Dokument ta' sessjoni
16.11.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dibattitu dwar id-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja
( 2016/2934(RSP) )
Heidi Hautala, Rebecca Harms, Bronis Ropė, Igor Šoltes
f'isem il-Grupp Verts/ALE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja
( 2016/2934(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-11 ta' Settembru 2016 u l-elezzjonijiet presidenzjali tal-11 ta' Ottubru 2015,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tal-OSKE/ODIHR, l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (APKE) tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja tal-15 ta' Frar 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi fir-rapport finali tiegħu dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Belarussja, l-OSKE/ODIHR, flimkien mal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, ħejjew sett ta' rakkomandazzjonijiet biex jiġu implimentati mill-Belarussja qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;
B. billi l-elezzjonijiet tal-2016 kienu kkaratterizzati minn għadd ta' xejriet pożittivi, bħalma huma l-assenza ta' restrizzjonijiet sinifikanti min-naħa tal-awtoritajiet fil-ġbir tal-firem għan-nomina tal-kandidati u għat-twettiq ta' attivitajiet tal-kampanji u persentaġġ żgħir ta' rifjuti biex jiġu rreġistrati nomini ta' gruppi u kandidati; billi skont l-evalwazzjoni tal-missjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 kienu organizzati b'mod effiċjenti;
C. billi, madankollu, għad baqa' numru ta' nuqqasijiet sistematiċi li ilhom għaddejjin, inkluż ir-restrizzjonijiet tal-qafas ġuridiku għad-drittijiet politiċi u l-libertajiet fundamentali; billi l-għadd u t-tabulazzjoni ppreżentaw numru sinifikanti ta' irregolaritajiet proċedurali u kellhom nuqqas ta' trasparenza; billi l-awtoritajiet Belarussi ma qiesux bosta mir-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR, li ġew żviluppati abbażi ta' osservazzjoni ta' elezzjonijiet preċedenti, u l-ftit tibdil magħmula ma kienux kapaċi jikkontribwixxu għal bidla kwalitattiva fin-natura tal-elezzjonijiet lejn aktar demokrazija u trasparenza;
D. billi fil-Belarussja, mill-1994 ma kien hemm ebda elezzjoni li kienet libera u ġusta skont il-leġiżlazzjoni elettorali konformi mal-istandards tal-OSKE/ODIHR rikonoxxuti internazzjonalment; billi, għall-ewwel darba f'20 sena, ser tiġi rrappreżentata oppożizzjoni demokratika fil-Parlament Belarussu;
E. billi fi Frar 2016, l-UE temmet ħames snin ta' sanzjonijiet kontra l-Belarussja bħala ġest ta' rieda tajba biex tinkoraġġixxi lill-Belarussja ttejjeb ir-rekord tagħha f'dak li għandu x'jaqsam mad-drittijiet tal-bniedem, mad-demokrazija u mal-istat tad-dritt;
F. billi d-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem għal Elezzjonijiet Ħielsa (Human Rights Defenders for Free Elections - HRD) u r-Right to Choose-2016 (R2C), iż-żewġ gruppi Belarussi tal-osservazzjoni elettorali, ikkundannaw l-aħħar elezzjonijiet talli ma ssodisfawx numru ta' standards internazzjonali ewlenin u talli mhumiex riflessjoni kredibbli tar-rieda taċ-ċittadini Belarussi;
G. billi l-gruppi osservaturi Belarussi identifikaw evidenza konkreta ta' sforzi nazzjonali massivi biex ineffħu l-ammont ta' persuni li ħarġu jivvutaw matul il-perjodu ta' votazzjoni bikrija ta' ħamest ijiem (6-10 ta' Settembru 2016) u f'jum l-elezzjoni (11 ta' Settembru 2016);
H. billi l-forzi tal-oppożizzjoni Belarussi taċ-ċentru-lemin, għall-ewwel darba fit-18 ta' Novembru 2015 ippreżentaw ftehim ta' kooperazzjoni konġunt biex jibqgħu magħquda matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;
I. billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 'l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk mit-18 sad-19 ta' Ġunju 2015; billi l-Parlament attwalment m'għandu l-ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu;
J. billi l-Belarussja kellha rwol kostruttiv fil-faċilitazzjoni tal-ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna;
K. billi l-kunflitt fl-Ukrajna kompla jżid il-biża' fost is-soċjetà Belarussa dwar li jkun hemm destabilizzazzjoni tas-sitwazzjoni interna b'konsegwenza ta' bidla fil-poter;
L. billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali; billi fl-4 ta' Ottubru 2016, il-Qorti Suprema Belarussa kkonfermat is-sentenza tal-mewt kontra Siarhei Vostrykau; billi din hija r-raba' konferma mill-Qorti Suprema Belarussa ta' sentenza tal-mewt fl-2016;
