Dokument ta' sessjoni

 

B8-1234/2016

16.11.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

( 2016/2934(RSP) )

Bogdan Andrzej Zdrojewski, Jacek Saryusz-Wolski, Sandra Kalniete, Cristian Dan Preda, Elmar Brok, Jerzy Buzek, Michael Gahler, Arnaud Danjean, David McAllister, Tunne Kelam, Algirdas Saudargas, Jaromír Štětina, Lorenzo Cesa, Lars Adaktusson, Eduard Kukan, Alojz Peterle, Dubravka Šuica, Andrzej Grzyb, Laima Liucija Andrikienė, Andrey Kovatchev, Traian Ungureanu, Fernando Ruas, Julia Pitera, Barbara Kudrycka, Daniel Caspary, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz

f'isem il-Grupp PPE

 

B8-1234/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Belarussja

( 2016/2934(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-elezzjonijiet parlamentari li saru fil-11 ta' Settembru 2016 u l-elezzjonijiet presidenzjali li saru fil-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Belarussja tat-13 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari reċenti fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni preliminari tal-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa (OSKE)/l-Uffiċċju għall-Istituzzjonijiet Demokratiċi u d-Drittijiet tal-Bniedem (ODIHR), l-Assemblea Parlamentari tal-OSKE u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa (PACE) tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Belarussja, b'mod partikolari dawk tas-16 ta' Frar 2016, li neħħew is-sanzjonijiet kontra 170 individwu u tliet kumpaniji Belarussi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Partit Popolari Ewropew tal-15 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet reċenti fil-Belarus,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem tad-Dipartiment tal-Istat tal-Istati Uniti tat-12 ta' Settembru 2016 dwar l-elezzjonijiet parlamentari fil-Belarussja,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-OSKE tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Belarussja fil-11 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-bosta dikjarazzjonijiet mill-awtoritajiet Belarussi li xi rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 kienu se jiġu implimentati qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-ħelsien ta' sitt priġunieri politiċi mill-awtoritajiet Belarussi fit-22 ta' Awwissu 2015, segwit mid-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-UE għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Politika Ewropea tal-Viċinat u n-Negozjati għat-Tkabbir, Johannes Hahn, dwar il-ħelsien ta' priġunieri politiċi fil-Belarussja fit-22 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fir-rapport finali tagħhom dwar l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 fil-Belarussja, l-OSKE/ODIHR, flimkien mal-Kummissjoni ta' Venezja tal-Kunsill tal-Ewropa, ħejjew sett ta' rakkomandazzjonijiet biex jiġu implimentati mill-Belarussja qabel l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;

B.  billi, sabiex jinbnew relazzjonijiet aħjar mal-Punent, l-awtoritajiet Belarussi ppermettew li l-partiti tal-oppożizzjoni demokratika jirreġistraw b'aktar faċilità milli f'elezzjonijiet preċedenti, u l-osservaturi barranin ingħataw aċċess aħjar għall-għadd tal-voti;

C.  billi, skont il-valutazzjoni tal-OSKE/ODIHR, l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016 ġew organizzati b'mod effiċjenti, iżda għad fadal għadd ta' nuqqasijiet sistemiċi fit-tul, inklużi restrizzjonijiet għal drittijiet politiċi u libertajiet fundamentali fil-qafas ġuridiku; billi l-għadd u t-tabulazzjoni raw għadd sinifikanti ta' irregolaritajiet proċedurali u kienu nieqsa mit-trasparenza;

D.  billi, għall-ewwel darba f'20 sena, ser tiġi rrappreżentata oppożizzjoni demokratika fil-Parlament Belarussu;

E.  billi sa mill-1994 fil-Belarussja ma kien hemm ebda elezzjoni li kienet libera u ġusta skont leġiżlazzjoni elettorali f'konformità mal-istandards rikonoxxuti internazzjonalment tal-OSKE/ODIHR;

F.  billi l-UE neħħiet il-biċċa l-kbira tal-miżuri restrittivi tagħha kontra uffiċjali u entitajiet legali Belarussi fi Frar 2016 bħala ġest ta' rieda tajba biex tħeġġeġ lill-Belarussja ttejjeb id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt tagħha; billi fil-konklużjonijiet tiegħu dwar il-Belarussja tal-15 ta' Frar 2016 il-Kunsill saħaq fuq il-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Belarussja f'għadd ta' oqsma ekonomiċi u f'oqsma relatati mal-assistenza u mal-kummerċ, ħaġa li fetħet il-possibilità biex il-Belarussja tapplikaw għall-finanzjament mingħand il-BEI u l-BERŻ; billi ġew innutati xi sforzi viżibbli biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet li ilhom għaddejjin minn qabel l-elezzjonijiet tal-2016, filwaqt li fl-istess ħin għad baqa' ħafna kwistjonijiet li ma ġewx indirizzati fir-rigward tal-qafas elettorali legali u proċedurali;

