Dokument ta' sessjoni

 

B8-0858/2016

29.6.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

imressqa skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sinerġiji għall-innovazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej oħra

( 2016/2695(RSP) )

Matthijs van Miltenburg, Lieve Wierinck, Iskra Mihaylova, Ivan Jakovčić

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8-0858/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sinerġiji għall-innovazzjoni bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej oħra

( 2016/2695(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174 sa 178 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni")[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006[3],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea[4],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti[5],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005[7],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 ''Speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda''[8],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni''[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015, "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"[10],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2014 intitolata "Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi tat-tkabbir imġedded" ( COM(2014)0339 ),

–  wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, intitolat "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi", tat-23 ta' Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" ( COM(2014)0903 ),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-2014 dwar il-faċilitazzjoni ta' sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività ( SWD(2014)0205 ),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 intitolata "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" ( COM(2010)0553 ),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Lulju 2013 intitolata "L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' Novembru 2014 intitolata "Miżuri biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ekosistemi ta' start ups tat-teknoloġija avvanzata",

–  wara li kkunsidra l-Objettiv Tematiku Nru 1 (it-tisħiħ tar-riċerka, l-iżvilupp teknoloġiku u l-innovazzjoni mill-Fondi SIE),

–  wara li kkunsidra l-konċentrazzjoni tematika fi ħdan il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u b'mod partikolari għall-prijoritajiet dwar l-appoġġ għall-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SME), kif ukoll għall-COSME, l-istrument tal-SME ta' Orizzont 2020 u l-komponent dwar l-SME tal-FEIS,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja 2014-2020 għadha tirrappreżenta l-istrument ewlieni tal-UE li jkopri r-reġjuni kollha għal investiment fl-ekonomija reali, u fl-istess ħin tesprimi s-solidarjetà Ewropea billi testendi t-tkabbir u l-prosperità u tnaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, li ġew aggravati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja;

B.  billi l-politika ta' koeżjoni għandha tkun allinjata bis-sħiħ mal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u hija mibinja fuq l-artikolazzjoni tat-tliet fondi tagħha, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), flimkien ma' koordinament aktar estensiv taħt Qafas Strateġiku Komuni (QSK) mal-fondi għall-iżvilupp rurali, speċifikament il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u, għas-settur marittimu u tas-sajd, – il-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew (FEMS);

C.  billi ġew stabbiliti dispożizzjonijiet komuni għal dawn il-ħames fondi kollha – il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE) – taħt ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, filwaqt li regoli speċifiċi applikabbli għal kull Fond SIE u l-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea ġew suġġetti għal regolamenti separati;

D.  billi r-riforma riċenti tal-politika ta' koeżjoni daħħlet numru limitat ta' objettivi u prijoritajiet, u b'hekk ħolqot punt fokali tematiku / konċentrazzjoni tematika, filwaqt li tippermetti ċertu livell ta' flessibbiltà u adattament għal ċerti karatteristiċi; billi, barra minn dan, din żgurat prinċipju ta' sħubija msaħħa u governanza solida f'diversi livelli, approċċ definit sew għall-iżvilupp territorjali, aktar sinerġiji bejn il-ħames fondi, iżda wkoll ma' fondi rilevanti oħra (eż. Orizzont 2020, PSCI, COSME, LIFE, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+ u NER300), aktar simplifikazzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni, sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni effikaċi, qafas ta' prestazzjoni trasparenti, regoli ċari dwar l-użu ta' strumenti finanzjarji, sistema ta' ġestjoni u kontroll tajba u sistema ta' ġestjoni finanzjarja effikaċi;

E.  billi, sabiex tiġi ffaċilitata l-enfasi fuq il-prestazzjoni u l-kisba tal-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020, ġiet introdotta riżerva għall-prestazzjoni għal kull Stat Membru li tikkonsisti f'6 % tar-riżorsi allokati għall-FEŻR (mingħajr l-objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea), l-FSE, l-FK, il-FAEŻR u l-FEMS, u, fuq il-bażi ta' rieżami tal-prestazzjoni fl-2019, huwa previst li din ir-riżerva se tiġi allokata biss lill-programmi u l-prijoritajiet li jkunu laħqu l-miri tagħhom; billi ġiet introdotta wkoll rabta eqreb bejn il-politika ta' koeżjoni u l-governanza ekonomika tal-Unjoni, bil-għan li tiġi żgurata l-effikaċja tan-nefqa taħt il-Fondi SIE, filwaqt li monitoraġġ strett u evalwazzjonijiet jiżguraw li l-politika ta' koeżjoni 2014-2020 hija l-aktar politika evalwata fi ħdan il-baġit tal-UE;

