viżjoni fit-tul u d-determinazzjoni fl-implimentazzjoni tal-istrateġija;
I. billi, peress li l-mezzi ta' ppjanar u provvista jvarjaw bejn il-Programm Qafas/Orizzont 2020 u l-Fondi ESI, "il-Gwida dwar is-Sinerġiji" tipprovdi klassifikazzjoni ta' ħames azzjonijiet ta' tip sinerġetiku fil-livell ta' implimentazzjoni tal-proġett;
J. billi l-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar il-kontribut tal-Fondi SIE lejn l-istrateġija ta' tkabbir tal-UE, il-Pjan ta' Investiment u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-għaxar snin li ġejjin, li hija fil-fatt ir-rapport previst fl-Artikolu 16 tad-dispożizzjonijiet komuni dwar il-fondi, b'rabta mal-implimentazzjoni tagħhom sal-lum, li jinkludi wkoll ir-riżultati tan-negozjati mal-Istati Membri kollha dwar il-ftehimiet u l-programmi ta' sħubija, u l-isfidi ewlenin għal kull pajjiż;
1. Jisħaq li huwa ta' importanza kbira li jiġu żgurati l-aħjar sinerġiji bejn Orizzont 2020 u l-Fondi SIE sabiex tkun tista' tiġi affaċċjata l-pressjoni kompetittiva li kulma jmur qed tiżdied mis-swieq globali u biex jiġu mmassimizzati l-impatt u l-effiċjenza tal-finanzjament pubbliku;
2. Jissottolinja li r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni relatati mal-Fondi SIE jinkludi għall-ewwel darba mandat ġuridiku għall-massimizzazzjoni tas-sinerġiji, mhux biss bejn dawn iż-żewġ strumenti, iżda anke ma' programmi oħra bħal COSME, Erasmus+ u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; ifakkar li l-qafas il-ġdid tal-politika ta' koeżjoni huwa ffokat fuq numru limitat ta' objettivi politiċi u erba' oqsma prijoritarji b'potenzjal ta' tkabbir għoli, b'mod partikolari r-riċerka u l-innovazzjoni, l-SMEs, it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju;
3. Jinnota li s-sinerġiji għandhom jassistu fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti li huma l-kondizzjonalità ex ante għall-investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni;
4. Jenfasizza li, bil-għan li jitrawmu s-sinerġiji, huwa indispensabbli li tiġi stimolata l-kooperazzjoni strateġika bejn l-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għat-tfassil tal-programmi, bħalma huwa l-investiment ikkoordinat fir-riċerka u l-innovazzjoni f'oqsma prijoritarji identifikati b'sostenn għall-kompetittività u t-tkabbir;
5. Jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu żgurati koerenza sħiħa u sinerġiji bejn l-istrumenti kollha tal-UE, sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni jew il-kontradizzjonijiet bejniethom jew bejn il-livelli differenti ta' implimentazzjoni politika; jiddispjaċih, b'rabta ma' dan, li l-ħolqien tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) mhux biss kien jinvolvi tnaqqis ta' EUR 2.2 biljun mill-baġit ta' Orizzont 2020, tnaqqis li jillimitalu l-kapaċità li jilħaq l-objettivi tiegħu u jxekkel il-politika ddikjarata tal-Unjoni li tafferma li l-investimenti fir-riċerka jipprovdu l-aħjar fattur ta' moltiplikazzjoni sabiex tingħeleb il-kriżi, iżda wera wkoll l-inkompatibbiltà ta' dan il-Fond mal-objettivi ta' koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali stabbiliti fit-Trattati;
6. Jinnota li, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-politika ta' koeżjoni tippermetti li l-istrumenti finanzjarji jkollhom rwol aktar b'saħħtu, iżda jfakkar li, skont il-premessa 53 tar-Regolament Nru 966/2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, l-istrumenti finanzjarji għandhom jintużaw b'mod komplementari, abbażi ta' valutazzjoni ex ante, u dan juri li huma aktar effikaċi biex jintlaħqu l-objettivi tal-politika tal-Unjoni minn forom oħra ta' finanzjament mill-Unjoni, inklużi l-għotjiet;
7. Josserva li l-implimentazzjoni ta' politika effikaċi dwar is-sinerġiji teħtieġ definizzjoni operattiva ċara dwar fiex tikkonsisti sinerġija, u li wieħed mhux la kemm iżid il-fondi jew jittrasferixxi r-riżorsi minn fond għal ieħor peress li ċertament dan l-approċċ bl-ebda mod ma jikkwalifika bħala tip ta' sinerġija; jisħaq li struttura ta' sinerġija għandha tkun sempliċi u ffokata bil-għan li jintlaħqu, permezz ta' inputs ikkombinati, riżultati aħjar minn dawk li kieku jinkisbu meta jitħaddmu biss inputs singoli. jenfasizza li prerekwiżit biex jinkisbu s-sinerġiji huwa l-isfruttament bis-sħiħ tal-possibbiltajiet tas-sitwazzjoni qabel is-sinerġija; jappella, abbażi ta' dan, biex l-istrateġija ta' sinerġija tkun marbuta mar-reviżjonijiet dettaljati tal-implimentazzjoni kemm tal-Fondi Strutturali kif ukoll ta' Orizzont 2020, bil-għan li jiġi żgurat li s-sinerġiji ma jservux bħala skuża biex jiġu injorati problemi ta' implimentazzjoni dokumentati sew u ripetuti ta' spiss li jaffettwaw lil diversi Stati Membri;
