Dokument ta' sessjoni

 

B8-1229/2016

16.11.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-1805/2016 u B8-1806/2016

skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa

( 2016/2966(RSP) )

Julie Girling, Daniel Dalton, Arne Gericke, Jussi Halla-aho, Marek Jurek, Monica Macovei, Branislav Škripek, Kazimierz Michał Ujazdowski, Anders Primdahl Vistisen, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská, Angel Dzhambazki, Urszula Krupa

f'isem il-Grupp ECR

 

B8-1229/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa

( 2016/2966(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 21, 23, 24 u 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dispożizzjonijiet tal-istrumenti legali tan-NU fl-isfera tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari dawk li jikkonċernaw id-drittijiet tan-nisa, bħall-Karta tan-NU, id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Patti Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali, il-Konvenzjoni dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-prinċipju ta' non-refoulement, u l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 11(1)(d) tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU bir-Riżoluzzjoni 34/180 tat-18 ta' Diċembru 1979,

_  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa[1],

–  wara li kkunsidra l-linji gwida tal-UE dwar il-vjolenza fuq in-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni kontrihom,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali bit-titolu "Violence against women: an EU-wide survey": an EU-wide survey", ippubblikat f'Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità[2],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/99/UE dwar l-ordni Ewropea ta' protezzjoni[3] u r-Regolament (UE) Nru 606/2013 dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' miżuri ta' protezzjoni f'materji ċivili[4],

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu[5] u d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2004/68/ĠAI[6],

–  wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-adeżjoni tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa ( O-000121/2016 – B8-1805/2016 u O-000122/2016 – B8-1806/2016 ),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija valur ċentrali tal-UE u hija stabbilita fl-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi l-vjolenza fuq in-nisa għadha fenomenu mifrux fl-UE; billi r-Rapport tal-2014 tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali u l-istudji dwar il-vjolenza fuq in-nisa jikkalkulaw li terz tan-nisa kollha fl-Ewropa esperjenzaw atti ta' vjolenza fiżika jew sesswali tal-anqas darba matul il-ħajja adulta tagħhom, 20 % esperjenzaw fastidju online, waħda minn kull għoxrin ġew stuprati u aktar minn waħda minn kull għaxra sofrew vjolenza sesswali li tinvolvi l-użu tal-forza;

C.  billi l-evidenza issa turi li għadd sinifikanti ta' rġiel huma vittmi ta' vjolenza mwettqa minn nisa, bi statistika li turi li madwar l-Ingilterra u Wales fl-2016 s'issa 600 000 vittma ta' sess maskili rrappurtaw abbuż domestiku lill-pulizija[7] u l-abbuż irreġistrat kontra l-irġiel jammonta għal 20 % ta' każijiet ta' vjolenza domestika fl-Iskozja [8];

D.  billi l-vjolenza fuq in-nisa u l-irġiel spiss wisq titqies bħala kwistjoni privata u wisq faċilment tiġi ttollerata; billi fil-fatt hija reat kriminali li għandu jiġi ppenalizzat bħala tali;

E.  billi l-ebda intervent uniku mhu se jelimina l-vjolenza fuq in-nisa u l-irġiel, iżda kombinazzjoni ta' azzjonijiet infrastrutturali, legali, ġudizzjarji, azzjonijiet ta' infurzar, azzjonijiet kulturali, edukattivi, soċjali, azzjonijiet rigward is-saħħa u azzjonijiet oħra relatati mas-servizzi jistgħu jqajmu kuxjenza u jnaqqsu l-vjolenza u l-konsegwenzi tagħha b'mod sinifikanti;

1.  Ifakkar li l-Istati Membri huma marbuta bl-Artikolu 2 TUE u bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali biex jiggarantixxu, iħarsu u jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jikkundanna bil-qawwa kull forma ta' vjolenza fuq in-nisa u l-bniet. jieħu nota tal-fatt li l-vjolenza u l-abbuż jaffettwaw lin-nisa b'mod sproporzjonat, iżda huwa mħasseb li l-każijiet ta' vjolenza fuq l-irġiel imwettqa minn konjuġi jew partner ma jiġux rappurtati biżżejjed mill-irġiel vittmi u ma jingħatawx l-attenzjoni xierqa mis-servizzi tal-pulizija u dawk ġudizzjarji;

3.  Jinnota li l-vjolenza fuq in-nisa u l-irġiel hija marbuta mas-setgħa u l-kontroll u li l-imġiba vjolenti tista' tinkludi abbuż fiżiku, abbuż emozzjonali, iżolament, theddid, abbuż sesswali, abbuż ekonomiku, intimidazzjoni, użu manipulattiv tat-tfal jew l-annimali domestiċi u l-abbuż ta' pożizzjoni privileġġjata;

4.  Jirrikonoxxi li l-konsegwenzi tal-vjolenza abbażi tal-ġeneru huma devastanti: 60 % tan-nisa semmew abbuż domestiku bħala waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex jispiċċaw mingħajr dar; nisa li kienu abbużati fiżikament jew sesswalment mill-partners tagħhom għandhom ċans darbtejn aktar li jesperjenzaw dipressjoni jew li jippruvaw jikkommettu suwiċidju, u, fil-każ tan-nisa tqal, il-vjolenza domestika għandha impatt negattiv fuq is-saħħa materna u tat-tfal;

5.  Jilqa' l-istudju, li huwa l-ewwel wieħed tat-tip tiegħu, dwar il-vjolenza fuq in-nisa, imwettaq mill-Aġenzija tad-Drittijiet Fundamentali fl-2014 u jistieden lill-Aġenzija tagħmel studju dwar il-prevalenza tal-vjolenza fuq l-irġiel;

6.  Ifakkar li l-25 ta' Novembru huwa l-Jum Internazzjonali għall-Eliminazzjoni tal-Vjolenza fuq in-Nisa; huwa mħasseb serjament dwar il-livell ta' vjolenza fuq in-nisa fl-UE; jinnota d-diskrepanza enormi fir-rappurtar ta' inċidenti vjolenti madwar l-UE, b'attitudnijiet lejn il-vjolenza abbażi tal-ġeneru li huma pjuttost differenti skont l-Istat Membru individwali; Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu flimkien biex jiskambjaw l-aħjar prattiki u metodi effettivi ta' prevenzjoni tal-vjolenza u jipproteġu l-irġiel u n-nisa minn vjolenza abbażi tal-ġeneru;

7.  Jinnota li t-28 Stat Membru ffirmaw Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika, li tenfasizza r-rieda politika fost l-Istati Membri biex itemmu l-vjolenza fuq in-nisa; jirrikonoxxi li 14-il Stat Membru rratifikaw il-Konvenzjoni; jenfasizza li huwa d-dritt sovran ta' Stat Membru li jirratifika u jimplimenta l-Konvenzjoni u d-dispożizzjonijiet tagħha;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri u lill-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2014)0126
[2] ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
[3] ĠU L 338, 21.12.2011, p. 2.
[4] ĠU L 181, 29.6.2013, p. 4.
[5] ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
[6] ĠU L 335, 17.12.2011, p. 1.
[7] Male victims of domestic abuse: implications for health visiting practice, Journal of Research Nursing 2016, Vol. 21 (5-6).
[8] Official Statistics in Scotland, October 2015.