M. billi l-awtoritajiet Belarussi ma abbandunawx prattiki ripressivi kontra l-avversarji politiċi tagħhom: id-dimostranti paċifiċi għadhom soġġetti għal responsabbiltà amministrattiva, id-drittijiet ċivili u politiċi oħra għandhom restritti u l-pajjiż għandu priġunieri politiċi ġodda; billi l-awtoritajiet Belarussi ma ħadu ebda miżura mmirata lejn tibdil sistematiku u kwalitattiv fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, speċjalment fil-livell leġiżlattiv;
N. billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja, ir-rispett tad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea tibqa' impenjata bis-sħiħ li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inklużi l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-midja;
O. billi skont ir-rapport il-ġdid tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, Miklós Haraszti, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż qiegħed jaggrava, b'riferiment, b'mod partikolari, għal sistema ġuridika u amministrattiva ta' restrizzjonijiet fuq id-drittijiet tal-bniedem li ma nbidlitx;
P. billi fil-25 ta' Ottubru 2016 il-Belarussja adottat l-ewwel Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem tagħha, li ġie approvat minn riżoluzzjoni tal-Kunsill tal-Ministri; billi skont l-awtoritajiet Belarussi dan il-pjan jiddefinixxi l-linji ta' azzjoni prinċipali għall-implimentazzjoni tal-impenji tal-pajjiż dwar id-drittijiet tal-bniedem;
Q. billi l-Belarussja għadha ma tistax tiġi mistiedna tingħaqad mal-Assemblea Parlamentari (AP) Euronest, stabbilita f'Mejju 2011 bħala d-dimensjoni parlamentari tas-Sħubija tal-Lvant;
R. billi kwalunkwe pajjiż li jiżviluppa l-enerġija nukleari jrid jaderixxi b'mod strett mar-rekwiżiti tas-sikurezza u mal-istandards internazzjonali nukleari u ambjentali; billi l-Gvern tal-Belarussja, li għandu r-responsabbiltà esklussiva għas-sikurezza u s-sigurtà tal-faċilitajiet nukleari fit-territorju tiegħu, irid jissodisfa l-obbligi tiegħu lejn iċ-ċittadini tiegħu stess kif ukoll lejn il-pajjiżi ġirien; billi l-prinċipji tal-aċċess miftuħ u tat-trasparenza jridu jkunu l-pedament prinċipali li fuqu għandha tiġi żviluppata, imħaddma u dekummisjonata kwalunkwe faċilità nukleari;
1. Jirrikonoxxi l-passi 'l quddiem li saru mill-Belarussja fir-rigward tat-twettiq tal-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 meta mqabbla mal-elezzjonijiet preċedenti; jinnota li l-oppożizzjoni se jkollha żewġ rappreżentanti fil-Parlament li għadu kif ġie elett;
2. Jiddispjaċih, madankollu, li l-elezzjonijiet ma kienux konformi ma' għadd ta' standards internazzjonali ewlenin f'dak li jikkonċerna elezzjonijiet demokratiċi u liberi, jew mal-leġiżlazzjoni elettorali tal-pajjiż; jenfasizza, b'mod partikolari, in-nuqqas ta' aċċess ugwali għall-midja statali għall-kandidati kollha, in-nuqqas ta' imparzjalità tal-kummissjonijiet elettorali, l-okkorrenzi ta' abbuż tar-riżorsi amministrattivi favur il-kandidati tan-naħa tal-gvern, l-okkorrenzi numerużi ta' votanti mġiegħla jipparteċipaw fil-votazzjoni bikrija u n-nuqqas ta' trasparenza f'ċerti proċeduri elettorali għall-osservaturi;
3. Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma dwar riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u f'kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR fi żmien xieraq qabel l-elezzjonijiet muniċipali ta' Marzu 2018; jenfasizza li dan huwa ta' importanza ewlenija biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja;
4. Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi sabiex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;
5. Jilqa' b'sodisfazzjon, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni mill-Kunsill tal-Ministri tal-Belarussja tal-Pjan ta' Azzjoni għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Grupp ta' Ħidma għall-Eżami Perjodiku Universali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, u jistenna li dan jitwettaq bis-sħiħ; jistenna bil-ħerqa l-istabbiliment ta' istituzzjoni nazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem u jittama li tkun tista' tkun operazzjonali u effikaċi bis-sħiħ fl-iqsar żmien possibbli; jistieden lill-awtoritajiet Belarussi biex jirrikonoxxu u jestendu l-kooperazzjoni sħiħa mal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja billi jinvolvu ruħhom fi djalogu sostantiv u kostruttiv u l-faċilitazzjoni ta' żjara fil-pajjiż;
6. Jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi meħlusa u jagħtihom lura d-drittijiet ċivili u politiċi tagħhom;
7. Jesprimi t-tħassib tiegħu li ma ġie rreġistrat l-ebda partit politiku ġdid fil-Belarussja mill-2000 'l hawn; jitlob għal approċċ inqas restrittiv fuq din il-kwistjoni;
8. Jistenna li l-awtoritajiet iwaqqfu l-intimidazzjoni tal-midja indipendenti għal raġunijiet politiċi; iħeġġiġhom iwaqqfu l-prattika ta' prosekuzzjoni amministrattiva u l-użu arbitrarju tal-Artikolu 22.9, Taqsima 2 tal-Kodiċi Amministrattiv kontra l-ġurnalisti freelance li jaħdmu mal-midja barranija mingħajr akkreditazzjoni, li tillimita d-dritt għal-libertà tal-espressjoni u għat-tixrid tal-informazzjoni;
9. Jieħu nota tal-intenzjoni tal-Gvern Belarussu biex ikompli jikkunsidra l-possibbiltà tal-abolizzjoni tal-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-Belarussja, l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali, sabiex tingħaqad mal-moratorju globali dwar l-użu tal-piena ta' mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha; ifakkar li l-piena kapitali tikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, ma għandha l-ebda effett deterrenti ppruvat u tagħmel l-iżbalji ġudizzjarji irriversibbli;
10. Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jfittxu mezzi oħra kif jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lis-sorsi ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-midja li xxandar bl-ilsien Belarussu, u minn barra l-pajjiż;
11. Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bil-għan li jittejbu l-kuntatti bejn il-persuni u li tiġi mħeġġa l-emerġenza tas-soċjetà ċivili; jisħaq fuq il-ħtieġa li jitħaffef il-progress f'dan ir-rigward;
12. Jappoġġja lill-Kummissjoni fil-politika tagħha ta' "impenn kritiku" mal-awtoritajiet Belarussi u jesprimi l-fatt li hu lest jikkontribwixxi għaliha anke permezz tad-Delegazzjoni tal-Parlament dwar ir-relazzjonijiet mal-Belarussja sakemm l-impenn tal-kontroparti tal-Belarussja hija ġenwina, miftuħa u orjentata lejn ir-riżultati; jistieden, f'dan ir-rigward, lis-SEAE biex jiddefinixxi sett minimu ta' parametri referenzjarji fuq il-perjodu medju u qasir dwar kif titkejjel ir-rieda tal-awtoritajiet Belarussi fit-titjib tal-impenn mal-UE;
13. Jagħti importanza kbira u jistenna bil-ħerqa l-adeżjoni tal-Belarussja fl-AP tal-Euronest, skont l-Att Kostitwenti, malli l-kundizzjonijiet politiċi jkunu ssodisfati, peress li din l-adeżjoni tkun estensjoni naturali tal-parteċipazzjoni tal-Belarussja fil-qafas ta' kooperazzjoni multilaterali tas-Sħubija tal-Lvant;
14. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat skrutinju Ewropew u internazzjonali tal-Impjant Nukleari (NPP) ta' Ostrovets, u jinsisti li jittieħdu l-passi li ġejjin: a) jitwettaq eżerċizzju ta' testijiet tal-istress tal-NPP tal-Belarussja, kif miftiehem mal-Kummissjoni fit-23 ta' Ġunju 2011 bil-firma ta' dikjarazzjoni dwar it-testijiet tal-istress, b) titwettaq il-missjoni SEED tal-IAEA, fl-ambitu sħiħ tagħha, għal evalwazzjoni imparzjali tas-sit ta' Ostrovets magħżul, is-siti alternattivi u l-kriterji tal-għażla tas-sit, c) l-iżgurar ta' kontroll internazzjonali tal-implimentazzjoni tal-proġett tal-NPP tal-Belarussja sabiex jiġu pprevenuti inċidenti jew aċċidenti possibbli; iħeġġeġ, għalhekk, lill-awtoritajiet Belarussi biex b'mod immedjat jissospendu l-bini tal-NPP sakemm il-passi u l-miżuri ta' sigurtà msemmija hawn fuq ikunu ġew implimentati;
15. Iħeġġeġ lill-Kunsill u lill-Kummissjoni biex jorbtu l-appoġġ makrofinanzjarju tal-UE lill-Belarussja, u jagħmluh kundizzjonali, ma' progress sostanzjali fir-rigward tar-rispett għal-libertajiet ċivili u għad-drittijiet fundamentali u mal-azzjonijiet kostruttivi li għandhom jittieħdu mill-Belarussja fir-rigward tas-sikurezza tal-NPP ta' Ostrovets;
16. Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja, jappoġġja l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi prodemokratiċi tagħhom u jikkontribwixxi għal futur stabbli, demokratiku u prosperuż għall-pajjiż;
17. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-awtoritajiet Belarussi.