Dokument ta' sessjoni
21.11.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
( 2016/2933(RSP) )
Victor Boştinaru, Clara Eugenia Aguilera García, Nikos Androulakis, Maria Arena, Zigmantas Balčytis, Hugues Bayet, Brando Benifei, José Blanco López, Vilija Blinkevičiūtė, Biljana Borzan, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Andrea Cozzolino, Andi Cristea, Viorica Dăncilă, Monika Flašíková Beňová, Doru-Claudian Frunzulică, Neena Gill, Michela Giuffrida, Sergio Gutiérrez Prieto, Eva Kaili, Miapetra Kumpula-Natri, Krystyna Łybacka, Alessia Maria Mosca, Victor Negrescu, Vincent Peillon, Pina Picierno, Kati Piri, Miroslav Poche, Liliana Rodrigues, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Daciana Octavia Sârbu, Siôn Simon, Tibor Szanyi, Claudia Țapardel, Elena Valenciano, Julie Ward, Carlos Zorrinho, Knut Fleckenstein, Andrejs Mamikins
f'isem il-Grupp S&D
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja
( 2016/2933(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-ISIS/Da'esh u l-Front al-Nusra u dawk dwar il-kunflitt fir-Repubblika Għarbija Sirjana, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2118 (2013), 2139 (2014), 2165 (2014), 2191 (2014), 2199 (2015), 2254 (2015), 2258 (2015) u 2268 (2016),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, inkluża dik tas-6 ta' Ottubru 2016[1],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-17 ta' Ottubru 2016 tal-Kunsill dwar is-Sirja,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-20 ta' Ottubru 2016 tal-Kunsill Ewropew dwar ir-relazzjonijiet esterni,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-17 ta' Novembru 2016 tal-Viċi President/Rappreżentant Għoli Federica Mogherini dwar ir-Russja u l-Qorti Kriminali Internazzjonali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-battalji għadhom għaddej bl-istess intensità fis-Sirja u billi s-sitwazzjoni umanitarja kompliet tmur għall-agħar; billi l-popolazzjonijiet tal-Lvant ta' Aleppo u ta' bliet assedjati oħrajn qed isofru minn nuqqas kbir ta' ikel u provvisti mediċi bażiċi, fosthom il-belt ta' Zabadani li hija okkupata mir-ribelli, u l-irħula ta' Kefraya u Foua, li huma kkontrollati mill-gvern, fil-provinċja ta' Idlib;
B. billi l-partijiet kollha fil-kunflitt wettqu vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż l-użu ta' armi mingħajr distinzjoni, bombi inċendjarji, bombi bettija u li jkissru l-bunkers, f'żoni ċivili, kif ukoll sustanzi mniżżla bħala armi kimiċi skont il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom; billi ma kien hemm l-ebda rispett tal-prinċipji ta' prekawzjoni u ta' proporzjonalità; billi kien hemm żoni ċivili, skejjel, sptarijiet, ħaddiema umanitarji u kampijiet tar-rifuġjati li sfaw intenzjonalment fil-mira; billi d-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità m'għandhomx jgħaddu mingħajr ma jiġu kkastigati;
C. billi d-dinja kienet ripetutament ixxukkjata bl-atroċitajiet imwettqa mill-ISIS/Da'esh u minn gruppi ġiħadisti oħrajn, bl-użu ta' eżekuzzjonijiet brutali, kif ukoll bil-'vjolenza sesswali, ħtif, tortura, konverżjonijiet furzati u skjavitù tan-nisa u l-bniet, li ma ssemmewx; billi tfal ġew reklutati u użati f'attakki terroristiċi; billi hemm tħassib serju dwar il-benessri tal-popolazzjoni li bħalissa tinsab taħt il-kontroll tal-ISIS/Da'esh u dwar l-użu possibbli tagħhom bħala tarki umani matul il-kampanja għall-ħelsien;
D. billi l-atturi armati kollha, inkluża r-Russja u l-forzi l-oħra kollha involuti fl-attakki mill-ajru, jeħtieġ li jirrispettaw il-liġi umanitarja internazzjonali bis-sħiħ u ma jkollhomx fil-mira intenzjonata tagħhom in-nies ċivili u l-infrastruttura ċivili ewlenija;
