Dokument ta' sessjoni
21.11.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
( 2016/2933(RSP) )
Marietje Schaake, Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, Martina Dlabajová, José Inácio Faria, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Ilhan Kyuchyuk, Louis Michel, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Hannu Takkula, Pavel Telička, Ramon Tremosa i Balcells, Hilde Vautmans, Cecilia Wikström
f'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
( 2016/2933(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b’mod partikolari dawk tas-6 ta’ Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja[1], tat-12 ta’ April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta’ approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[2], tal-4 ta’ Frar 2016 dwar il-qtil tal-massa sistematiku ta’ minoranzi reliġjużi mill-hekk imsejjaħ ‘ISIS/Da’esh’[3], u tal-21 ta’ Jannar 2016 dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2016[4],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, tat-12 ta’ Awwissu 2016 dwar l-aħħar l-atroċitajiet terroristiċi fis-Sirja u tas-16 ta’ Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f’Aleppo,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni ċivili, Christos Stylianidis, tas-16 ta’ Settembru 2016 dwar is-Sirja, tal-20 ta’ Settembru 2016 dwar attakki mill-ajru kontra l-konvoj tal-għajnuna umanitarju tan-NU/tan-Nofs Qamar Aħmar tar-Repubblika Sirjana, tal-24 ta’ Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f’Aleppo, tat-2 ta’ Ottubru 2016 dwar l-inizjattiva umanitarja urġenti f’Aleppo u tal-25 ta’ Ottubru 2016 dwar l-urġenza biex l-għajnuna umanitarja tilħaq Aleppo,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta’ Ottubru 2016 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-Sirja tat-18 u d-19 ta’ Frar 2016 u tal-20 u tal-21 ta' Ottubru 2016,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet tan-NU 2118, 2139, 2165, 2209, 2235, 2268, 2254 u 2258, tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,
– wara li kkunsidra l-kummenti tas-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, tal-21 ta’ Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja quddiem il-Kunsill tas-Sigurtà, u tal-24 ta’ Settembru 2016 dwar is-sitwazzjoni f’Aleppo, u d-dikjarazzjoni mill-kelliem tiegħu tat-30 ta’ Settembru 2016 dwar il-Bord ta’ Inkjesta fis-Sirja,
– wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija tas-Sirja, stabbiliti mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi minkejja pawżi umanitarji unilaterali ddikjarati mill-Gvern tal-President Putin, bil-kooperazzjoni mar-reġim ta’ Assad, f’Aleppo, u t-taħdidiet diplomatiċi li għaddejjin f’Ġinevra, it-tbatija umana tal-poplu Sirjan għadha ma ntemmitx; billi aktar minn erba’ miljun ruħ qed jgħixu fi bliet assedjati u f’żoni li diffiċli jintlaħqu fejn l-infrastruttura essenzjali tal-elettriku u tal-ilma ġiet meqruda; billi hemm kriżi ta’ saħħa permanenti f’Aleppo u madwar is-Sirja; billi, skont l-UNICEF, aktar minn żewġ terzi ta’ Sirjani fir-reġjun m’għandhomx aċċess regolari għall-ilma u kważi 6 miljun tifel u tifla jinsabu fi bżonn urġenti ta’ għajnuna vitali;
