Dokument ta' sessjoni
4.7.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni
skont l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura u l-ftehim qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea
on the Commission Work Programme 2017
( 2016/2773(RSP) )
József Szájer
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017
( 2016/2773(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu ''Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 – Mhux il-waqt li kollox jibqa' l-istess'' ( COM(2015)0610 ) u l-Annessi 1 sa 6 tagħha,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 37(3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-prijoritajiet politiċi għandhom jitqabblu mar-riżorsi finanzjarji disponibbli;
B. billi l-politika u l-azzjoni tal-UE, imwettqa flimkien mal-Istati Membri skont il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità, jistgħu u għandu jkollhom influwenza reali biex jiġu indirizzati kriżijiet u jgħinu liċ-ċittadini jantiċipaw u jirreaġixxu għal soċjetà li qed tinbidel malajr;
C. billi l-UE trid tkun impenjata lejn l-irkupru tal-kompetittività quddiem kompetizzjoni globali ħarxa, u b'hekk tippreżerva l-mudell tal-ekonomija soċjali tas-suq u tiggarantixxi tkabbir sostenibbli bl-għan li lill-ġenerazzjoni li jmiss ta' ċittadini żgħażagħ tipprovdilhom impjiegi minflok dejn;
Soluzzjonijiet Ewropej għal kriżijiet Ewropej
1. Jenfasizza li l-kriżijiet attwali li qed tiffaċċja l-UE jeħtieġu soluzzjonijiet Ewropej b'għeruq sodi fi proċess responsabbli u demokratiku b'mod sħiħ li huwa bbażat fuq il-metodu Komunitarju u jinvolvi bis-sħiħ lill-Parlament Ewropew, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti nazzjonali;
2. Ifakkar l-obbligu tal-UE li tilleġiżla biss meta u sal-punt meħtieġ, b'konformità mal-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li jikkonċerna l-applikazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità; jemmen bil-qawwa, għalhekk, li l-isforzi jridu jidentifikaw prijoritajiet ewlenin biss, u jitlob lill-Kummissjoni biex ma tiħux inizjattivi mhux essenzjali, b'tali mod li l-azzjoni tal-UE tkun dejjem iffokata fuq il-prijoritajiet ewlenin għall-benefiċċju dirett taċ-ċittadini tagħha;
3. Jirrimarka li l-ostakoli amministrattivi jżidu l-ispejjeż għan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, u jostakolaw l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tqis l-aspettattivi taċ-ċittadini u tal-kumpaniji b'rabta ma' amministrazzjoni pubblika effiċjenti bħala fattur ewlieni ta' kompetittività;
4. Jenfasizza l-intensità mingħajr preċedent tat-theddid ibridu li qed tiffaċċja l-UE, u jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq attivatajiet azzjonabbli biex tiġġieled it-theddid ibridu u trawwem ir-reżiljenza tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif ukoll tal-imsieħba tal-UE, b'mod partikolari fil-viċinat tagħha;
5. Itenni l-importanza tal-metodu Komunitarju, it-trasparenza tal-proċess leġiżlattiv, il-leġittimità demokratika, u r-rwol u r-responsabilità tal-parlamenti nazzjonali;
L-irkupru ekonomiku
6. Ifakkar li l-impjiegi jibqgħu l-ogħla prijorità u li l-UE teħtieġ investimenti mmirati biex jirfdu t-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali innovattiva, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi sabiex l-Ewropa tiġi industrijalizzata mill-ġdid u għar-ritorn tal-impjiegi lejha, u jafferma bis-saħħa mill-ġdid li l-politika tal-kompetizzjoni hija kruċjali għall-funzjonament tal-ekonomija soċjali tas-suq tal-Ewropa;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-miżuri meħtieġa biex tinkoraġġixxi r-riċerka u l-iżvilupp, l-innovazzjoni u l-kreattività bħala magni ċentrali għall-ħolqien tal-impjiegi;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess għall-kapital għal kumpaniji u SMEs, li huwa vitali sabiex iħeġġeġ l-iżvilupp u l-produzzjoni ta' prodotti u servizzi ġodda, flimkien ma' protezzjoni effiċjenti tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;
