Dokument ta' sessjoni
21.11.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
( 2016/2933(RSP) )
Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Isabella Adinolfi, Rolandas Paksas
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
( 2016/2933(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, inkluża dik tas-6 ta' Ottubru 2016[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adottata fil-21 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet dwar is-Sirja mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-Sirja, inklużi dawk tal-14 ta' Novembru 2016,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-għadd ta' mwiet ikkawżati minn ħames snin ta' gwerra ċivili fis-Sirja laħaq aktar minn 400 000; billi vjolazzjonijiet massiċċi u rikorrenti tad-drittijiet tal-bniedem u tal-liġi umanitarja internazzjonali twettqu minn kull naħa fil-kunflitt; billi l-awturi ta' dawn id-delitti għadhom ma ġewx ikkastigati;
B. billi l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU naqas milli jadotta żewġ abbozzi ta' riżoluzzjonijiet dwar is-Sirja, minkejja appelli għal azzjoni urġenti biex tipprevjeni katastrofi umanitarja imminenti f'Aleppo;
C. billi n-natura kumplessa u mgerfxa tal-kamp tal-battalja fis-Sirja, b'għadd ta' kunflitti lokalizzati madwar il-pajjiż, ikkaratterizzati minn varjetà ta' atturi, tagħmilha bil-wisq diffiċli li kwalunkwe idea ta' waqfien mill-ġlied titwettaq;
D. billi l-Kunsill fl-14 ta' Novembru 2016 iddeċieda li jżid 17-il ministru u l-Gvernatur tal-Bank Ċentrali tas-Sirja mal-lista ta' dawk li jinsabu fil-mira tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra r-reġim Sirjan minħabba li huma responsabbli għar-repressjoni vjolenti kontra l-popolazzjoni ċivili fis-Sirja, jibbenefikaw mir-reġim jew jappoġġjawh, u/jew huma assoċjati ma' tali persuni;
E. billi r-Russja diversi drabi ħabbret waqfien mill-ġlied unilaterali bil-għan li tħalli r-ribelli jitilqu mil-Lvant ta' Aleppo; billi r-reazzjoni tar-ribelli, inkluż il-grupp Jabhat Fateh al-Sham, għall-offerta ta' waqfien mill-ġlied kienet li varaw offensiva fuq skala kbira kontra l-parti tal-Punent ta' Aleppo, li hija taħt il-kontroll tal-gvern;
1. Huwa ferm imħasseb dwar l-għadd dejjem jikber ta' vittmi ċivili u dwar il-qerda ta' skejjel u sptarijiet ikkawżata minn attakki mill-ajru f'Aleppo; ifakkar, f'dan ir-rigward, li l-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja qal li s-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Aleppo marret għall-agħar b'tali mod li "laħqet livelli ġodda ta' orrur";
2. Ifakkar lill-partijiet kollha dwar ir-responsabbiltajiet tagħhom skont il-liġi umanitarja internazzjonali u l-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll id-deċiżjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja;
3. Jilqa' d-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tan-NU li jistabbilixxi kumitat ta' inkjesta intern tan-NU dwar l-inċident li jinvolvi l-bumbardament ta' operazzjoni ta' għajnuna ta' emerġenza tan-NU/tan-Nofs Qamar Aħmar Għarbi Sirjan lejn Urum al-Kubra fis-Sirja;
4. Jistieden lill-Gvern Sirjan biex jagħti lil osservaturi internazzjonali indipendenti, bħall-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, li għandha mandat min-NU, aċċess għall-persuni kollha mċaħħda mil-libertà tagħhom, u jħalli lil dawn l-osservaturi jwettqu spezzjonijiet bla preavviż fil-faċilitajiet kollha ta' detenzjoni, biex jinvestigaw u jissorveljaw il-kundizzjonijiet li fihom jinżammu d-detenuti;
5. Jiddenunzja l-preżenza ta' ġellieda barranin fit-territorju Sirjan, b'mod partikolari ta' gruppi bħal Hezbollah u milizzji Iraqin, peress li jirrappreżentaw ostaklu maġġuri għar-riżoluzzjoni paċifika tal-kunflitt u jikkostitwixxu theddida għall-istabbiltà tar-reġjun;
6. Jikkundanna l-għadd dejjem jiżdied ta' attakki terroristiċi, f'Aleppo u fil-pajjiż kollu, li qed jitwettqu mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku fl-Iraq u fil-Levante (ISIL/Da'esh), minn Jabhat Fateh al-Sham, u minn kull individwu u grupp ieħor assoċjat magħhom; jenfasizza li jeħtieġ li dawk kollha responsabbli għal vjolazzjonijiet tal-liġi umanitarja internazzjonali u tal-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem jagħtu kont ta' għemilhom;
7. Jistieden lill-atturi reġjonali biex jaġixxu b'mod kostruttiv, filwaqt li jżommu lura milli jkebbsu l-kunflitt, u jiżguraw li l-appoġġ materjali u finanzjarju ma jiġix f'idejn gruppi assoċjati mal-ISIL/Da'esh, Jabhat Fateh al-Sham jew Hezbollah;
8. Jilqa' l-progress li sar mill-operazzjoni "Euphrates Anger" varata fl-ewwel jiem ta' dan ix-xahar minn ġellieda Kurdi u Għarab biex jerġgħu jieħdu taħt idejhom Raqqa, fortizza tal-ISIL/Da'esh; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar diversi rapporti li jiddokumentaw il-qtil ta' mijiet ta' persuni ċivili f'attakki mill-ajru fuq l-ISIL/Da'esh f'dik il-belt;
9. Jiddenunzja bil-qawwa l-użu ta' imblokki u tal-ġuħ kontra persuni ċivili bħala metodu ta' kumbattiment; jistieden lill-atturi fil-post biex iħallu lill-aġenziji umanitarji tan-NU u lis-sħab ta' implimentazzjoni tagħhom ikollhom aċċess umanitarju rapidu, sikur u sostnut, inkluż minn naħa għal oħra tal-linji ta' kunflitt;
10. Jikkondividi t-tħassib tan-NU rigward ir-riskji ta' ġuħ estrem fil-Lvant ta' Aleppo, għax il-provvista tal-ikel ma fil-belt ma ġġedditx minn nofs Lulju 'l hawn; iħeġġeġ lill-UE biex taħdem mas-sħab reġjonali u internazzjonali bil-għan li jitwettqu l-kundizzjonijiet li jippermettu waqfien mill-ġlied immedjat u dejjiemi, b'mod li l-konsenji tal-ikel u l-għajnuna umanitarja jkunu jistgħu jaslu fil-Lvant ta' Aleppo, fejn madwar 250 000 resident ilhom xhur sħaħ jgħixu taħt assedju;
11. Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Staffan de Mistura, u jappella lill-partijiet kollha fil-kunflitt Sirjan biex jikkooperaw miegħu b'mod kostruttiv u b'rieda tajba sabiex jittrattaw is-sitwazzjoni urġenti f'Aleppo;
12. Jenfasizza li l-unika soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi kurrenti fis-Sirja tkun permezz ta' proċess politiku inklussiv u mmexxi mis-Sirjani li jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan;
13. Jitlob li l-UE taqdi bis-sħiħ ir-rwol tagħha permezz ta’ politika barranija effikaċi u koerenti għas-Sirja li ma tkunx limitata biss għal azzjonijiet umanitarji; jappoġġja l-approċċ tal-VP/RGħ, jiġifieri li tindirizza lil atturi prinċipali fir-reġjun dwar tħejjijiet għar-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni wara l-kunflitt;
14. Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tan-NU/tal-Lega Għarbija għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.