B. billi l-pjanijiet tan-NU li tevakwa persuni ċivili midruba b’mod kritiku minn Aleppo waqt pawżi umanitarji unilaterali ddikjarati minn Putin u Assad ma rnexxewx u l-ebda assistenza umanitarja ma kienet kapaċi tilħaq il-partijiet tal-Lvant ta’ Aleppo taħt assedju minn Lulju 2016; billi dawn il-pawżi ma jistgħux iservu ta’ sostitut għal aċċess umanitarju mingħajr restrizzjonijiet u imparzjali u jiżguraw il-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili fuq perjodu ta’ żmien itwal; billi ċ-ċittadini li jixtiequ jevakwaw għandhom jitħallew jagħmlu dan mingħajr ebda restrizzjoni, mill-partijiet kollha fil-kunflitt;
C. billi l-pajjiżi u l-partijiet kollha involuti fil-kunflitt għandhom jiġu mfakkra dwar l-obbligi tagħhom skont ir-Riżoluzzjoni 2254 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b’mod partikolari l-obbligu li jwaqqfu kull attakk kontra ċivili u infrastruttura ċivili u l-obbligu li jiżguraw l-aċċess umanitarju madwar il-pajjiż; billi l-Unjoni Ewropea għandha tuża l-istrumenti kollha tagħha, inkluż l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, sabiex tiżgura konformità sħiħa mill-partijiet kollha ma’ din ir-riżoluzzjoni;
D. billi aktar minn 400 000 persuna, fil-parti l-kbira tagħhom nies ċivili, tilfu ħajjithom sa mill-bidu tal-kunflitt fis-Sirja fl-2011; billi ksur massiv u rikorrenti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali ġie mwettaq min-naħat kollha fil-kunflitt, inkluż qtil illegali, tortura u trattament ħażin, arresti tal-massa u arbitrarji, attakki immirat u mingħajr distinzjoni kontra ċ-ċivili, kastig kollettiv, attakki kontra persunal mediku u ċaħda ta’ ikel u ilma; billi r-reġimi ta’ Assad u ta’ Putin jużaw il-ġuħ bħala arma tal-gwerra, inkluż billi jibblokkaw l-aċċess għal dawk fil-bżonn u l-imblukkar tal-kunsinna ta’ oġġetti ta’ emerġenza;
E. billi l-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Inkjesta dwar ir-Repubblika Għarbija Sirjana, mogħtija mandat mill-Istati Uniti, flimkien ma’ gruppi tad-drittijiet tal-bniedem, ġabru provi li mill-inqas 200 000 persuna ġew arrestati mill-Gvern Sirjan f’kundizzjonijiet inumani ta’ detenzjoni; billi eluf ta’ Sirjani mietu fil-kustodja tal-Gvern Sirjan f’dawn l-aħħar snin dovut għat-tortura u l-mard; billi l-għajbien sfurzat u abbużi orribbli fuq il-ħabsin huma mifruxa; billi l-awtoritajiet Sirjani ppruvaw iżommu informazzjoni dwar il-faċilitajiet ta’ detenzjoni sigrieti tagħhom, billi irrifjutaw l-aċċess għal moniters ta’ detenzjoni rikonoxxuti b’mod internazzjonali; billi l-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA), sa mill-2011, tħalla biss iżur ftit ħabsijiet;
F. billi r-reġim Sirjan juża assedji mtawla, imblokki, evakwazzjonijiet furzati u pawżi umanitarji imposti mill-President Putin u r-reġim ta’ Assad biex ibiddel id-demografija ta’ bliet Sirjani; billi tali attakki u evakwazzjonijiet minnhom infushom jikkostitwixxu ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali; billi r-reġim Sirjan ġiegħel lir-residenti tas-subborgi ta’ Damasku u Homs, li qabel kienu ikkontrollati mill-forzi tal-oppożizzjoni, jirrilokaw fil-Provinċja ta’ Idlib; billi r-reġim Sirjan juża imblokkar tal-għajnuna, l-ikel u l-prodotti essenzjali kif ukoll lil-bombardamenti mmirati lejn iċ-ċivili, inklużi l-isptarijiet, biex jisposta b’mod furzat l-abitanti tal-Lvant ta’ Aleppo; billi t-trasferiment involontarju ta’ nies li jirriżulta se jwassal għal tqassim ulterjuri tal-pajjiż;
G. billi l-vjolenza u d-delitti kontra persuni ċivili, in-nuqqas ta’ aċċess għal ikel, ilma, għajnuna medika u oġġetti ta’ emerġenza, it-trattament deplorabbli tal-persuni fil-ħabsijiet u fil-faċilitajiet ta’ detenzjoni u l-emerġenza tal-estremiżmu u l-ġiħadiżmu huma raġunijiet biex iċ-ċivili Sirjani jaħarbu minn djarhom; billi 50 % tal-popolazzjoni Sirjana ġiet spostata; billi attwalment hemm aktar minn 6.5 miljun persuna spostati internament fis-Sirja; billi 4.5 miljun rifuġjat Sirjan ħarbu lejn it-Turkija, il-Libanu, il-Ġordan, l-Eġittu u l-Iraq; billi madwar 1 miljun rifuġjat Sirjan ħarbu lejn l-UE;
H. billi l-bord ta’ esperti indipendenti u newtrali tal-Mekkaniżmu Investigattiv Konġunt (MIK) tan-NU ħareġ it-tielet rapport fit-28 ta’ Ottubru 2016, li sab li l-forzi tal-Gvern Sirjan użaw ħelikopters biex iwaqqgħu bettija (barrel bombs) mimlija b’sustanzi kimiċi tossiċi fit-tielet inċident, wara li provi dwar l-użu ta’ sustanzi kimiċi tossiċi kienu diġà nstabu f’żewġ inċidenti preċedenti;
I. billi l-Gvern Sirjan aċċeda għall-Konvenzjoni dwar Armi Kimiċi fl-14 ta’ Ottubru 2013; billi r-reġim Sirjan stqarr li kien ipprovda lista sħiħa tal-ħażniet tal-armi kimiċi tiegħu f’Settembru 2013; billi dawn l-armi kimiċi ġew sussegwentement meqruda taħt missjoni mmexxija mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni ta’ Armi Kimiċi (OPCW); billi f’April 2015 u Awwissu 2016, sptarijiet irrappurtaw l-użu ta’ gass tal-kloru mir-reġim ta’ Assad, inkluż f’Aleppo; billi l-OPCW ripetutament sabet traċċi ta’ armi u aġenti kimiċi f’laboratorji u faċilitajiet militari li ma ġewx irrappurtati lill-OPCW mir-reġim ta’ Assad; billi l-OPCW għandha provi tal-użu ta’ gass sulphur mustard mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku waqt attakk fuq Marea f’Awwissu 2015;
J. billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku għadu jikkontrolla partijiet kbar tas-Sirja, inklużi l-hekk imsejħa kapitali ta’ Raqqa; billi l-militanti tal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku qed jikkommetti delitti serji tal-gwerra u delitti kontra l-umanità, inklużi ġenoċidju kontra minoranzi etniċi u reliġjużi, atti ta’ tortura estrema, il-qerda tal-wirt kulturali, skjavitù, forom estremi ta’ vjolenza sesswali kontra l-bniet u n-nisa, iż-żwieġ furzat, ir-reklutaġġ ta’ suldati tfal u t-traffikar tal-bnedmin; billi l-karattru transnazzjonali tal-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku joħloq theddida għar-reġjun usa’ u għas-sigurtà internazzjonali;
K. billi dawn ir-reati s’issa għadhom ma ġewx ikkastigati; billi dawk kollha responsabbli minn vjolazzjonijiet ta’ dritt internazzjonali għandhom jinżammu responsabbli; billi l-obbligu ta’ rendikont, il-ġustizzja, l-istat ta’ dritt u l-ġlieda kontra l-impunità huma elementi essenzjali li jikkostitwixxu s-sisien tal-paċi u tar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, l-isforzi ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ rikostruzzjoni;
L. billi fis-16 ta’ Novembru 2016 r-Russja ddeċidiet li tirtira l-firma tagħha tal-Istatut ta’ Ruma;
M. billi l-azzjonijiet militari ġodda tal-Forzi Demokratiċi Sirjani, appoġġati minn koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti, qed iħejju għal-liberazzjoni fit-Tramuntana tas-Sirja, u b’mod partikolari Raqqa, mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku; billi s-suċċess fit-tul ta’ dawn l-azzjonijiet huwa dipendenti fuq il-koordinazzjoni msaħħa bejn is-sħab kollha fil-ġlieda kontra l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem bażiċi ta’ persuni ċivili li jgħixu f’dan ir-reġjun u fokus fuq l-istabbiliment mill-ġdid tal-governanza lokali u r-rikonċiljazzjoni wara l-kunflitt;
N. billi l-atturi reġjonali għad għandhom rwol mhux kostruttiva fil-kunflitt Sirjan permezz ta’ politiku u loġistiku u l-armar ta’ gruppi armati, milizzji u militanti u organizzazzjonijiet terroristiċi; billi l-appoġġ Iranjan, kemm direttament kif ukoll permezz ta’ gruppi bi prokura, jippermetti lir-reġim ta’ Assad jissokta bl-attakki brutali kontra l-popolazzjoni Sirjana; billi l-militanti u gruppi terroristiċi, inkluż il-Hezbollah appoġġati mill-Iran, ikomplu jiġġieldu kontra gruppi tal-oppożizzjoni appoġġati mill-koalizzjoni internazzjonali;
O. billi l-UE hija l-kontributur ewlieni ta’ għajnuna umanitarja fis-Sirja; billi n-nuqqas ta’ pożizzjoni komuni tipprevjeni tmexxija tal-UE aktar b’saħħitha lejn soluzzjoni negozjata għall-gwerra fis-Sirja; billi l-UE għandha ssaħħaħ ir-rwol u l-influwenza tagħha f’dan ir-rigward u għandha tressaq strateġiji ġodda biex tiffaċilita t-taħditiet ta’ paċi li għadhom għaddejjin; billi l-VP/RGħ u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom li jimplimentaw strateġija tal-UE għas-Sirja fl-ewwel kwart tal-2017; billi wara l-laqgħa tal-Kunsill Ewropew il-VP/RGħ, taħt din l-Istrateġija, żaret l-Iran u l-Arabja Sawdija bħala parti mill-involviment ta’ atturi ewlenin fir-reġjun dwar il-futur tas-Sirja;
P. billi l-partijiet kollha għandhom jerġgħu jiġu mfakkra dwar il-ħtieġa li jintemm il-kunflitt fis-Sirja permezz ta’ djalogu paċifiku u l-ħtieġa għal proċess politiku mmexxi mis-Sirjani li jwassal għal transizzjoni li tilħaq l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Sirjan;
1. Huwa mħasseb ħafna dwar id-diżastru umanitarju fis-Sirja u l-impass tan-negozjati ta’ paċi; itenni li l-partijiet kollha fil-kunflitt għandhom l-obbligu morali li jiżguraw b’mod sħiħ il-protezzjoni tal-ħaddiema umanitarji u tal-persuni ċivili f’kull ħin; jistieden lill-partijiet kollha biex jippermettu aċċess umanitarju mingħajr xkiel u kontinwu u l-forniment ta’ oġġetti ta’ emerġenza, b’mod partikolari liż-żoni assedjati u li diffiċli jintlaħqu; jappella għad-dikjarazzjoni ta’ żona mingħajr titjir f’Aleppo, li tippermetti l-konsenja ta’ għajnuna umanitarja u l-evakwazzjoni ta’ persuni ċivili midruba;
2. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt sabiex ikomplu u jintensifikaw in-negozjati politiċi malajr kemm jista’ jkun f’antiċipazzjoni ta’ tregwa ġdida u stabbli, li għandha tinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw il-ġustizzja tranżitorja wara l-kunflitti fis-Sirja; jenfasizza li dawn it-taħdidiet ta’ paċi għandhom iwasslu għal waqfien mill-ġlied u tranżizzjoni politika mmexxija mis-Sirjani u bi sjieda Sirjana; jappoġġa bis-sħiħ it-taħditiet ta’ paċi u l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Staffan de Mistura;
3. Jistieden lir-reġim ta’ Assad u lill-President Putin biex iwaqqfu immedjatament l-attakki kollha fuq iċ-ċivili u fuq l-infrastruttura ċivili, u biex itemmu l-assedji kollha u n-nuqqas ta’ aċċess umanitarju lill-poplu Sirjan fil-bżonn; jistieden lill-President Putin biex speċifikament jastjeni minn kwalunkwe azzjoni militari u attakk indiskriminat mill-bastimenti tal-gwerra tar-Russja fil-Baħar Mediterran kontra ċ-ċivili fis-Sirja; ifakkar li l-attakki militari ma jistgħux iġibu rebħ jew jimponu l-paċi, iżda biss jestendu t-tixrid tad-demm;
4. Jitlob li jiġu imposti sanzjonijiet fuq ir-reġim ta’ Putin fir-Russja jekk ikompli jikser ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u jekk ikompli jwettaq delitti ta’ gwerra fis-Sirja; jiddeplora serjament in-nuqqas tal-Kunsill Ewropew fl-20 ta’ Ottubru 2016 li jilħaq ftehim dwar sanzjonijiet kontra r-reġim ta’ Putin fir-Russja dovuti għall-attakki tiegħu kontra l-popolazzjoni Sirjana;
5. Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri sabiex jipprovdu appoġġ sħiħ biex in-NU u l-OPCW biex dawn ikomplu jinvestigaw l-użu u d-distruzzjoni ta’ armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja;
6. B’urġenza jistieden lill-VP/RGħ, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill Ewropew biex b’mod espliċitu jużaw il-mezzi kollha ta’ influwenza għad-dispożizzjoni tagħhom biex jiżguraw li l-Iran ma jwettaqx ir-rwol distruttiv tiegħu fil-kunflitt Sirjan;
7. Jistieden lill-partijiet kollha fis-Sirja b’kontroll tal-ħabsijiet u l-faċilitajiet ta’ detenzjoni biex jagħtu lil organizzazzjonijiet internazzjonali, inkluż l-ICRC, aċċess bla xkiel għal dawn il-faċilitajiet u għall-persuni miżmuma jew detenuti hemmhekk;
8. Itenni l-kundanna qawwija tiegħu tal-atroċitajiet imwettqa mir-reġim ta’ Assad, mill-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku, minn Al-Nusra u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra, li jistgħu jitqiesu bħala delitti serji tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jitlob biex il-provi, diġitali jew ta’ tip ieħor, ta’ dawn id-delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità mwettqa min-naħat kollha jkunu ppreservati bħala prijorità fundamentali sabiex tiġi żgurata r-responsabilità u biex b-awturi jitressqu quddiem il-ġustizzja; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jinbeda immedjatament il-ġbir ta’ provi;
9. Jistieden lill-partijiet kollha involuti f’azzjonijiet militari biex jirrispettaw id-dritt umanitarju u d-drittijiet tal-bniedem internazzjonali u jirrispettaw il-prinċipji tal-proporzjonalità u tad-distinzjoni, sabiex jitnaqqas l-ammont ta’ vittmi;
10. Jesprimi s-solidarjetà profonda tiegħu għall-persuni Sirjani li jgħixu fl-inħawi assedjati ta' Aleppo u fis-Sirja kollha, inklużi ħafna tfal, li ma għandhomx aċċess għall-provvisti umanitarji essenzjali u li jinsabu fi bżonn estrem ta' ikel, ilma nadif u provvisti mediċi; jenfasizza li r-reġim Sirjan għandu r-responsabbiltà primarja li jipproteġi l-popolazzjoni Sirjana;
11. Jiddeplora bil-qawwa l-klima ta’ impunità għal min iwettaq delitti serji matul il-gwerra fis-Sirja; iqis li n-nuqqas ta’ responsabilità jwassal għal aktar atroċitajiet u jkompli jżid it-tbatija tal-vittmi; jiddeplora f’dan ir-rigward il-veto tar-Russja u ċ-Ċina bħala Membri Permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU kontra r-riferiment tas-sitwazzjoni tas-Sirja quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jieħdu passi ġodda biex jindirizzaw din id-diskrepanza fl-impunità, jekk ikun meħtieġ billi jwaqqfu tribunal tad-delitti tal-gwerra;
