Dokument ta' sessjoni
29.6.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej oħra u programmi tal-UE
( 2016/2695(RSP) )
Christian Ehler, Lambert van Nistelrooij
f'isem il-Grupp PPE
Constanze Krehl, Soledad Cabezón Ruiz, Derek Vaughan
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar sinerġiji għall-innovazzjoni: il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u fondi ta' innovazzjoni Ewropej oħra u programmi tal-UE
( 2016/2695(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 162 u 174 sa 178 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni")[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment għall-mira tat-tkabbir u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006[3],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea[4],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti[5],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006[6],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005[7],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE[8],
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali dwar il-Politika ta' Koeżjoni u l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni għall-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti (RIS3) ( A8-0159/2016 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-Ewropa tinvesti mill-ġdid — Rendikont tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-passi li jmiss "( COM(2016)0359 ),
– wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Frar 2016 intitolat "Il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa: linji gwida ġodda dwar kif jistgħu jingħaqdu l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi";
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2013 dwar it-titjib tal-aċċess għall-finanzi għall-SMEs[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni"[11],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015, "Lejn simplifikazzjoni u orjentament tal-prestazzjoni fil-politika ta' koeżjoni 2014-2020"[12],
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2014 intitolata "Ir-riċerka u l-innovazzjoni bħala sorsi ta' tkabbir imġedded" ( COM(2014)0339 ),
– wara li kkunsidra s-sitt rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, intitolat "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi", tat-23 ta' Lulju 2014,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" ( COM(2014)0903 ),
– wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-2014 intitolat "Enabling synergies between European Structural and Investment Funds, Horizon 2020 and other research, innovation and competitiveness-related Union programmes" (Niffaċilitaw sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività)( SWD(2014)0205 ),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ottubru 2010 intitolata "Politika Reġjonali li tikkontribwixxi għal tkabbir intelliġenti fl-Ewropa 2020" ( COM(2010)0553 ),
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-30 ta' Lulju 2013 intitolata "L-eliminazzjoni tad-distakk fl-innovazzjoni",
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-20 ta' Novembru 2014 intitolata "Miżuri biex jiġi appoġġjat il-ħolqien ta' ekosistemi ta' start-ups tat-teknoloġija avvanzata",
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-politika ta' koeżjoni fil-perjodu ta' programmazzjoni finanzjarja 2014-2020 għadha tirrappreżenta l-istrument ewlieni tal-UE bil-ħsieb li tressaq lill-UE eqreb lejn iċ-ċittadini tagħha, li tkopri r-reġjuni kollha għal investiment fl-ekonomija reali, u fl-istess ħin tirrappreżenta espressjoni tas-solidarjetà Ewropea billi testendi t-tkabbir u l-prosperità u tnaqqas l-inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, li ġew aggravati mill-kriżi ekonomika u finanzjarja;
B. billi l-politika ta' koeżjoni għandha tkun allinjata bis-sħiħ mal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, u hija mibinja fuq l-artikolazzjoni tat-tliet fondi tagħha, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), flimkien ma' koordinament aktar estensiv taħt Qafas Strateġiku Komuni (QSK) mal-fondi għall-iżvilupp rurali, speċifikament il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), u ma' dak għas-settur marittimu u tas-sajd, il-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew (FEMS);