F.  billi fl-14 ta' Diċembru 2015 il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar il-kontribut tal-Fondi SIE lejn l-istrateġija ta' tkabbir tal-UE, il-Pjan ta' Investiment u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-għaxar snin li ġejjin, li hija fil-fatt ir-rapport previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni dwar il-Fondi SIE b'rabta mal-implimentazzjoni tagħhom sal-lum, li jinkludi wkoll ir-riżultati tan-negozjati mal-Istati Membri kollha dwar il-ftehimiet ta' sħubija, il-programmi operattivi u l-isfidi ewlenin għal kull pajjiż;

1.  Itenni li r-rabtiet bejn il-politika ta' koeżjoni u politiki oħra tal-UE, programmi u inizjattivi ta' finanzjament (eż. Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, is-Suq Uniku Diġitali, l-iżvilupp rurali, l-Unjoni tal-Innovazzjoni, kif ukoll l-inizjattivi ewlenin ta' Ewropa 2020) issaħħu fi ħdan il-Qafas Strateġiku Komuni introdott permezz tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, u għalhekk, permezz tal-istrumenti u l-objettivi kollha tagħha – inkluża l-aġenda urbana, l-aġenda territorjali, l-investiment fl-SMEs, it-tkabbir intelliġenti u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, il-pubbliku potenzjali għall-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi u l-investiment fihom fost oħrajn għal kwistjonijiet ambjentali, tal-enerġija, is-saħħa, il-klima, id-diġitizzazzjoni, it-trasport u dawk urbani – qed tikkontribwixxi sostanzjalment fit-tisħiħ tas-suq uniku u biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

2.  Jissottolinja l-fatt li s-sinerġiji msemmija aktar qabel jiffurmaw sa mil-livell tal-ippjanar strateġiku, u għaldaqstant jirrikjedu sa mill-bidu nett għażliet strateġiċi u ppjanar min-naħa tar-reġjuni u l-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jiġġeneraw opportunitajiet, pereżempju biex titrawwem l-eċċellenza fl-oqsma ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti; jrrimarka li, fil-każ ta' Orizzont 2020, dan jikkonsisti fis-sensibilizzazzjoni, l-għoti ta' informazzjoni (b'mod partikolari dwar ir-riżultati tar-riċerka minn proġetti tal-FP7 u ta' Orizzont 2020), it-twettiq ta' kampanji ta' komunikazzjoni, il-ftuħ kemm jista' jkun ta' netwerks eżistenti għal min hu ġdid u l-kollegament ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCP) għal dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u reġjonali u l-awtoritajiet maniġerjali tal-FSIE;

3.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz tal-involviment tal-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali u reġjonali u partijiet interessati, bħal universitajiet u istituzzjonijiet oħra ta' edukazzjoni ogħla, l-industrija u s-sħab soċjali fi proċess ta' skoperta intraprenditorjali huwa obbligatorju għar-reġjuni u l-Istati Membri li jixtiequ jinvestu riżorsi mill-FEŻR fir-riċerka u l-innovazzjoni; ifakkar li, peress li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom jinkludu azzjonijiet up-stream (il-bini tal-kapaċità u t-titjib tas-sistemi nazzjonali/reġjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni) u azzjonijiet down-stream (l-adozzjoni ta' riżultati tar-riċerka, l-appoġġ għall-innovazzjoni u aċċess għas-suq) f'Orizzont 2020, li mbagħad min-naħa tiegħu jistimola l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni fl-Ewropa u tissaħħaħ il-kompetittività globali tal-Unjoni, filwaqt li jkun hemm investiment anke fil-kollegamenti bejn min jinsab fuq quddiem u min isegwi fil-kuntest tal-attivitajiet tat-Tixrid tal-Eċċellenza u t-Twessigħ tal-Parteċipazzjoni, il-metodoloġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandha tibqa' mudell għat-tfassil tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020;

4.  Jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu li, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-politika ta' koeżjoni tippermetti li l-istrumenti finanzjarji jkollhom rwol aktar b'saħħtu, u jinnota li l-istrumenti finanzjarji, peress li huma kumplementari għall-għotjiet, għandhom effett ta' lieva importanti u jistgħu jikkontribwixxu għal rata ta' assorbiment aħjar billi jipprovdu l-kofinanzjament meħtieġ; jenfasizza, madankollu, il-fatt li l-għotjiet jibqgħu indispensabbli għal proġetti li ma jkunux kompletament ta' profitt, bħal proġetti tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u dawk b'enfasi qawwija fuq l-isfidi tas-soċjetà;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni kostanti lill-ħtiġijiet tal-SMEs fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE u Orizzont 2020, kif ukoll lis-sinerġiji bejniethom; ifakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs ( P7_TA(2013)0036 ), u għalhekk jenfasizza li kwalunkwe finanzjament addizzjonali tal-UE huwa mixtieq ħafna; jitlob lill-Kummissjoni biex tipprepara sejħiet koordinati għal proposti sabiex jitħaffef l-aċċess għal finanzjament b'diversi fondi; jitlob ukoll biex ikun hemm evalwazzjoni dettaljata tal-programmi rilevanti tal-SME bħall-COSME, l-istrument tal-SME ta' Orizzont 2020 u l-komponent tal-SME fil-FEIS, fir-rigward kemm tal-allokazzjoni tal-baġit u tar-rata ta' suċċess tal-proġett, kif ukoll il-piż amministrattiv u l-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni;