12. Jibqa’ konvint li ma jistax ikun hemm riżoluzzjoni tal-kunflitti effikaċi, rikonċiljazzjoni u paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma tittieħed responsabilità min-naħat kollha għad-delitti mwettqa matul il-kunflitt; iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex iġiegħlu lil dawk li jabbużaw jirrispondu għal għemilhom, notevolment permezz tal-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali u permezz tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ ċittadini tal-UE responsabbli minn delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fis-Sirja;
13. Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jagħmlu pressjoni fuq il-partijiet kollha fil-kunflitt fis-Sirja biex jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u d-dispożizzjonijiet umanitarji tar-Riżoluzzjoni 2139 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, inkluż billi jtemmu l-prattika ta’ tortura u trattament ħażin ieħor, u jitlob aċċess immedjat u mingħajr xkiel lill-osservaturi internazzjonali rikonoxxuti ta’ detenzjoni għall-persuni kollha mċaħħda mil-libertà tagħhom fis-Sirja;
14. Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda ta’ 17-il ministru u l-gvernatur tal-Bank Ċentrali tas-Sirja mal-lista ta’ dawk li jinsabu fil-mira ta’ miżuri restrittivi tal-UE, minħabba s-sehem tagħhom ta’ responsabilità fir-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż;
15. Jilqa' u jissottolinja l-importanza kritika tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fid-dokumentazzjoni tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra, ta' delitti kontra l-umanità u vjolazzjonijiet oħra; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar għajnuna u għajnuna kompluta lil dawn il-parteċipanti;
16. Jilqa’ l-prijoritajiet tas-sħubija u l-patti mal-Libanu għall-perjodu 2016–2020 u l-prijoritajiet tas-sħubija u l-patt li għad iridu jiġu konklużi mal-Ġordan għall-perjodu 2016–2018; jinnota li l-patti huma l-qafas li permezz tiegħu l-impenji reċiproċi li saru waqt il-konferenza f'Londra dwar “Supporting Syria and the Region” (Konferenza dwar l-Appoġġ għas-Sirja u r-Reġjun) tal-4 ta’ Frar 2016 jissarfu f'azzjonijiet;
17. Jinsisti dwar l-importanza għall-UE u għall-Membri tagħha li jippjanaw irkupru fuq żmien twil u rikostruzzjoni tas-Sirja, inkluż permezz ta' mezzi u miżuri finanzjarji mfassla biex jippromwovu r-rikonċiljazzjoni, iħeġġu l-fiduċja u jsaħħu l-istat tad-dritt; itenni s-sostenn totali tiegħu favur l-inizjattiva umanitarja li għaddejja tal-UE għal Aleppo u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħha;
18. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-kapaċità u l-bini ta’ soċjetà ċivili fis-Sirja, inkluż ma’ u permezz ta’ atturi li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza, id-demokrazija u l-għoti ta’ setgħat, u, fejn possibbli, biex jibdew diġà dan il-proċess f’territorji liberati fis-Sirja u mar-rifuġjati Sirjani li jgħixu fl-asil fir-reġjun jew fl-Ewropa; jenfasizza li dan il-bini ta’ kapaċità għandu jappoġġa lill-persuni Sirjani biex jiggwidaw it-tranżizzjoni;
19. Iħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jieħu passi ġodda biex jiżgura difiża Ewropea effettiva biex jiġu indirizzati l-isfidi fir-reġjuni ġirien tal-UE;
20. Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għas-Sirja, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.