C. billi d-dispożizzjonijiet komuni għal dawn il-ħames fondi, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (il-Fondi SIE), ġew stabbiliti taħt ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni, waqt li r-regoli speċifiċi applikabbli għal kull Fond SIE u għall-objettiv ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea ġew soġġetti għal regolamenti separati;
D. billi r-riforma riċenti tal-politika ta' koeżjoni daħħlet numru limitat ta' objettivi u prijoritajiet, u b'hekk ħolqot punt fokali tematiku / konċentrazzjoni tematika, filwaqt li tippermetti ċertu livell ta' flessibbiltà u adattament għal ċerti karatteristiċi; billi, barra minn dan, hija żgurat prinċipju ta' sħubija msaħħa u governanza solida f'diversi livelli, approċċ definit sew għall-iżvilupp territorjali, aktar sinerġiji bejn il-ħames fondi, iżda wkoll ma' programmi u inizjattivi rilevanti oħra (eż. Orizzont 2020, PSCI, COSME, LIFE, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+ u NER 300), aktar simplifikazzjoni tar-regoli ta' implimentazzjoni, sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni effettiva, qafas ta' prestazzjoni trasparenti, regoli ċari dwar l-użu ta' strumenti finanzjarji, ġestjoni u sistema ta' kontroll tajba u sistema ta' ġestjoni finanzjarja effikaċi;
E. billi, fl-14 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar il-kontribuzzjoni mill-Fondi SIE għall-istrateġija ta' tkabbir tal-UE, il-Pjan ta' Investiment u l-prijoritajiet tal-Kummissjoni għal matul l-għaxar snin li ġejjin, li fil-fatt tinsab fir-rapport, previst fl-Artikolu 16 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni dwar il-Fondi SIE, dwar l-implimentazzjoni tagħhom sa issa, li jinkludi wkoll ir-riżultati tan-negozjati mal-Istati Membri kollha dwar il-ftehimiet ta' sħubija, il-programmi operattivi u l-isfidi ewlenin għal kull pajjiż;
1. Itenni li r-rabtiet bejn il-politika ta' koeżjoni u politiki oħra tal-UE, programmi u inizjattivi ta' finanzjament (eż. Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, is-Suq Uniku Diġitali, l-iżvilupp rurali, l-Unjoni tal-Enerġija, l-unjoni tal-innovazzjoni kif ukoll l-inizjattivi ewlenin ta' Ewropa 2020) issaħħew fi ħdan il-Qafas Strateġiku Komuni introdott permezz tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, u għalhekk, permezz tal-istrumenti u l-objettivi kollha tiegħu – inkluża l-aġenda urbana, l-aġenda territorjali, l-investiment fl-SMEs, it-tkabbir intelliġenti u strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, l-investimenti pubbliċi potenzjali għall-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi u l-investiment għal, fost oħrajn, l-ambjent, l-enerġija, is-saħħa, il-klima, id-diġitalizzazzjoni u t-trasport, hi qed tikkontribwixxi sostanzjalment fit-tisħiħ tas-suq uniku u biex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;
2. Jissottolinja l-fatt li s-sinerġiji msemmija aktar huma ffurmati sa mil-livell tal-ippjanar strateġiku, u għaldaqstant jirrikjedu sa mill-bidu nett għażliet u ppjanar strateġiċi min-naħa tar-reġjuni u l-Istati Membri sabiex jidentifikaw u jiġġeneraw opportunitajiet, pereżempju biex titrawwem l-eċċellenza fl-oqsma ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti; jirrimarka li, fil-każ ta' Orizzont 2020, dan jikkonsisti fis-sensibilizzazzjoni, l-għoti ta' informazzjoni (b'mod partikolari dwar ir-riżultati tar-riċerka minn proġetti tal-FP7 u ta' Orizzont 2020), it-twettiq ta' kampanji ta' komunikazzjoni, it-twaqqif ta' memoranda ta' qbil għal skambju sistematiku ta' informazzjoni mal-awtoritajiet maniġerjali, il-ftuħ ta' netwerks eżistenti għal min hu ġdid u l-kollegament ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali (NCP) kemm hu possibbli ma' dawk li jfasslu l-politika nazzjonali u reġjonali u l-awtoritajiet maniġerjali tal-FSIE;
