Dokument ta' sessjoni
24.10.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija
( 2016/2935(RSP) )
Rebecca Harms, Bodil Valero, Ernest Maragall, Ska Keller, Barbara Lochbihler, Benedek Jávor, Ulrike Lunacek, Ernest Urtasun
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-ġurnalisti fit-Turkija
( 2016/2935(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew wara ż-żjara tiegħu fit-Turkija tal-1 ta' Settembru 2016,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' April 2016 dwar ir-rapport tal-2015 dwar it-Turkija[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-16 ta' Lulju 2016 mill-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u r-Rappreżentant Għoli tal-UE f'isem l-Istati Membri tal-UE preżenti fis-Summit tal-ASEM dwar is-sitwazzjoni fit-Turkija,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Lulju 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju Johannes Hahn dwar it-Turkija, b'mod partikolari dawk tal-21 ta' Lulju 2016 u tal-21 ta' Awwissu 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Settembru 2016 tal-Viċi President / Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar l-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tad-Demokrazija,
– wara li kkunsidra l-laqgħa tar-rappreżentanti tad-Delegazzjoni tal-UE għat-Turkija u tal-Istati Membri tal-UE mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fit-23 ta' Settembru 2016 fil-qafas tal-Istrateġija Lokali tal-UE għad-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu fl-Opinjoni dwar l-Artikoli 216, 299, 301 u 314 tal-Kodiċi Penali tat-Turkija, adottata mill-Kummissjoni ta' Venezja fil-106 Sessjoni Plenarja tagħha (Venezja, 11-12 ta' Marzu 2016),
– wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi wara li falla l-attentat ta' kolp ta' stat tal-15 ta' Lulju 2016, il-Gvern Tork impona stat ta' emerġenza li ġie estiż sa tmiem is-sena;
B. billi r-restrizzjonijiet fuq il-midja u l-pressjoni fuq il-ġurnalisti kienu diġà konsiderevoli qabel ma falla l-kolp ta' stat, b'mod partikolari sa mill-2009, meta l-istampa kienet bdiet tirrapporta allegazzjonijiet ta' korruzzjoni kontra l-gvern ta' Erdogan u ċ-ċirku intern tal-President, inter alia, rigward is-sjieda tal-midja, il-pressjoni finanzjarja, l-imblukkar tas-siti tal-internet, il-projbizzjonijiet tax-xandir dwar avvenimenti terroristiċi, id-diffamazzjoni kriminali, l-għeluq tal-midja kritika u l-użu estensiv ta' leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu fuq il-ġurnalisti;
C. billi, madankollu, mill-15 ta' Lulju 2016 intensifika b'mod drammatiku t-trażżin tal-awtoritajiet fuq il-ħaddiema u l-istabbilimenti tal-midja, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet ibbażat fuq allegazzjonijiet ta' rabtiet mal-moviment Hizmet ispirat mill-filosfu reliġjuż Fethullah Gülen, li l-gvern iddikjara bħala organizzazzjoni terroristika (Organizzazzjoni Terroristika Fethullah – FETÖ) u li huwa jakkuża għall-kolp ta' stat;
D. billi sadattant, kważi kwalunkwe stabbiliment tal-midja li ma jadottax linja tal-midja progovernattiva jiġi affettwat, inkluża l-midja indipendenti, tal-oppożizzjoni u tal-minoranzi (speċjalment Kurdi); billi anke l-istazzjon televiżiv tat-tfal bil-lingwa Kurda ngħalaq wara allegazzjonijiet ta' inċitament għat-terroriżmu, u l-pressjoni mill-awtoritajiet Torok saħansitra testendi għall-midja Torka u dik Kurda barra mill-pajjiż; billi f'għadd kbir ta' każijiet l-akkużi huma bbażati fuq allegazzjonijiet li huma, fl-aħjar każ, ċirkostanzjali, u fl-agħar każ, skuża biex jiġu evitati l-oppożizzjoni leġittima u n-nuqqas ta' qbil;
E. billi skont rapporti tar-Reporters Mingħajr Fruntieri, matul l-ewwel sitt ġimgħat tal-istat ta' emerġenza, aktar minn 100 stabbiliment tal-midja ġew magħluqa, u dan ħalla aktar minn 2 300 ġurnalist u ħaddiema tal-midja mingħajr impjieg; billi mill-inqas 89 ġurnalist ġew arrestati, fatt li jwassal l-għadd totali għal 121 ħaddiem tal-midja detenuti fuq akkużi uffiċjali li x'aktarx huma marbuta mal-eżerċizzju tad-dritt tagħhom għal-libertà tal-espressjoni;
F. billi għandhom jiżdiedu ma' dan l-għadd ħafna aktar ġurnalisti oħrajn li attwalment jinsabu taħt arrest f'ċelel tal-pulizija jew li ġew detenuti u rilaxxati mingħajr akkużi waqt l-istat ta' emerġenza, u dawk li nħarġulhom mandati ta' detenzjoni iżda li għadhom ma ġewx arrestati; billi ġew arrestati ġurnalisti għal perjodi twal mingħajr akkużi u mingħajr aċċess għal parir legali, u billi l-allegazzjonijiet ta' tortura u maltrattament huma rampanti;
G. billi eluf ta' persuni fit-Turkija issa qed jiffaċċjaw restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, u ħafna minnhom sfaw bil-passaport tagħhom ikkonfiskat, inklużi bosta familjari tal-persuni li għalihom japplikaw il-"miżuri kontra t-terroriżmu";
H. billi aħbarijiet dwar fastidju u arresti addizzjonali jkomplu jaslu kuljum, u r-ripressjoni laħqet il-punt fejn l-istampa u l-midja indipendenti fit-Turkija m'għadhomx jeżistu;
I. billi s'issa għadhom ma ġewx solvuti għadd ta' mistoqsijiet dwar id-data eżatta tal-avvenimenti tal-15 ta' Lulju, u f'eluf ta' każijiet ta' ċittadini Torok li qed jiġu investigati ma tressqet l-ebda prova li tistabbilixxi xi rabta mal-attentat ta' kolp ta' stat;
J. billi l-fatt li ġie impost stat ta' emerġenza għal żmien limitat wara attentat ta' kolp ta' stat jista' jiġi ġustifikat sabiex jiġu salvagwardjati l-istituzzjonijiet demokratiċi, jerġgħu jinkisbu l-istabbiltà u s-sigurtà fil-pajjiż u sabiex l-awturi tal-kolp ta' stat jitressqu quddiem il-ġustizzja;
K. billi, madankollu, ir-restrizzjonijiet imposti fit-Turkija jmorru ferm lil hinn minn dawk permessi taħt id-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, u jikkostitwixxu abbuż sfaċċat mil-liġijiet ta' emerġenza, partikolarment l-estensjoni tal-perjodu li għalih individwu jista' jiġi detenut mingħajr akkużi sa 30 jum u tal-perjodu li ladarba jinqabeż detenut irid ikollu aċċess għal avukat għal ħamest ijiem, u d-dritt tal-amministrazzjoni li tagħlaq kull organizzazzjoni tal-midja, li twaqqaf u tfittex persuni mingħajr awtorizzazzjoni ġudizzjarja u li tikkonfiska l-passaporti ta' kull persuna taħt investigazzjoni;
L. billi t-Turkija issa tinsab fil-151 post minn 180 pajjiż fl-Indiċi Dinji dwar il-Libertà tal-Istampa tal-2016 tal-organizzazzjoni Reporters Mingħajr Fruntieri u qabdet ix-xejra 'l isfel;
M. billi s-sitwazzjoni tal-midja fit-Turkija hija sintomatika għat-tkeċċijiet politiċi l-kbar li kienu qed iseħħu fis-setturi kollha tas-soċjetà, fosthom 100 000 uffiċjal tal-pulizija, suldati, imħallfin u ħaddiema taċ-ċivil li ġew imkeċċijin jew sospiżi, għexieren ta' universitajiet u skejjel ingħalqu, in-negozji sfaw esproprijati u s-sidien tagħhom arrestati, u l-Membri tal-Parlament tneħħietilhom l-immunità tagħhom;
1. Itenni l-kundanna tiegħu tal-attentat ta' kolp ta' stat, joffri l-kondoljanzi tiegħu lill-vittmi u jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-istituzzjonijiet demokratiċi fit-Turkija;
2. Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-ġurnalisti kollha, ħaddiema fil-midja u persuni kkonċernati oħra li għalihom ma tista' tingħata l-ebda evidenza ta' involviment f'attivitajiet terroristiċi jew kriminali;
3. Ifakkar lit-Turkija li l-istess standards bażiċi għandhom japplikaw għall-pajjiżi kandidati tal-UE bħall-Istati Membri tal-UE, b'mod partikolari fir-rigward tar-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-dritt ta' proċess ġust, u jħeġġeġ lill-awtoritajiet Torok jerġgħu lura għall-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza;
4. Jenfasizza li d-derogi minn ċerti impenji internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem huma ammissibbli biss f'emerġenzi li jheddu l-ħajja tan-nazzjon u li, skont l-Artikolu 19(3) tal-ICCPR, restrizzjoni tal-libertà tal-espressjoni trid tkun proporzjonata u strettament meħtieġa fiċ-ċirkostanzi;
5. Jikkundanna l-għeluq f'daqqa ta' kważi kull stazzjon tar-radju indipendenti, tal-istazzjonijiet televiżivi u l-gazzetti, u jinsab allarmat dwar il-mod sistematiku li bih l-awtoritajiet qegħdin jeliminaw il-pluraliżmu fil-midja fit-Turkija; jappella għall-ftuħ mill-ġdid tal-istabbilimenti tal-midja li ġew magħluqa fuq akkużi foloz;
6. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar deċiżjonijiet arbitrarji meħuda mill-awtoritajiet ġudizzjarji u dawk eżekuttivi kontra ġurnalisti u bosta professjonisti oħrajn, li wasslu għal tkeċċijiet fuq skala kbira minn istituzzjonijiet pubbliċi u detenzjonijiet, kif ukoll ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi allegati każijiet ta' tortura u maltrattament, problemi bl-aċċess għall-avukati, u n-nuqqas ta' rimedji legali;
7. Jeżiġi li investigazzjonijiet relatati mal-involviment allegat fl-attentat ta' kolp ta' stat għandhom jitwettqu skont proċeduri ġusti, imparzjali, u fuq il-bażi ta' evidenza konvinċenti u mhux biss fuq il-fatt ta' rabtiet mal-moviment Hizmet/Gülen;
8. Jenfasizza li, mingħajr ġudikatura indipendenti u imparzjali, il-funzjonament tal-istat tad-dritt fil-pajjiż huwa kompromess; jitlob b'urġenza li jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja ta' Marzu 2016 u r-riforma tal-leġiżlazzjoni kontra t-terroriżmu;
9. Jistieden lill-Parlament u l-komponenti kollha tal-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż biex jaqdu r-rwol kostituzzjonali tagħhom;
10. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri jkomplu jimmonitorjaw l-implikazzjonijiet prattiċi tal-istat ta' emerġenza bir-reqqa u jibagħtu kemm jista' jkun possibbli persuni inkarigati mill-monitoraġġ għall-proċessi tal-ġurnalisti u każijiet oħra ta' suspett ta' ksur tad-dritt tal-libertà tal-espressjoni skont l-Artikoli 324 u 220 tal-Kodiċi Penali;
11. Jistieden lill-Kunsill tal-Ewropa jniedi inkjesta dwar l-istat ta' emerġenza fit-Turkija sabiex jaċċerta l-limitu sa fejn jinħtieġu r-restrizzjonijiet fuq id-drittijiet skont l-eżiġenzi tas-sitwazzjoni;
12. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-Gvern u lill-Parlament tat-Turkija.