8. Jinnota li s-sinerġiji ma' politiki u strumenti oħra għandhom jissaħħu aktar sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-proġett pilota tal-baġit tal-UE "Skala tal-Eċċellenza (S2E)", li jkompli jappoġġa r-reġjuni u 13-il Stat Membru fl-iżvilupp u l-isfruttar tas-sinerġiji bejn il-Fondi SIE; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati wkoll oqsma relatati ta' speċjalizzazzjoni ta' reġjuni u Stati Membri oħra sabiex jingħaqdu magħhom u jkunu ppreparati aħjar għal opportunitajiet ta' proġetti multinazzjonali u jsiru konnessjonijiet internazzjonali;
9. Ifakkar li m'hemmx biżżejjed fondi taħt Orizzont 2020 u li bosta proġetti evalwati bħala eċċellenti ma jistgħux jingħataw fondi; jisħaq fuq il-fatt li jrid jiġi żblokkat finanzjament alternattiv, u li pereżempju għotjiet mill-FSIE jistgħu jkopru proġetti eċċellenti taħt Orizzont 2020 bl-għajnuna tas-"Seal of Excellence"; jipproponi li l-istatus tagħhom fir-rigward tal-livell ta' eċċellenza tagħhom kif ikun ġie evalwat minn Orizzont 2020 jiġi aċċettat ex ante peress li l-kriterji ta' evalwazzjoni jikkorrispondu ma' dawk previsti mir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni għall-objettiv tematiku rilevanti (i.e. "it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni;")
10. Itenni, għaldaqstant, l-importanza li jiġu allinjati l-kontenut u l-kriterji tal-għażla għall-finanzjament mill-FSIE ma' attivitajiet tat-tip ta' Orizzont 2020, bil-għan li jkun possibbli li jiġi pprovdut sostenn mill-FSIE għal proġetti li ssodisfaw ir-rekwiżiti limitu tal-evalwazzjoni ta' Orizzont 2020, iżda li ma setgħux jiġu ffinanzjati minħabba nuqqas ta' baġit għal Orizzont 2020;
11. Jappella għal sistema ta' monitoraġġ biex issegwi s-suċċess tas-sinerġiji b'mod li tixxerred l-aħjar prattika u jiżdied l-impatt tagħhom qabel ir-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020;
12. Jenfasizza l-fatt li l-Kummissarju għar-Riċerka, ix-Xjenza u l-Innovazzjoni għandu jtejjeb b'mod sinifikanti l-koordinament ta' inizjattivi ta' innovazzjoni fl-UE, u dan billi jagħmel aġġustamenti leġiżlattivi u operattivi sinifikanti għal xi wħud minnhom u jiżgura li l-finanzjament ta' attivitajiet relatati mal-innovazzjoni jibqa' marbut mill-qrib mal-prestazzjoni effettiva u li jkun mmirat lejn il-ksib ta' riżultati tanġibbli fl-Unjoni kollha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li qabel ma jiġi stabbilit kwalunkwe korp jew organizzazzjoni ġdida f'dan il-qasam, huwa essenzjali, f'termini politiċi, li jsir użu sħiħ mill-possibbiltajiet kollha tal-korpi eżistenti;
13. Jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tar-rabta bejn Orizzont 2020 u l-Fondi SIE f'termini ta' sigurtà (il-ħtieġa li jkun hemm l-istess livell ta' infrastruttura tat-TIK madwar l-UE), kif ukoll għad-dimensjoni tal-manifattura ta' din ir-rabta; jilqa' l-armonizzazzjoni tal-istrutturi ta' sigurtà tat-TIK, sabiex ir-Regolamenti dwar il-fondi ESI għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss jindirizzaw ukoll dawn l-aspetti, u jenfasizza li mezzi finanzjarji adegwati għandhom jiġu pprovduti għal dak l-għan;
14. Jitlob lill-Kummissjoni toħroġ komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji peress li, bl-eċċezzjoni ta' referenza għall-potenzjal tagħhom fl-użu ta' riżorsi ta' investiment skarsi u għall-prospetti ġenerali biex jiġu ttrattati sfidi ġodda fil-futur, din il-kwistjoni hija nieqsa mir-rapport tagħha mfassal skont l-Artikolu 16 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, filwaqt li rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSR) jifformaw parti minn dawn is-sinerġiji;
15. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.