G.  billi d-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem għal Elezzjonijiet Ħielsa (Human Rights Defenders for Free Elections – HRD) u r-Right to Choose–2016 (R2C), iż-żewġ gruppi Belarussi ta' osservazzjoni elettorali, ikkundannaw l-aħħar elezzjonijiet talli ma ssodisfawx numru ta' standards internazzjonali ewlenin u talli ma rriflettewx b'mod kredibbli r-rieda taċ-ċittadini Belarussi;

H.  billi l-gruppi ta' osservazzjoni Belarussi ġabru evidenza konkreta ta' sforzi nazzjonali massivi biex ineffħu l-ammont ta' persuni li ħarġu jivvutaw matul il-perjodu ta' votazzjoni bikrija ta' ħamest ijiem (mis-6 sal-10 ta' Settembru 2016) u f'jum l-elezzjoni (fil-11 ta' Settembru 2016);

I.  billi l-forzi tal-oppożizzjoni Belarussi taċ-ċentru-lemin, fit-18 ta' Novembru 2015, għall-ewwel darba ppreżentaw ftehim ta' kooperazzjoni konġunta biex jibqgħu magħqudin matul l-elezzjonijiet parlamentari tal-2016;

J.  billi l-ewwel żjara uffiċjali mill-2002 'l hawn tad-Delegazzjoni tal-Parlament għar-relazzjonijiet mal-Belarussja saret f'Minsk mit-18 sad-19 ta' Ġunju 2015; billi l-Parlament bħalissa m'għandu ebda relazzjoni uffiċjali mal-Parlament Belarussu;

K.  billi l-Belarussja kellha rwol kostruttiv fil-faċilitazzjoni ta' ftehim dwar il-waqfien mill-ġlied fl-Ukrajna;

L.  billi l-aggressjoni fl-Ukrajna u l-annessjoni illegali tal-Krimea mir-Russja komplew iżidu l-biża' tas-soċjetà Belarussa li s-sitwazzjoni interna tiġi destabilizzata b'konsegwenza ta' bidla fil-poter;

M.  billi l-Belarussja hija l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali; billi fl-4 ta' Ottubru 2016, il-Qorti Suprema Belarussa kkonfermat is-sentenza tal-mewt ta' Siarhei Vostrykau; billi din hija r-raba' konferma mill-Qorti Suprema Belarussa ta' sentenza tal-mewt fl-2016;

N.  billi titjib sinifikanti fil-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-media, ir-rispett tad-drittijiet politiċi kemm taċ-ċittadini ordinarji kif ukoll tal-attivisti tal-oppożizzjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali huma kollha prerekwiżiti għal relazzjonijiet aħjar bejn l-UE u l-Belarussja; billi l-Unjoni Ewropea għadha impenjata bis-sħiħ li tkompli tiddefendi d-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja, inkluża l-libertà tal-espressjoni u tal-media;

O.  billi, kif iddikjarat fir-rapport tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja tal-21 ta' April 2016, minkejja intensifikazzjoni evidenti tal-kuntatti bejn il-Belarussja, l-UE u l-Istati Uniti, il-ksur tal-drittijiet tal-bniedem għadu jippersistu u ma ġiet innutata l-ebda bidla sinifikanti;

P.  billi l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem ġibdu l-attenzjoni għal metodi ġodda ta' intimidazzjoni tal-oppożizzjoni;

Q.  billi wieħed mill-objettivi tal-parteċipazzjoni tal-Belorussja fis-Sħubija tal-Lvant u l-fergħa parlamentari tagħha, l-Euronest, huwa li tiġi intensifikata l-kooperazzjoni bejn dan il-pajjiż u l-UE;