9. Iqis li Suq Uniku Diġitali li jkun kompetittiv fuq livell internazzjonali, innovattiv u orjentat lejn iċ-ċittadini jirrappreżenta l-unika soluzzjoni għall-isfidi tas-seklu 21; jitlob lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tisfrutta l-potenzjal sħiħ tas-suq uniku, tintegra aktar, speċjalment fil-qasam diġitali, u biex toħloq ambjent li jappoġġja, b'mod partikolari, lill-SMEs;
10. Jemmen f' mezzi ta' konsolidazzjoni billi, l-ewwel u qabel kollox, jiġu applikati r-regoli fis-seħħ, billi jiġi żgurat livell ta' kundizzjonijiet indaqs u jittieħed profitt mill-benefiċċji sħaħ tas-suq uniku;
11. Jenfasizza li l-aġenda ekonomika u soċjali ewlenin tal-UE għandhom jinkludu miżuri mmirati biex inaqqsu l-inugwaljanza u jippromwovu l-impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ u dawk qiegħda fit-tul, filwaqt li jiżdiedu l-investimenti fis-sistema edukattiva, it-tagħlim tul il-ħajja u l-iżvilupp tal-ħiliet;
12. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib it-traspożizzjoni korretta u l-implimentazzjoni sħiħa tas-servizzi finanzjarji u l-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa, u jenfasizza li l-miżuri għat-tnaqqis tar-riskju għandhom jikkoinċidu ma' strateġiji għall-kondiviżjoni tar-riskji bil-ħsieb tat-tlestija tal-Unjoni Bankarja;
13. Jitlob lill-Kummissjoni tkompli l-monitoraġġ konsistenti u strett ta' djun u żbilanċi u l-iżbilanċi makroekonomiċi b'mod li jsaħħaħ il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u jinkoraġġixxi tkabbir ekonomiku u ħolqien tal-impjiegi;
14. Jemmen li koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politika ekonomika għandha tiġi promossa sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta' investiment tal-Ewropa u biex tiġi sostnuta d-domanda, u li huwa ta' importanza kbira li jiġu rispettati r-rekwiżiti tal-liġi tal-UE dwar ir-responsabilità demokratika għal deċiżjonijiet fil-kuntest tal-governanza ekonomika Ewropea;
15. Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, li jirrappreżentaw dħul potenzjali ta' sa EUR 1 biljun għall-baġits nazzjonali, kif ukoll l-intenzjoni tagħha li tressaq proposta għal Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva obbligatorja;
Nirreaġixxu għat-tibdil fil-klima u niżguraw is-sigurtà tal-enerġija
16. Jistieden lill-Kummissjoni tieħu passi ulterjuri biex tinkiseb l-Unjoni tal-Enerġija, li tiggarantixxi s-sigurtà tal-enerġija u enerġija sostenibbli u bi prezz aċċessibbli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha;
17. Iħeġġeġ lill-UE tkompli tindirizza l-kawżi tat-tibdil fil-klima filwaqt li tiżgura l-kompetittività tal-industrija tagħna, bi strateġija għall-enerġija u d-diplomazija dwar il-klima globali li tindirizza dan it-tħassib f'konformità mal-ftehim tal-COP 21 ta' Pariġi;
L-indirizzar tal-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati
18. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza l-kawżi fundamentali tal-kriżi tar-rifuġjati billi tissaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' tranżitu u l-pajjiżi ta' oriġini fil-kuntest tal-flussi ta' migrazzjoni, billi jintużaw il-linji ta' politika u l-istrumenti kollha disponibbli sabiex tiġi żgurata l-istabbilizzazzjoni, ir-riabilitazzjoni u l-iżvilupp ta' dawn il-pajjiżi;
19. Jenfasizza l-importanza li jinħolqu programmi sistematiċi u infurzabbli għar-risistemazzjoni u r-rilokazzjoni diretta ta' dawk li jfittxu l-asil;