6.  Jinnota li s-sinerġiji ma' politiki u strumenti oħra għandhom jissaħħu aktar sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-proġett pilota tal-baġit tal-UE - it-Triq lejn l-Eċċellenza (S2E), li jkompli jappoġġa r-reġjuni u l-Istati Membri fl-iżvilupp u l-isfruttar ta' sinerġiji bejn il-Fondi SIE; jappella għal biżżejjed flessibilità biex l-Istati Membri jużaw is-siġill ta' eċċellenza; jipproponi li l-proġetti b'siġill ta' eċċellenza jistgħu jintużaw bħala proġett pilota għal allinjament u koerenza akbar fir-rigward tal-għajnuna mill-istat u regoli ta' akkwist pubbliku fil-kuntest tal-Fondi SIE u Orizzont 2020; jenfasizza l-importanza li jiġu identifikati wkoll oqsma relatati ta' speċjalizzazzjoni f'reġjuni u Stati Membri oħra sabiex jingħaqdu magħhom u jkunu mħejjija aħjar għal opportunitajiet ta' proġetti b'diversi pajjiżi u biex isiru konnessjonijiet internazzjonali;

7.  Jenfasizza li l-FEIS għandu jkun komplementari u addizzjonali għall-Fondi SIE u programmi oħra tal-UE bħal Orizzont 2020 u l-attivitajiet tradizzjonali tal-Bank Ewropew tal-Investiment; jinnota li, bħala riżultat, il-FEIS jimmira lejn tipi differenti ta' proġetti minn dawk li kienu se jimmiraw it-EUR 2.2 biljun permezz ta' Orizzont 2020; jenfasizza li għandhom ikunu żgurati koerenza u sinerġiji sħaħ bejn l-istrumenti kollha tal-UE, sabiex jinkisbu l-għanijiet strateġiċi ġenerali ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet jew kontradizzjonijiet bejniethom jew bejn il-livelli differenti ta' implimentazzjoni tal-politiki, filwaqt li jiġu kkumplimentati l-fondi u l-programmi nazzjonali u reġjonali; ifakkar li r-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020 jeħtieġ li jindirizza din l-isfida bil-ħsieb li juża r-riżorsi kollha disponibbli b'mod effikaċi u jikseb ir-riżultati mistennija fir-rigward tal-miri strateġiċi globali, peress li l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-investimenti tar-Riċerka u l-Innovazzjoni għandhom jiżdiedu permezz ta' użu kkoordinat tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u Orizzont 2020; jinnota, madankollu, li l-eċċellenza għandha tkun il-kriterju ewlieni għall-għażla tal-proġetti f'Orizzont 2020;

8.  Jappella lill-Kummissjoni biex tidentifika u tikkomunika s-suċċess tas-sinerġiji sabiex tixxerred l-aħjar prattika u jiżdied l-impatt tagħhom qabel ir-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020; jirrimarka li kwalunkwe sistema bħal din m'għandhiex iżżid il-piż amministrattiv;

9.  Jenfasizza l-ħidma esploratorja mwettqa mill-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza dwar il-possibbiltà ta' twaqqif ta' Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni għal koordinament aħjar tal-inizjattivi ta' innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea;

10.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-kwistjoni tar-rabta bejn Orizzont 2020 u l-Fondi SIE f'termini ta' proċessi ta' awditjar; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tistabbilixxi approċċ ċar, allinjat u koordinat għall-perjodu ta' wara l-2020 b'rabta mal-iżvilupp futur tal-Fondi SIE u l-Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, b'enfasi speċjali fuq il-proċessi amministrattivi u ta' awditjar, il-proporzjonalità u r-responsabbiltà;

11.  Jitlob lill-Kummissjoni, fi ħdan ir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-Fondi SIE, biex toħroġ komunikazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-sinerġiji peress li, ħlief li ssemmi l-potenzjal tagħhom fl-użu ta' riżorsi skarsi għall-investiment u l-prospetti ġenerali biex jiġu ttrattati sfidi ġodda fil-futur, din il-kwistjoni hija nieqsa fir-rapport tagħha previst taħt l-Artikolu 16 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, għalkemm is-CSR jifforma parti minn dawn;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

[1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
[2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
[3] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
[4] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
[5] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
[6] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
[7] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
[8] Testi adottati, P7_TA(2014)0002
[9] Testi adottati, P8_TA(2015)0308
[10] Testi adottati, P8_TA(2015)0419