1.  Jibqa' serjament imħasseb dwar in-nuqqasijiet osservati mill-osservaturi internazzjonali indipendenti matul l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2015 u parlamentari tal-2016; jirrikonoxxi l-isforzi biex isir progress, li għadu mhux biżżejjed; jinnota li l-oppożizzjoni se jkollha żewġ rappreżentanti fil-Parlament li għadu kif ġie elett; iqis, madankollu, li dawn huma aktar ħatriet politiċi milli ħatriet b'konsegwenza tar-riżultat elettorali; jinnota li l-eżami tal-proposti leġiżlattivi futuri ppreżentati minn dawn iż-żewġ Membri parlamentari se jservi ta' test dwar l-intenzjonijiet politiċi tal-awtoritajiet wara l-ħatriet tagħhom;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Belarussi jerġgħu jibdew mingħajr dewmien il-ħidma dwar riforma elettorali komprensiva bħala parti minn proċess ta' demokratizzazzjoni usa' u f'kooperazzjoni ma' sħab internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li r-rakkomandazzjonijiet tal-OSKE/ODIHR jiddaħħlu fiż-żmien xieraq qabel l-elezzjonijiet muniċipali ta' Marzu 2018; jenfasizza li dan huwa ta' importanza ewlenija biex jinkiseb il-progress mixtieq fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja;

3.  Itenni l-appell tiegħu lill-awtoritajiet Belarussi biex jiżguraw, fiċ-ċirkostanzi kollha, l-osservanza tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, skont id-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-istrumenti internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem irratifikati mill-Belarussja;

4.  Jistieden lill-Gvern Belarussu jirriabilita l-priġunieri politiċi meħlusa u jagħtihom lura d-drittijiet ċivili u politiċi kollha tagħhom;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li mis-sena 2000 'l hawn ma ġie rreġistrat l-ebda partit politiku ġdid fil-Belarussja; jitlob li jiġi applikat approċċ anqas restrittiv f'din il-kwistjoni; jenfasizza li l-partiti politiċi kollha għandhom jitħallew iwettqu attivitajiet politiċi mingħajr restrizzjonijiet, speċjalment matul il-perjodu tal-kampanja elettorali;

6.  Iħeġġeġ lill-Belarussja, bħala l-uniku pajjiż fl-Ewropa li għadu japplika l-piena kapitali, tingħaqad mal-moratorju globali dwar l-eżekuzzjoni tal-piena tal-mewt bħala l-ewwel pass lejn l-abolizzjoni permanenti tagħha; ifakkar li l-piena kapitali tikkostitwixxi trattament inuman u degradanti, ma għandha l-ebda effett deterrenti ppruvat u tagħmel l-iżbalji ġudizzjarji irriversibbli;

7.  Jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Kummissjoni jfittxu mezzi ġodda biex jappoġġjaw lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Belarussja; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-ħtieġa li jingħata appoġġ lis-sorsi ta' informazzjoni indipendenti kollha għas-soċjetà Belarussa, inkluża l-media li xxandar il-programmi bl-ilsien Belarussu, u minn barra l-pajjiż;

8.  Jinnota li f'Jannar 2014 ingħata bidu għan-negozjati dwar il-faċilitazzjoni tal-viżi bil-għan li jittejbu l-kuntatti bejn il-persuni u li titħeġġeġ il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili; jenfasizza li l-Kummissjoni u s-SEAE għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitħaffef il-progress f'dan ir-rigward;

9.  Jappoġġja lill-UE fil-politika tagħha ta' 'impenn kritiku' mal-awtoritajiet Belarussi, u jesprimi li hu lest ukoll li jikkontribwixxi għal din il-politika permezz tad-Delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Belarussja; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-inizjattivi leġiżlattivi mill-qrib u tiskrutinizza l-implimentazzjoni tagħhom;

10.  Iħeġġeġ aktar kooperazzjoni u trasparenza rigward il-kostruzzjoni tal-impjant tal-enerġija nukleari f'Ostrovets, li se jaffettwa il-viċinat Ewropew tiegħu; jenfasizza l-bżonn ta' sorveljanza internazzjonali komprensiva tal-implimentazzjoni ta' dan il-proġett sabiex ikun żgurat li jikkonforma mar-rekwiżiti u l-istandards internazzjonali fil-qasam tas-sikurezza nukleari u ambjentali;

11.  Itenni l-impenn tiegħu li jaħdem għall-benefiċċju tal-poplu tal-Belarussja, jappoġġja l-aspirazzjonijiet u l-inizjattivi prodemokratiċi tagħhom u jikkontribwixxi għal ġejjieni stabbli, demokratiku u prosperuż għall-pajjiż;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-OSKE/ODIHR, lill-Kunsill tal-Ewropa u lill-awtoritajiet Belarussi.