20. Huwa tal-fehma li, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, il-Kummissjoni għandha tfittex l-għajnuna umanitarja u tiżgura l-kundizzjonijiet abitabbli fil-kampijiet tar-rifuġjati, flimkien ma' programmi ta' żvilupp ippjanati fuq medda itwal;
21. Ifakkar li l-kundizzjonijiet tal-akkoljenza effiċjenti ta' dawk li jfittxu l-asil, li jiżguraw it-trattament uman u s-sikurezza u riżorsi biżżejjed fl-Ewropa, għandhom ikunu garantiti f'ġieħ l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati;
22. Jenfasizza li l-migrazzjoni hija fenomenu globali li qed tikber kemm fl-ambitu, fil-kumplessità u fl-impatt, u li għal din ir-raġuni għandha tittieħed iktar responsabilità għall-protezzjoni tar-rifuġjati mhux biss mill-UE kollha kemm hi, iżda wkoll mill-komunità internazzjonali, billi r-responsabilità bħalissa qed tinqasam b'mod mhux uniformi fuq livell globali; ifakkar li din hija responsabilità konġunta tal-komunità internazzjonali li ser tiġi indirizzata b'mod adegwat u sostenibbli unikament permezz ta' approċċ konċertat u determinat min-naħa tal-atturi internazzjonali kollha; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, biex f'kooperazzjoni mill-qrib ma' atturi internazzjonali rilevanti, tniedi riflessjoni dwar il-mogħdijiet għar-reviżjoni tal-qafas legali internazzjonali, inkluża l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951, bl-għan li taġġustaha għall-isfidi globali tal-migrazzjoni tar-rifuġjati mingħajr preċedent li qed tiffaċċja l-UE fid-dinja;
L-istabilità u s-sigurtà għaċ-ċittadini tal-UE
23. Jemmen bil-qawwa li l-UE, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, għandha tkun tista' ġġestixxi b'mod konġunt fruntiera esterna Ewropea sigura bl-għan li jiġu salvagwardjati l-UE u ż-Żona Schengen;
24. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni, sabiex tindirizza t-theddid tat-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti, għandha timmonitorja mill-qrib it-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-istandards tad-dritt proċedurali kriminali u tal-miżuri kontra t-terroriżmu tal-UE, li jvarjaw mill-kooperazzjoni effettiva tal-pulizija u tal-ġudikatura għall-qsim ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u permezz tal-Europol u l-Eurojust, inklużi proposti biex jiġu miġġielda xejriet emerġenti fil-finanzjament tat-terroriżmu;
25. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tiffoka fuq l-implimentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi li diġà ġew adottati, b'attenzjoni partikolari għal-implimentazzjoni tal-pakkett ta' sigurtà; iqis li l-aġenda dwar is-sigurtà għandha tiġi aġġornata b'mod regolari biex jittieħed kont ta' kwalunkwe miżura reali meħtieġa sabiex tiġi ffaċċjata t-theddida tat-terroriżmu serja u li qed tevolvi għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE;
26. Jinnota li l-linja bejn is-sigurtà interna u dik esterna qiegħda dejjem tonqos, li jfisser li l-Kummissjoni għandha tagħti s-sehem tagħha biex terġa' tqajjem il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni, li ma tistax tibqa' l-parti dgħajfa fil-proċess ta' integrazzjoni tal-UE;
L-iskjerament ta' Aġenda ta' azzjoni esterna ambizzjuża fil-konfront tal-viċinat u s-sistema globali
27. Huwa tal-fehma li l-UE trid issaħħaħ l-ambizzjoni tagħha bħala attur globali, u jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex timmobilizza l-istrumenti kollha ta' azzjoni esterna tal-UE sabiex jinkiseb kemm titjib tal-governanza globali kif ukoll konverġenza wiesgħa dwar standards aħjar;
28. Jemmen li l-ambjent ta' sigurtà jirrikjedi li d-difiża Ewropea ssir politika komprensiva li tipprovdi sigurtà ugwali għall-Istati Membri kollha u li turi l-istess tħassib għall-preokkupazzjonijiet vitali tagħhom rigward is-sigurtà; iqis li l-istrutturi, mekkaniżmi u għodod eżistenti jridu jsiru realtà operattiva;
29. Jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli:
