Seduta plenarja
19.10.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari
( 2016/2936(RSP) )
Sabine Lösing, Javier Couso Permuy, Takis Hadjigeorgiou, Marie-Christine Vergiat, Paloma López Bermejo, Marina Albiol Guzmán, Neoklis Sylikiotis, Stelios Kouloglou, Kostadinka Kuneva, Tania González Peñas, Xabier Benito Ziluaga, Estefanía Torres Martínez, Miguel Urbán Crespo, Lola Sánchez Caldentey
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sigurtà u n-nonproliferazzjoni nukleari
( 2016/2936(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Jannar 2013 dwar ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Konferenza għar-Reviżjoni tat-Trattat tan-Nonproliferazzjoni rigward żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fil-Lvant Nofsani[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2010 dwar it-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari[2],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar id-Disa' Konferenza ta' Reviżjoni tal-Partijiet għat-Trattat dwar in-Nonproliferazzjoni tal-Armi Nukleari (TNP) (8079/15),
– wara li kkunsidra s-Summit dwar is-Sigurtà Nukleari li sar f'Washington DC mill-31 ta' Marzu sal-1 ta' April 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fir-reġjun tal-Lvant Nofsani (A/RES/66/61),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/422/PESK tat-23 ta' Lulju 2012 li tappoġġa proċess li jwassal għall-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari u mill-armi kollha l-oħra ta' distruzzjoni massiva fil-Lvant Nofsani[3],
– wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/33 li tistabbilixxi Grupp ta' Ħidma b'Limiti Miftuħa (OEWG) dwar il-futur tad-diżarm nukleari multilaterali f'Ġinevra fl-2016, u r-rapport tal-OEWG lill-Assemblea Ġenerali tan-NU li ġie adottat fid-19 ta' Awwissu 2016 (A/71/371),
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari (CTBT), il-Ftehimiet dwar Salvagwardji Komprensivi tal-Aġenzija Internazzjonali għall-Enerġija Atomika (IAEA) u l-Protokolli Addizzjonali tagħhom, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni Fiżika ta' Materjal Nukleari, il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Atti ta' Terroriżmu Nukleari, il-Kodiċi ta' Kondotta ta' The Hague kontra l-Proliferazzjoni tal-Missili Ballistiċi, it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Armi Strateġiċi (START I), it-Trattat dwar it-Tnaqqis tal-Offensivi Strateġiċi (SORT) u t-tiġdid tal-2010 tal-Ftehim START (START Ġdid),
– wara li kkunsidra d-dokument finali tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010, b'mod partikolari l-Pjan ta' Azzjoni b'64 azzjoni konkreta ta' segwitu,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, b'xorti ħażina, il-pussess u l-użu ta' armi nukleari għadhom jiżvolġu rwol predominanti fil-politika militari ta' stati li għandhom armi nukleari, kemm dwak rikonoxxuti u kemm dawk mhux rikonoxxuti; billi l-pussess u l-proliferazzjoni ta' armi ta' qerda massiva (AQM), bħalma huma l-armi nukleari, kimiċi u bijoloġiċi, jirrappreżentaw waħda mill-aktar theddidiet serji għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali;
B. billi l-proċess ta' diżarm multilaterali kien interrott għal snin twal u billi kien hemm nuqqas ta' rieda politika biex dan il-proċess jingħata ħajja ġdida; billi wħud mill-prijoritajiet urġenti għas-sigurtà huma t-twaqqif tat-terroristi jew ta' stati addizzjonali milli jiksbu jew jużaw armi nukleari, it-tnaqqis tal-ħażniet globali, it-twaqqif tal-modernizzazzjoni f'dan il-qasam u l-kisba ta' progress lejn dinja mingħajr armi nukleari;
C. billi l-konklużjonijiet u l-Pjan ta' Azzjoni tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2010 kienu ftehimiet ewlenin għall-istabbiliment ta' proċess ġenwin ta' diżarm nukleari; billi kien hemm nuqqas ċar ta' progress u ta' rieda politika għall-ilħuq tal-objettivi konkreti ta' implimentazzjoni tat-TNP, bħalma huma l-64 miżura konkreta fil-Pjan ta' Azzjoni maqbul fl-2010;
D. billi hemm bżonn li jkomplu jissaħħu t-tliet pilastri tat-TNP, jiġifieri n-nonproliferazzjoni, id-diżarm u d-dritt ta' kooperazzjoni dwar l-użu ċivili tal-enerġija nukleari;
E. billi l-UE impenjat ruħha li timpedixxi, tiskoraġġixxi, twaqqaf u, jekk ikun possibbli, telimina l-programmi ta' proliferazzjoni li qed joħolqu tħassib fil-livell globali; billi hemm bżonn li l-UE tintensifika l-isforzi tagħha biex tiġġieled il-flussi u l-iffinanzjar tal-proliferazzjoni, biex tissanzjona l-atti ta' proliferazzjoni u biex tiżviluppa miżuri għall-prevenzjoni ta' trasferimenti intanġibbli ta' għarfien u kompetenza permezz ta' trattati multilaterali, mekkaniżmi ta' verifika, kontrolli tal-esportazzjoni kkoordinati fil-livell nazzjonali u internazzjonali u programmi kooperattivi għat-tnaqqis tat-theddid;
F. billi l-2016 tirrappreżenta l-20 anniversarju mill-ftuħ għall-iffirmar tat-Trattat dwar il-Projbizzjoni Totali ta' Provi Nukleari fl-24 ta' Settembru 1996; billi dan it-trattat ma daħalx fis-seħħ, minħabba li xi partijiet tat-TNP u oħrajn mhux tat-TNP ma ffirmawhx jew ma rratifikawhx;
G. billi erbgħa mid-disa' stati li għandhom armi nukleari mhumiex membri tat-TNP u r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK) irtirat is-sħubija tagħha; billi l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kkundannaw dak li r-RDPK allegat li kien "prova ta' bomba tal-idroġenu li rnexxiet" imwettqa fis-6 ta' Jannar 2016; billi, fid-9 ta' Settembru 2016, ir-RDPK wettqet il-ħames prova nukleari tagħha, liema fatt jikser b'mod ċar l-obbligi internazzjonali tagħha skont ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
H. billi l-UE kienet involuta fin-negozjati internazzjonali u fil-proċess ta' medjazzjoni tan-negozjati tal-E3/EU+3 u l-Iran sabiex tinstab soluzzjoni diplomatika u paċifika għall-programm nukleari Iranjan; billi, bħala parti tal-Pjan ta' Azzjoni Komprensiv Konġunt maqbul mal-Iran, l-UE tiżvolġi rwol importanti fis-superviżjoni tal-implimentazzjoni tal-ftehim;
I. billi, skont l-arranġamenti bilaterali u ta' kondiviżjoni nukleari tan-NATO, huwa stmat li bejn 150 u 200 arma nukleari sottostrateġika qed ikomplu jiġu skjerati f'ħames stati tan-NATO li m'għandhomx armi nukleari (il-Belġju, il-Ġermanja, l-Italja, in-Netherlands u t-Turkija), mingħajr dibattitu u diskussjoni demokratiċi f'dawn il-pajjiżi, u wisq anqas konferma dwar il-preżenza jew l-assenza ta' AQM fit-territorju tagħhom;
J. billi l-Kunċett Strateġiku tan-NATO tal-2010 u r-Reviżjoni tal-Pożizzjoni ta' Difiża u Deterrenza tan-NATO tal-2012 jimpenjaw in-NATO favur l-għan li toħloq il-kundizzjonijiet għal dinja mingħajr armi nukleari;
K. billi r-Russja u l-Istati Uniti qed ikomplu jimplimentaw it-Trattat START il-Ġdid, li se jiskadi fl-2021 sakemm ma jiġix estiż miż-żewġ partijiet;
L. billi hemm bżonn ta' koordinament u kooperazzjoni mill-qrib bejn l-UE u l-ġirien tagħha, b'mod partikolari bejn l-Istati Uniti u r-Russja, bil-ħsieb li jinbdew mill-ġdid u jitkomplew it-tnaqqis tat-testati nukleari u r-reġim ta' nonproliferazzjoni;
1. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-periklu tat-tiġdid ta' tellieqa tal-armi nukleari; jenfasizza, għalhekk, li t-tisħiħ tat-TNP bħala l-pedament tar-reġim globali ta' nonproliferazzjoni u diżarm huwa ta' importanza vitali u li hemm bżonn urġenti ta' tali tisħiħ sabiex tiġi affermata mill-ġdid il-validità tal-"Grand Bargain" fil-qalba tat-TNP; iħeġġeġ biex għaldaqstant isir kull sforz ħalli t-TNP jiġi implimentat fl-aspetti kollha tiegħu u ħalli jissaħħu l-ftehimiet, it-trattati u l-aġenziji li jsawru r-reġim eżistenti ta' nonproliferazzjoni, b'mod partikolari s-CTBT u l-Ftehimiet dwar Salvagwardji Komprensivi tal-IAEA; jafferma li, biex l-isforzi multilaterali jkunu effikaċi, iridu jkunu bbażati fuq viżjoni żviluppata sew ta' kisba ta' dinja ħielsa mill-armi nukleari fl-eqreb data possibbli;
2. Ifakkar lill-UE u lill-Istati Membri li d-diżarm nukleari u n-nonproliferazzjoni nukleari huma relatati ma' xulxin b'mod sostantiv u jirrinforzaw lil xulxin; huwa tal-fehma li għas-sopravivenza u l-infurzar tat-TNP jeħtieġ pjan direzzjonali bi skeda li tindika l-passi u l-iskadenzi tad-diżarm nukleari; iħeġġeġ lill-istati li għandhom armi nukleari biex jissodisfaw l-impenn tagħhom skont l-Artikolu 6 tat-TNP li "jidħlu f'negozjati bona fide dwar miżuri effikaċi relatati mal-waqfien tat-tellieqa tal-armi nukleari f'data bikrija u mad-diżarm nukleari"; jenfasizza li l-istati li għandhom armi nukleari ma rrispettawx biżżejjed dan l-impenn, minkejja li tali impenn huwa vitali biex is-sistema ta' nonproliferazzjoni kollha kemm hi tibqa' rilevanti;
3. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu d-diżarm nukleari prijorità tal-politika barranija u ta' sigurtà u jegħlbu l-waqfien fin-negozjati dwar id-diżarm nukleari fil-livelli bilaterali u globali;
4. Jilqa' l-inklużjoni ta' klawsoli dwar in-nonproliferazzjoni tal-AQM fil-ftehimiet tal-UE ma' pajjiżi terzi u fil-pjanijiet ta' azzjoni sa mill-2003; jirrimarka li tali miżuri jridu jiġu implimentati mill-pajjiżi kollha sħab tal-UE mingħajr eċċezzjoni u jridu jiġu inkorporati fil-ftehimiet kollha tal-UE, inklużi ftehimiet imħallta;
5. Jilqa' l-fatt li l-pubbliku u l-politiċi qed isiru dejjem iżjed konxji; jappoġġa l-kampanja "Sindki għall-Paċi" għad-diżarm nukleari u dinja ħielsa mill-armi nukleari sal-2020, kif ukoll l-inizjattiva "Global Zero"; jissottolinja r-responsabbiltà tal-parlamenti u tal-parlamentari biex jippromwovu n-nonproliferazzjoni u d-diżarm nukleari u jilqa' l-isforzi tan-Netwerk Parlamentari dwar id-Diżarm Nukleari (PNND) globali;
6. Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri tal-UE li għandhom armi nukleari biex iwaqqfu minnufih it-titjib kwalitattiv, l-iżvilupp, il-produzzjoni u l-ħżin ta' testati nukleari u tas-sistemi ta' twassil tagħhom; jistieden lil dawn l-istati jieħdu inizjattivi ġodda bil-ħsieb li jinbdew negozjati bejn l-istati li għandhom armi nukleari dwar tnaqqis qawwi ulterjuri fl-armi nukleari u finalment dwar it-tneħħija ta' tali armi;
7. Jitlob li jkun hemm aderenza stretta mal-moratorju tal-provi nukleari sakemm jidħol fis-seħħ is-CTBT, billi għad hemm bżonn ta' ratifiki; iħeġġeġ lill-istati l-oħra elenkati fl-Anness II tas-CTBT li r-ratifika tagħhom hija meħtieġa għad-dħul fis-seħħ tiegħu biex jiffirmaw/jirratifikaw it-Trattat malajr, peress li dan it-trattat universali u verifikabbli internazzjonalment ta' projbizzjoni tal-provi huwa l-aktar mod effikaċi biex jiġu pprojbiti l-isplużjonijiet tal-provi tal-armi nukleari u kwalunkwe splużjoni nukleari oħra;
8. Jappoġġa aktar sforzi biex jissaħħaħ il-mandat tal-IAEA, inklużi l-ġeneralizzazzjoni tal-Protokolli Addizzjonali għall-Ftehimiet dwar is-Salvagwardji tal-IAEA u passi oħra mfasslin biex jiżviluppaw miżuri li jsaħħu l-fiduċja; ifittex li jiżgura li jkun hemm biżżejjed riżorsi disponibbli għal din l-organizzazzjoni sabiex tkun tista' taqdi l-mandat importanti tagħha biex l-attivitajiet nukleari jsiru sikuri;
9. Jiddeplora l-fatt li l-istati li għandhom armi nukleari u li huma firmatarji tat-TNP qed jimmodernizzaw il-ħażniet tal-armamenti tagħhom u qed idewmu l-azzjoni biex inaqqsu jew jeliminaw il-ħażniet nukleari tagħhom u l-aderenza ma' duttrina militari ta' deterrenza nukleari;
10. Jistieden lill-istati kollha li għandhom armi nukleari biex jagħtu assigurazzjoni ta' sigurtà negattiva u biex iżommu milli jużaw, jew milli jheddu li jużaw, l-armi nukleari;
11. Jappoġġa bil-qawwi l-passi li qegħdin jittieħdu mir-Russja u l-Istati Uniti biex inaqqsu l-armi nukleari tagħhom b'mod sostanzjali kif miftiehem fil-ftehimiet START I u SORT; jiddeplora, f'dan ir-rigward, il-fatt li minn mindu l-Ftehim START il-Ġdid daħal fis-seħħ fl-2011, kien hemm nuqqas ta' negozjati ulterjuri dwar tnaqqis – li kien hemm bżonnu b'mod urġenti – fit-testati nukleari skjerati u mhux skjerati, inklużi, għall-ewwel darba, l-armi nukleari sottostrateġiċi; iħeġġeġ, għaldaqstant, ir-ratifika tas-CTBT u l-kontinwazzjoni tal-Ftehim START il-Ġdid;
12. Jikkundanna l-aħħar provi nukleari mwettqa mir-RDPK, inkluża l-prova ta' bomba tal-idroġenu, bħala theddida serja għall-paċi u l-istabbiltà fil-Peniżola Koreana u r-reġjun tal-Asja tal-Grigal; jappoġġa, madankollu, il-qafas tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet, jitlob li dawn jissuktaw sabiex tinkiseb id-denuklearizzazzjoni tal-Peniżola Koreana u jinnota li ċ-Ċina tiżvolġi rwol importanti f'dan ir-rigward, filwaqt li jappoġġa wkoll inizjattivi reċenti għall-ewwel taħditiet bilaterali bejn iż-żewġ stati li jikkondividu l-Peniżola Koreana; jafferma l-appoġġ u l-impenn tiegħu għal soluzzjoni paċifika u diplomatika għall-kwistjoni nukleari tar-RDPK; jistieden lir-RDPK terġa' timpenja ruħha b'mod kostruttiv mal-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari mal-membri tat-Taħditiet bejn Sitt Partijiet, sabiex taħdem favur paċi u siġurtà dejjiema f'Peniżola Koreana ħielsa mill-armi nukleari; jenfasizza li t-taħditiet ta' denuklearizzazzjoni jingħataw spinta tremenda jekk ikunu akkumpanjati minn taħdidiet dwar is-sostituzzjoni tal-Armistizju Korean tal-1953 b'arranġamenti ta' paċi permanenti, kif ġie propost mid-DPRK iżda kif ġie rrifjutat diversi drabi;
13. Jilqa' r-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU ta' Diċembru 2011 u 2012 dwar l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi nukleari fil-Lvant Nofsani u l-konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Lulju 2012 li jappoġġaw dan il-proċess; huwa tal-fehma li n-negozjati dwar l-istabbiliment ta' zona ħielsa mill-armi nukleari fil-Lvant Nofsani, fil-Mediterran u fil-Grigal tal-Asja huma pass kruċjali lejn is-serħan mit-tħassib dwar is-sigurtà tal-pajjiżi fir-reġjun; jiddeplora l-posponiment tal-konferenza ppjanata fl-2012 dwar l-istabbiliment ta' din iż-żona ħielsa mill-armi nukleari; jitlob it-tnedija immedjata ta' din il-konferenza;
14. Jistieden lill-pajjiżi kollha fir-reġjun, sakemm tiġi stabbilita żona ħielsa mill-armi nukleari, biex jonqsu milli jiżviluppaw, jipproduċu, jittestjaw jew jiksbu b'mod ieħor armi nukleari jew milli jippermettu l-istazzjonar fit-territorji tagħhom, jew it-territorji taħt il-kontroll tagħhom, ta' armi nukleari jew tagħmir splussiv nukleari;
15. Jitlob l-istabbiliment ta' żona ħielsa mill-armi ta' qerda massiva fl-Ewropa; iħeġġeġ b'mod partikolari lill-Gvern ta' Franza u lill-Gvern tar-Renju Unit biex jeħilsu mill-armi nukleari tagħhom; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Istati Uniti biex ineħħi l-armi nukleari tattiċi mill-Ewropa u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa biex ma jiskjerax l-armi nukleari tiegħu, jew biex jirtirahom mill-parti tal-Punent tat-territorju tiegħu; jitlob ix-xoljiment tal-arranġamenti kollha ta' kondiviżjoni nukleari bejn l-Istati Membri tal-UE u l-Istati Uniti/in-NATO;
16. Jilqa' t-tlestija tal-ħidma tal-OEWG, wara r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU A/RES/70/33, u r-rakkomandazzjoni lill-Assemblea Ġenerali tan-NU, li tinsab fir-rapport finali tal-OEWG (A/71/371) u li ġiet adottata b'appoġġ wiesa' fid-19 ta' Awwissu 2016, biex tniedi konferenza fl-2017, miftuħa għall-istati kollha, dwar in-negozjar ta' strument ġuridikament vinkolanti li jipprojbixxi l-armi nukleari, u li jwassal għall-eliminazzjoni totali tagħhom; jirrikonoxxi li dan se jsaħħaħ l-objettivi u l-obbligi tan-nonproliferazzjoni u d-diżarm inklużi fit-TNP kif ukoll se jgħin biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal sigurtà globali u dinja mingħajr armi nukleari;
17. Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw u jikkontribwixxu b'mod sostanzjali għar-rakkomandazzjonijiet tal-OEWG, b'mod partikolari għall-għan ta' strument ġuridikament vinkolanti li jipprojbixxi l-armi nukleari, fi proċess iggwidat mill-prinċipji ta' trasparenza, irriversibbiltà u verifikabbiltà, filwaqt li jqisu kemm id-dimensjoni tas-sigurtà u dik umanitarja tal-armi nukleari;
18. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Istati Membri, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għall-Affarijiet tad-Diżarm, lill-President tal-Konferenza ta' Reviżjoni tat-TNP tal-2015 u lid-Direttur Ġenerali tal-IAEA.