Dokument ta' sessjoni
19.10.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari
( 2016/2936(RSP) )
Geoffrey Van Orden, Charles Tannock, Angel Dzhambazki
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari
( 2016/2936(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, li nfetaħ għall-firem fl-1968 u daħal fis-seħħ fl-1970,
– wara li kkunsidra l-Istatut tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika, li daħal fis-seħħ fid-29 ta' Lulju 1957,
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari, li daħlet fis-seħħ fit-8 ta' Frar 1987, u l-emenda sussegwenti tagħha,
– wara li kkunsidra l-Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, li saret fi New York mis-27 ta' April sat-22 ta' Mejju 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari, li sar f'Washington DC mill-31 ta' Marzu sal-1 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi bħalissa hemm 191 Stat Parti għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP), fosthom il-ħames stati li huma rikonoxxuti li għandhom armi nukleari: l-Istati Uniti tal-Amerka, ir-Renju Unit, ir-Russja, Franza u ċ-Ċina;
B. billi t-TNP huwa trattat internazzjonali storiku intiż biex jipprevjeni t-tifrix tal-armi nukleari u tat-teknoloġija tal-armi nukleari, jippromwovi l-kooperazzjoni fl-użi paċifiċi tal-enerġija nukleari, u jġib 'il quddiem il-kawża tad-diżarm nukleari globali;
C. billi t-TNP jirrappreżenta l-uniku impenn vinkolanti, fi trattat multilaterali, favur l-għan tad-diżarm min-naħa tal-istati li għandhom armi nukleari;
D. billi l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari hija strument internazzjonali vinkolanti fil-qasam tal-protezzjoni fiżika tal-materjal nukleari, li jistabbilixxi miżuri relatati mal-prevenzjoni, il-kxif u l-punizzjoni ta' reati relatati mal-materjal nukleari;
E. billi emenda għall-Konvenzjoni timponi fuq l-Istati Partijiet l-obbligu vinkolanti li jipproteġu l-faċilitajiet u l-materjal nukleari fl-użu, fil-ħżin u fit-trasport għal skopijiet paċifiċi interni; billi tiddisponi wkoll dwar kooperazzjoni mwessgħa bejn l-istati rigward miżuri rapidi għal-lokalizzazzjoni u l-irkupru ta' materjal nukleari misruq jew ta' kuntrabandu, għall-mitigazzjoni ta' kwalunkwe konsegwenza radjoloġika ta' sabutaġġ, għall-prevenzjoni ta' reati relatati u għall-ġlieda kontrihom;
F. billi l-kooperazzjoni globali hija ta' importanza vitali għall-prevenzjoni ta' att ta' terroriżmu nukleari;
1. Jirrikonoxxi d-dritt li l-istati li huma rikonoxxuti li għandhom armi nukleari jżommu d-deterrent nukleari bħala element importanti tas-sigurtà nazzjonali, fid-dawl tal-persistenza ta' ħażniet kbar ta' armi nukleari madwar id-dinja, tal-possibbiltà ta' proliferazzjoni ulterjuri tal-armi nukleari, u tar-riskju ta' aktar instabbiltà u tensjoni internazzjonali;
2. Jappoġġja l-objettivi tat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari, jiġifieri li jipprovdi l-bażi għal sforzi globali intiżi biex jipprevjenu t-tifrix tal-armi nukleari, li jippromwovi l-użu, b'sikurezza u b'sigurtà, tal-enerġija nukleari ċivili, u li jaħdem għat-twettiq tal-għan li d-dinja tkun ħielsa mill-armi nukleari;
3. Jemmen li kundizzjonijiet ta' sigurtà u ta' diżarm nukleari sostenibbli jistgħu jintlaħqu biss permezz ta' proċess multilaterali;
4. Jieħu nota li l-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015 ma rnexxilhiex tilħaq ftehim dwar dokument finali relatat mal-aġenda tan-nonproliferazzjoni, iżda huwa inkoraġġit mill-issuktar tal-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-promozzjoni tas-sigurtà nukleari;
5. Jiddispjaċih dwar l-assenza tar-Russja, li għandha l-akbar ħażna ta' armi nukleari fid-dinja, fis-Summit tal-2016 dwar is-Sigurtà Nukleari, u jħeġġeġ li jsiru sforzi ġodda biex jippromwovu l-kooperazzjoni ma' Moska f'dan il-qasam;
6. Jesprimi tħassib dwar it-testijiet nukleari mwettqa dan l-aħħar mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) u dwar ir-riskji li jirrappreżentaw għall-istabbiltà reġjonali; jitlob bil-qawwa li r-RDPK ma terġax twettaq testijiet bħal dawn fil-ġejjieni;
7. Jappoġġja l-ħidma tal-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Atomika biex tippromwovi l-kooperazzjoni fil-qasam nukleari bil-għan li ġġib 'il quddiem l-użu tat-teknoloġiji nukleari f'sikurezza, sigurtà u paċi;
8. Jinkoraġġixxi l-promozzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika tal-Materjal Nukleari u l-implimentazzjoni rigoruża tagħha, u jħeġġeġ lill-pajjiżi li għadhom ma rratifikawx din il-Konvenzjoni biex jirratifikawha;
9. Jitlob li l-isforzi kooperattivi jiġu intensifikati u li ssir azzjoni effikaċi dwar is-sigurtà tal-materjali nukleari bil-għan li jiġi mminimizzat ir-riskju li prodotti ta' dan it-tip jiġu f'idejn gruppi terroristiċi;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.