Dokument ta' sessjoni
24.10.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija
( 2016/2935(RSP) )
Cristian Dan Preda, Renate Sommer, Elmar Brok, Anna Maria Corazza Bildt, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska, Manolis Kefalogiannis
f'isem il-Grupp PPE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija
( 2016/2935(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar it-Turkija, b'mod partikolari dik tal-15 ta' Jannar 2015 dwar il-libertà tal-espressjoni fit-Turkija: l-arresti reċenti ta' ġurnalisti u ta' diriġenti tal-midja u l-pressjoni sistematika fuq il-midja[1],
– wara li kkunsidra r-rapport dwar it-Turkija għall-2015 ippubblikat mill-Kummissjoni fl-10 ta' Novembru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-16 ta' Lulju 2016 tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Lulju 2016 tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Johannes Hahn dwar id-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza fit-Turkija,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-Turkija tat-18 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra d-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija tad-9 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fil-15 ta' Lulju 2016 sar attentat ta' kolp ta' stat fit-Turkija, fejn mietu mijiet ta' persuni u ndarbu aktar minn 2 100 ruħ;
B. billi fl-20 ta' Lulju 2016 ġie ddikjarat stat ta' emerġenza li jagħti lill-eżekuttiv setgħat estensivi li jippermettulu jiggverna permezz ta' digriet; billi l-possibbiltà ta' deroga temporanja tingħata lill-Istati Membri kollha tal-Kunsill tal-Ewropa bis-saħħa tal-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u billi din il-possibbiltà tapplika "fi żmien ta' [...] emerġenza pubblika li thedded il-ħajja tan-nazzjon";
C. billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem għamlitha ċara li kwalunkwe deroga trid tkun proporzjonata għas-sitwazzjoni u li fl-ebda każ ma jista' Stat jidderoga mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 (Id-dritt għall-ħajja), l-Artikolu 3 (Il-projbizzjoni tat-tortura u trattament jew pieni inumani jew degradanti) jew l-Artikolu 7 (L-ebda piena mingħajr liġi);
D. billi fil-21 ta' Lulju 2016 il-Viċi President / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u l-Kummissarju Johannes Hahn stqarru li d-dikjarazzjoni tal-istat ta' emerġenza saret insegwitu tad-deċiżjonijiet inaċċettabbli dwar is-sistema edukattiva, il-ġudikatura u l-midja li ttieħdu dan l-aħħar;
E. billi, skont il-Kumitat għall-Ħarsien tal-Ġurnalisti, l-awtoritajiet Torok, wara l-attentat ta' kolp ta' stat, għalqu l-uffiċċji ta' aktar minn 100 stabbiliment tax-xandir, gazzetta, rivista, pubblikatur u kumpanija ta' distribuzzjoni; billi ġew arrestati aktar minn 100 ġurnalist u ħaddiem tal-midja u billi ġew revokati l-kredenzjali tal-istampa ta' mill-anqas 330 ġurnalist;
1. Jikkundanna l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016 fit-Turkija; jappoġġja l-istituzzjonijiet leġittimi tat-Turkija; jiddeplora l-għadd kbir ta' persuni maqtula u midruba; jesprimi s-solidarjetà tiegħu mal-vittmi u mal-familji tagħhom;
2. Jissottolinja l-importanza li d-demokrazija tiġi difiża b'impenn sħiħ favur id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jappoġġja l-kooperazzjoni bejn l-UE, il-Kunsill tal-Ewropa u t-Turkija f'dan ir-rigward; jappella għar-rispett sħiħ għall-ordni kostituzzjonali tat-Turkija; jilqa' d-Djalogu Politiku ta' Livell Għoli bejn l-UE u t-Turkija tad-9 ta' Settembru 2016; jisħaq fuq il-fatt li t-Turkija hija sieħba ewlenija tal-Unjoni Ewropea;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Torok jeħilsu lill-ġurnalisti u lill-ħaddiema tal-midja u jippermettu l-ftuħ mill-ġdid tal-istabbilimenti tal-midja;
4. Ifakkar li stampa ħielsa u pluralistika hija komponent essenzjali ta' kwalunkwe demokrazija, bħalma huma wkoll il-proċess ġust, il-preżunzjoni tal-innoċenza u l-indipendenza ġudizzjarja;
5. Ifakkar lill-awtoritajiet Torok li jeħtiġilhom jimxu bl-akbar attenzjoni meta jkunu qed jittrattaw mal-midja u mal-ġurnalisti, peress li l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja jibqgħu ċentrali għall-funzjonament ta' soċjetà demokratika u miftuħa;
6. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, kif ukoll lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.