3. Jenfasizza li l-iżvilupp ta' strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti permezz tal-involviment tal-awtoritajiet maniġerjali nazzjonali u reġjonali u partijiet interessati bħal universitajiet u istituzzjonijiet oħra ta' edukazzjoni ogħla, l-industrija u s-sħab soċjali fi proċess ta' skoperta intraprenditorjali huwa obbligatorju għar-reġjuni u l-Istati Membri li jixtiequ jinvestu r-riżorsi mill-Fond Ewropew għall-Iżvlupp Reġjonali fir-riċerka u l-innovazzjoni; ifakkar li, peress li l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandhom jinkludu azzjonijiet up-stream (il-bini tal-kapaċità u t-titjib tas-sistemi nazzjonali/reġjonali tar-Riċerka u l-Innovazzjoni) u azzjonijiet down-stream (l-adozzjoni ta' riżultati tar-riċerka, l-appoġġ għall-innovazzjoni u aċċess għas-suq) f'Orizzont 2020, li mbagħad min-naħa tiegħu jistimola l-kooperazzjoni fil-livell tal-UE biex jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni fl-Ewropa u tissaħħaħ il-kompetittività globali tal-Unjoni, filwaqt li jkun hemm investiment anke fil-kollegamenti bejn min jinsab fuq quddiem u min isegwi fil-kuntest tal-attivitajiet tat-Tixrid tal-Eċċellenza u t-Twessigħ tal-Parteċipazzjoni, il-metodoloġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti għandha tibqa' mudell għal-politika ta' koeżjoni wara l-2020;
4. Huwa tal-fehma li l-orjentament lejn ir-riżultati tal-politika ta' koeżjoni għandu jissaħħaħ ulterjorment; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiżdiedu s-sinerġiji ma' politiki oħra tal-UE dwar il-kompetittività, b'mod partikolari fil-qasam tar-riċerka u l-iżvilupp, l-ICT, l-enerġija rinnovabbli u l-SMEs, bl-għan li tiżdied ir-rata ta' sfruttament ta' riżultati tar-R&Ż tal-UE, jinħolqu impjiegi ġodda ta' kwalità għolja u jinżammu dawk eżistenti filwaqt li tkun imħeġġa l-ekonomija ekoloġika;
5. Jinnota li, fil-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020, il-politika ta' koeżjoni tippermetti strumenti finanzjarji li jkollhom rwol komplementari importanti, u jfakkar li l-istrumenti finanzjarji, peress li huma kumplementari għal għotjiet, għandhom effett ta' lieva, li jista' jżid l-impatt tal-finanzjament għall-aġġornament tal-innovazzjoni fis-suq, pereżempju permezz tal-effiċjenza tal-enerġija, u jista' jikkontribwixxi għal rata ta' assorbiment aħjar billi jipprovdi l-kofinanzjament meħtieġ, b'mod partikolari fi Stati Membri jew reġjuni b'kapaċità baxxa ta' kofinanzjament nazzjonali; jenfasizza, madankollu, il-fatt li l-għotjiet jibqgħu indispensabbli għal ċerti proġetti bħal proġetti tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u dawk b'enfasi qawwija fuq l-isfidi tas-soċjetà; ifakkar li l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji ma jiffinanzjawx l-istess tip ta' attivitajiet u li dawk il-forom differenti ta' appoġġ jimmiraw tipi differenti ta' benefiċjarji u proġetti; jenfasizza l-importanza li jkompli jingħata finanzjament fi programmi futuri tal-UE; jenfasizza l-fatt li l-bilanċ ġust bejn l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji għandu jinżamm fil-futur; ifakkar il-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ ir-responsabbiltà, it-trasparenza u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati tal-istrumenti finanzjarji;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni kostanti lill-ħtiġijiet tal-SMEs fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-Fondi SIE u ta' Orizzont 2020, kif ukoll għas-sinerġiji bejniethom; jitlob lill-Kummissjoni tipprepara sejħiet koordinati għal proposti sabiex jitħaffef l-aċċess għal finanzjament minn diversi fondi; jitlob ukoll biex ikun hemm evalwazzjoni dettaljata tal-programmi rilevanti tal-SME bħall-COSME, l-istrument tal-SME ta' Orizzont 2020 u l-komponent tal-SME fil-FEIS, fir-rigward tal-allokazzjoni tal-baġit u fir-rata ta' suċċess tal-proġett, kif ukoll fil-piż amministrattiv u l-faċilitazzjoni tal-implimentazzjoni;
7. Jinnota li s-sinerġiji ma' politiki u strumenti oħra għandhom jissaħħu aktar sabiex jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti; ifakkar, f'dan il-kuntest, fil-proġett pilota tal-baġit tal-UE it-Triq lejn l-Eċċellenza (S2E), li jkompli jappoġġa r-reġjuni u tlettax il-Stat Membru fl-iżvilupp u l-isfruttar ta' sinerġiji bejn il-Fondi SIE; jappella għal flessibilità biex l-Istati Membri jużaw is-Siġill ta' Eċċellenza; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza li jiġu identifikati wkoll oqsma relatati ta' speċjalizzazzjoni f''reġjuni u Stati Membri oħra sabiex jingħaqdu magħhom u jkunu ppreparati aħjar għal opportunitajiet ta' proġetti multinazzjonali u jsiru konnessjonijiet internazzjonali;
8. Ifakkar li, minħabba limitazzjonijiet baġitarji dwar Orizzont 2020, kien hemm riskju li l-proġetti jkunu evalwati bħala eċċellenti ma rċevewx finanzjament; jenfasizza li għandu jinfetaħ finanzjament alternattiv; l-għotjiet tal-FSIE, pereżempju, jistgħu jingħataw għal proġetti eċċellenti ta' Orizzont 2020 permezz tas-Siġill ta' Eċċellenza;
9. Jinnota li l-implimentazzjoni ta' partijiet sostanzjali tal-baġit ta' Orizzont 2020 se tiġi ddelegata lil sħubijiet pubbliċi-pubbliċi u sħubijiet pubbliċi-privati, li se joffru opportunitajiet biex jintużaw il-mekkaniżmi ta' governanza ta' sħubiji pubbliċi-pubbliċi biex jiġu ottimizzati s-sinerġiji ma' inizjattivi u programmi ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti (RIS3) permezz tat-tfassil ta' pjanijiet ta' ħidma annwali;
10. Jenfasizza li l-FEIS għandu jkun komplementari u addizzjonali għall-Fondi SIE u programmi oħra tal-UE bħal Orizzont 2020 u l-involviment tal-Bank Ewropew tal-Investiment; jinnota li, bħala riżultat, il-FEIS jimmira lejn tipi differenti ta' proġetti minn dawk li EUR 2.2 biljun kienu se jindirizzaw permezz ta' Orizzont 2020; jenfasizza li għandhom ikunu żgurati koerenza u sinerġiji sħaħ bejn l-istrumenti kollha tal-UE, sabiex jinkisbu l-għanijiet strateġiċi ġenerali ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u sabiex jiġu evitati duplikazzjonijiet jew kontradizzjonijiet bejniethom jew bejn il-livelli differenti ta' implimentazzjoni tal-politiki, filwaqt li jiġu kkumplimentati l-fondi u l-programmi nazzjonali u reġjonali; ifakkar li r-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020 jeħtieġ li jiddetermina liema mezzi huma meħtieġa filwaqt li juża r-riżorsi disponibbli kollha b'mod effikaċi u jikseb ir-riżultati mistennija fir-rigward tal-miri strateġiċi globali, peress li l-kwantità, il-kwalità u l-impatt tal-investimenti tar-Riċerka u l-Innvovazzjoni għandhom jiżdiedu permezz ta' użu kkoordinat tal-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni u Orizzont 2020;
11. Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja s-sinerġiji bejn il-fondi b'mod sistematiku u li toħroġ komunikazzjoni dwar dawn is-sinerġiji, b'mod partikolari dwar is-sinerġiji bejn Orizzont 2020 u RIS3, bl-għan li twassal eżempji tal-aħjar prattika u żżid l-impatt tagħhom qabel ir-rieżami tal-Istrateġija Ewropa 2020; ifakkar li kwalunkwe sistema bħal din m'għandhiex twassal għal iżjed piż amministrattiv;
12. Jenfasizza t-tħejjijiet mill-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza dwar il-possibbiltà ta' twaqqif ta' Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni għal koordinament aħjar tal-inizjattivi ta' innovazzjoni fl-Unjoni Ewropea; jinnota li l-għan ewlieni ta' Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni (EIC) għandu jkun li jgħin biex jitnaqqsu l-ostakoli għall-kummerċjalizzazzjoni fl-Ewropa u jingħalaq id-distakk fl-innovazzjoni; jenfasizza li EIC għandu jinvolvi lill-partijiet interessati rilevanti kollha u jkollu konsultazzjonijiet u proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet trasparenti u rapidi li jevitaw id-duplikazzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, li ma għandux ikun hemm aktar tnaqqis fl-approprjazzjonijiet attwalment previsti fil-baġit tal-programm Orizzont 2020, peress li dawn diġà ġew imnaqqsa fil-qafas tal-FEIS;
13. Jenfasizza r-rabta bejn Orizzont 2020 u l-Fondi SIE fl-għoti ta' sigurtà (il-ħtieġa li jkun hemm l-istess livell ta' infrastruttura tal-ICT madwar l-UE); huwa favur l-armonizzazzjoni ta' strutturi ta' sigurtà tal-ICT; jitlob, barra minn hekk, li jkun hemm rabta bejn dawn il-fondi f'termini ta' proċessi ta' verifika, u jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi b'mod ċar approċċ allinjat u koordinat għall-perjodu ta' wara l-2020, b'attenzjoni speċjali fuq proċessi amministrattivi u ta' verifika, il-proporzjonalità u r-responsabbiltà;
14. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.