– tippromwovi l-istabilità u l-prosperità fil-viċinat tal-UE permezz ta' inizjattivi li jippromwovu l-iżvilupp, id-demokrazija, il-governanza tajba u l-istat tad-dritt;
– tmexxi l-proċess tan-negozjati għat-tkabbir permezz tat-tisħiħ tal-istabilità soċjali, politika u ekonomika u d-demokrazija fil-pajjiżi kandidati;
– tagħmel il-politika ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp aktar effettiva u ikkoordinata aħjar, u tagħmilha koerenti ma' strumenti oħra ta' azzjoni esterna tal-UE;
– tintegra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (PCD) fil-politiki esterni u interni tal-UE;
– tiżgura koerenza u konsistenza bejn il-politiki tal-iżvilupp u s-sigurtà, peress li dawn huma interkonnessi, interdipendenti u jsaħħu lil xulxin b'mod reċiproku;
– trawwem sħubija mal-Afrika sabiex jiġu affrontati l-isfidi attwali, b'mod partikolari permezz tal-ftehim ambizzjuż ta' wara Cotonou;
– tippromwovi l-kummerċ bħala strument ewlieni biex jitrawmu t-tkabbir u l-impjiegi filwaqt li tittejjeb il-kompetittività u jiġu rispettati l-istandards tal-UE, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli; timmodernizza l-istrumenti għad-difiża tan-negozju tal-Unjoni;
Il-kisba tal-mezzi għall-azzjonijiet tagħna
30. Huwa tal-fehma li l-UE għandha tirriforma l-iffinanzjar tagħha sabiex timmobilizza riżorsi adegwati malajr; jemmen li, għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha tqis l-introduzzjoni ta' riżorsi proprji ġenwini sabiex il-baġit tal-UE jsir aktar stabbli, prevedibbli u sostenibbli filwaqt li tittejjeb it-trasparenza għaċ-ċittadini u jkun hemm rispett għall-prinċipju ta' universalità;
31. Iqis li huwa essenzjali li jiġu riveduti l-limiti tal-qafas finanzjarju pluriennali 'l fuq u li tiżdied il-flessibiltà tiegħu sabiex jirreaġixxi għal ċirkostanzi mhux previsti fl-2013; jemmen li l-Kummissjoni għandha timxi 'l quddiem b'mod deċiżiv f'dan ir-rigward;
32. Jenfasizza li l-istrumenti baġitarji tal-UE jeħtieġ li jiġu mmaniġġjati b'attenzjoni kbira għall-prestazzjoni u l-kosteffikaċja, filwaqt li tiġi żgurata l-konformità u jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-UE;
33. Huwa tal-fehma li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) għandu jiġi implimentat sabiex jippermetti lill-Istati Membri kollha jimpenjaw ruħhom favur livelli għolja ta' investiment strateġiku;
34. Iqis li l-UE għandha tieħu passi biex tpoġġi flimkien ir-riżorsi biex ikun hemm reazzjoni għall-isfidi tal-qgħad għoli u fit-tul fost iż-żgħażagħ u d-dimensjonijiet interni u esterni tal-emerġenza tar-rifuġjati;
35. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha tibda tħejji għal politika ta' koeżjoni moderna wara l-2020, li tirrispetta n-natura reali tagħha bħala għodda ta' investiment għar-reġjuni kollha tal-UE; iqis li s-sinerġiji bejn il-Fondi Ewropej Strutturali u ta' Investiment, il-FEIS u strumenti oħra ta' finanzjament tal-UE għandhom jissaħħu bl-għan li jiġi aċċellerat tkabbir intelliġenti, ekoloġiku u inklużiv ibbażat fuq l-iżvilupp ta' bilanċ sostenibbli bejn l-għotjiet u l-istrumenti finanzjarji;
It-tisħiħ tad-demokrazija
36. Jafferma b'mod qawwi li, quddiem l-isfidi attwali, huwa vitali li jiġu protetti l-valuri komuni tal-UE tad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt, u li jitkompla l-iżvilupp tal-kooperazzjoni fost l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri;
37. Huwa tal-fehma li l-UE għandha timplimenta azzjonijiet komuni biex tinforma liċ-ċittadini tal-UE dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u tħeġġeġ il-parteċipazzjoni attiva tagħhom fil-ħajja politika, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġenerazzjoni żagħżugħa;
38. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni.