Dokument ta' sessjoni

 

B8-1167/2016

24.10.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija

( 2016/2935(RSP) )

Charles Tannock, Mark Demesmaeker, Angel Dzhambazki, Ruža Tomašić, Raffaele Fitto

f'isem il-Grupp ECR

 

B8-1167/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija

( 2016/2935(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dik tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport 2015 dwar it-Turkija[1] u dik tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: arresti reċenti ta' ġurnalisti, diriġenti fis-settur tal-midja u pressjoni sistematika kontra l-midja[2],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2015 tal-Kummissjoni dwar it-Turkija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet preċedenti rilevanti tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet rilevanti mill-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini u mill-Kummissarju Johannes Hahn,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-26 ta' Lulju 2016 mill-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-miżuri li ttieħdu fl-istat ta' emerġenza fit-Turkija,

–  wara li kkunsidra d-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija tad-9 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB), li t-Turkija hija parti firmatarja għaliha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, nhar il-15 ta' Lulju 2016, seħħ attentat ta' kolp ta' stat fit-Turkija; billi immedjatament warajh l-awtoritajiet iddikjaraw stat ta' emerġenza, li fid-19 ta' Ottubru ġie prorogat għal tliet xhur ulterjuri u li jagħti setgħat estensivi lill-eżekuttiv biex jiggverna permezz tal-ħruġ ta' digrieti;

B.  billi t-Turkija ppreżentat avviż formali ta' deroga mill-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem; billi ma jista' jkun hemm l-ebda deroga mill-Artikoli 2, 3, 4(1) u 7 tagħha;

C.  billi l-intimidazzjoni tal-ġurnalisti u tal-istabbilimenti tal-midja fit-Turkija u barra minnha permezz ta' arresti, smigħ, prosekuzzjonijiet, ċensura u sensji żdiedet f'din l-aħħar sena u tħaffet ulterjorment minn mindu seħħ l-attentat fallut ta' kolp ta' stat f'Lulju 2016 u d-dikjarazzjoni sussegwenti ta' stat ta' emerġenza; billi t-Turkija hija kklassifikata fil-151 post minn 180 pajjiż fl-aħħar Indiċi tal-Libertà tal-Istampa tal-organizzazzjoni Reporters Mingħajr Fruntieri;

D.  billi d-dispożizzjonijiet tad-digrieti maħruġa fl-istat ta' emerġenza jolqtu l-eżerċizzju tad-dritt għal-libertà tal-espressjoni, fost affarijiet oħra peress li jagħtu lill-ogħla livelli tal-amministrazzjoni is-setgħa li jagħlqu kwalunkwe organizzazzjoni tal-midja, jippermettu lill-gvern jimponi curfews u jipprojbixxi laqgħat, assemblej u ġemgħat, kif ukoll jippermettu lill-awtoritajiet iħassru jew jikkonfiskaw il-passaporti ta' min ikun qed jiġi investigat, inklużi l-passaporti tal-konjuġi jew tas-sieħeb jew sieħba tagħhom;

E.  billi huwa rrapportat li t-Turkija għandha l-akbar numru ta' ġurnalisti fil-ħabs fid-dinja, u li aktar minn nofshom ġew detenuti matul l-2016, u billi ħafna minnhom qed jiffaċċjaw akkużi jew ġew ikkundannati għal akkużi taħt il-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu;

F.  billi t-Turkija hija pajjiż kandidat u sieħba ewlenija tal-UE;

G.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, inkluża l-libertà tal-espressjoni, huma valuri kruċjali tal-UE, li t-Turkija ħadet impenn formali li tirrispetta permezz tal-applikazzjoni tagħha għall-adeżjoni mal-UE, kif ukoll permezz tal-fatt li hi membru tal-Kunsill tal-Ewropa;

1.  Jirrikonoxxi d-dritt u r-responsabbiltà tal-Gvern Tork li jirreaġixxi għall-attentat ta' kolp ta' stat, iżda jisħaq li xorta jrid jikkonforma mal-obbligi fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem imposti mill-Kostituzzjoni Torka u mal-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li t-Turkija hija parti għalihom;

2.  Jikkundanna r-ripressjoni intensifikata fuq il-libertà tal-midja b'segwitu għall-attentat fallut ta' kolp ta' stat; jappella lill-Gvern Tork biex itemm il-pressjoni politika u ekonomika fuq il-midja indipendenti; jikkundanna l-użu dejjem jiżdied tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu fil-konfront tal-ġurnalisti, il-projbizzjonijiet ta' kontenuti għall-ġurnaliżmu fuq l-internet u għal dak konvenzjonali, u l-ibblukkar tas-siti fuq l-internet; jappella lill-awtoritajiet biex jeħilsu lill-ġurnalisti detenuti u jippermettu li l-istabbilimenti tal-midja jinfetħu mill-ġdid;

3  Ifakkar li l-libertà tal-espressjoni, midja varjata u indipendenti u l-istat tad-dritt huma elementi essenzjali ta' soċjetà demokratika; jisħaq li jeħtieġ li t-Turkija, bħala pajjiż kandidat, taspira għall-aktar standards u prattiki demokratiċi stretti possibbli;

4.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li t-Turkija ddaħħal fis-seħħ mekkaniżmi li jissalvagwardjaw mill-abbuż u li jippreservaw is-separazzjoni tas-setgħat u l-istat tad-dritt;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tat-Turkija.

[1] Testi adottati, P8_TA(2016)0133
[2] Testi adottati, P8_TA(2015)0014