E. billi s-Sirja ffirmat, iżda ma rratifikatx, l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU, Ban Ki-moon, kemm-il darba ħeġġeġ lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jirreferi s-sitwazzjoni fis-Sirja lill-QKI; billi r-Russja u ċ-Ċina jimblokkaw kull progress dwar ir-responsabbiltà fis-Sirja billi jużaw il-veto tagħhom għal kull riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà li tagħti lill-Qorti l-mandat biex tinvestiga d-delitti tal-waħx imwettqa matul il-kunflitt fis-Sirja; billi dan in-nuqqas ta' responsabbiltà jagħti lok għal aktar atroċitajiet u jkompli jżid it-tbatija tal-vittmi;
1. Jesprimi għal darb' oħra t-tħassib mill-aktar serju tiegħu dwar il-ġlied li qed ikompli fis-Sirja u s-sitwazzjoni umanitarja li marret għall-agħar; jikkundanna l-impedimenti għat-twassil ta' għajnuna umanitarja; jisħaq li l-ikkawżar intenzjonat tal-ġuħ fost il-popolazzjoni huwa pprojbit mid-dritt umanitarju internazzjonali; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jiżguraw li l-għajnuna umanitarja tilħaq lill-persuni kollha fil-bżonn fis-Sirja u biex jitħallew minnufih isiru evakwazzjonijiet mediċi mil-Lvant ta' Aleppo u mill-inħawi l-oħra assedjati kollha;
2. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-ksur fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-forzi ta' Assad bl-appoġġ tar-Russja u ta' milizzji appoġġati mill-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali minn gruppi armati mhux statali, b'mod partikolari mill-ISIS/Da'esh, il-Front al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħrajn;
3. Huwa daqstant inkwetat, filwaqt li jtenni t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant ta' Aleppo, kif ukoll il-kundanna tiegħu għall-bumbardamenti mill-ajru mir-reġim ta' Assad u r-Russja ta' dawn l-aħħar ġimgħat, dwar l-għadd kbir ta' rokits sparati b'mod indiskriminat f'dawn l-aħħar jiem minn gruppi ta' oppożizzjoni armati fuq il-Punent ta' Aleppo u dwar il-vittmi ċivili konsegwenti; jenfasizza l-ħtieġa li l-partijiet kollha juru l-akbar attenzjoni u jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jipproteġu liċ-ċivili, irrispettivament mill-identità etnika jew mit-twemmin reliġjuż jew konfessjonali tagħhom;
4. Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġaw b'mod attiv l-inkjesta speċjali dwar l-avvenimenti f'Aleppo, ordnata mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Ottubru 2016 u mwettqa mill-Kummissjoni Internazzjonali ta' Inkjesta dwar is-Sirja, bil-ħsieb li jiġu identifikati dawk kollha responsabbli għall-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali f'Aleppo, b'mod partikolari l-attakki faħxin kontra l-infrastruttura ċivili, l-iskejjel u l-sptarijiet;
5. Jinsab ferm konvint li ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni militari għall-kunflitt; jappella sabiex it-taqbid jieqaf minnufih u għal waqfien mill-ġlied stabbli li jwitti t-triq biex jerġgħu jinbdew in-negozjati dwar it-transizzjoni politika tal-pajjiż; huwa mħasseb li r-Russja qed issaħħaħ ferm il-qawwa navali tagħha fil-Lvant tal-Mediterran u dwar it-tiġdid tal-attakki mill-ajru fuq skala kbira, li jistgħu jwasslu wkoll għal intensifikazzjoni ulterjuri tal-attakki fuq il-Lvant ta' Aleppo; iħeġġeġ lis-setgħat dinjin u reġjonali ewlenin kollha jeżerċitaw l-influwenza tagħhom fuq il-gvern tas-Sirja u l-oppożizzjoni Sirjana biex titwaqqaf il-gwerra ċivili, jinħolqu l-kundizzjonijiet għat-tnedija mill-ġdid tal-proċess ta' paċi, jittieħdu miżuri ta' bini ta' fiduċja, u biex jiġi ggarantit aċċess umanitarju rapidu, bla xkiel, u sikur;
6. Jilqa' u jappoġġa bis-sħiħ l-inizjattivi diplomatiċi riċenti tal-VP/RGħ Federica Mogherini bl-għan li jġibu lura fuq il-mejda tan-negozjati lill-partijiet involuti fil-kunflitt u biex jitnieda mill-ġdid il-proċess politiku f'Ġinevra; jinnota b'interess it-taħditiet reġjonali li kellha mal-Iran u l-Arabja Sawdija, u jqis l-attivitajiet tagħha bħala ta' valur miżjud u kontribut siewi għall-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Staffan de Mistura; jenfasizza r-rwol li jista' jkollha l-UE fir-rikostruzzjoni u r-rikonċiljazzjoni ta' wara l-kunflitt; itenni s-sostenn totali tiegħu favur l-inizjattiva umanitarja attwali tal-UE għal Aleppo, u jħeġġeġ lill-partijiet kollha jiffaċilitaw l-implimentazzjoni tagħha;
7. Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jieħdu l-miżuri kollha xierqa biex jiżguraw is-sigurtà u s-sikurezza tal-persunal kollu involut f'attivitajiet ta' għajnuna umanitarja fis-Sirja; ifakkar li kull attakk intenzjonat fuq il-ħaddiema umanitarji huwa delitt tal-gwerra; jitlob li ssir inkjesta indipendenti dwar l-inċidenti kollha, u jistenna li dawk responsabbli jagħtu kont ta' għemilhom;
8. Itenni s-sejħa drammatika tar-rappreżentant tal-UNICEF fis-Sirja, b'segwitu tal-attakki numerużi fuq skejjel u fuq faċilitajiet edukattivi oħra, fejn ħeġġeġ lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt u lil dawk li għandhom influwenza fuqhom biex jagħmlu l-protezzjoni tat-tfal prijorità u biex jirrispettaw l-obbligi tagħhom skont id-dritt umanitarju internazzjonali;
9. Jinsab allarmat dwar l-allegazzjonijiet li l-partijiet fit-taqbida qed ikomplu jużaw sustanzi mniżżla fil-lista tal-armi kimiċi taħt il-Konvenzjoni dwar il-Projbizzjoni tal-Iżvilupp, il-Produzzjoni, il-Ħażna u l-Użu ta' Armi Kimiċi u dwar il-Qerda tagħhom; jinsisti bil-qawwa li dawk responsabbli għall-użu ta' armi kimiċi għandhom jinżammu responsabbli; jappoġġa l-estensjoni tal-mandat tal-Mekkaniżmu ta' Investigazzjoni Konġunt tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Projbizzjoni ta' Armi Kimiċi (OPCW), bil-ħsieb li tiġi stabbilita r-responsabbiltà għall-użu tal-armi kimiċi fis-Sirja;
10. Jinsisti fuq il-bżonn li jiġi żgurat li min wettaq ksur u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali jagħti kont ta' għemilu; huwa tal-fehma li l-kwistjoni tar-responsabbiltà għad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità m'għandhiex tiġi ppolitiċizzata; l-obbligu li jiġi rrispettat id-dritt umanitarju internazzjonali f'kull ċirkostanza jirreferi għall-partijiet kollha involuti fil-kunflitt; kull min iwettaq dawn id-delitti kriminali għandu jkun konxju li se jiffaċċja l-ġustizzja, f'xi mument jew ieħor;
11. Jenfasizza li l-ħtieġa li jiġu protetti ċ-ċivili fis-Sirja hija tal-ogħla importanza għal kwalunkwe proċess politiku; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li dawk kollha responsabbli għal vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali jiffaċjaw il-ġustizzja permezz ta' mekkaniżmi tal-ġustizzja kriminali internazzjonali jew qrati tal-ġustizzja nazzjonali li jkunu adegwati u imparzjali, skont il-prinċipju tal-ġurisdizzjoni universali; jilqa' l-ewwel investigazzjonijiet fuq il-bażi ta' dan il-prinċipju li qed iseħħu fil-Ġermanja, Franza u l-Isvezja bil-ħsieb tal-prosekuzzjoni tal-kriminali tal-gwerra li issa jgħixu fl-Ewropa, u jistieden lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jiżviluppaw linji gwida għall-implimentazzjoni ta' dan il-prinċipju minn Stati Membri oħra wkoll; itenni l-appoġġ tiegħu għar-riferiment tal-każ tas-Sirja lill-QKI iżda, fid-dawl tal-inabilità tal-Kunsill tas-Sigurtà li jiddelibera dwar din il-kwistjoni, itenni t-talba tiegħu biex l-UE u l-Istati Membri jmexxu l-isforzi fi ħdan l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti għall-istabbiliment ta' Rapporteur Speċjali dwar id-delitti tal-gwerra fis-Sirja, u biex jikkunsidraw li jmexxu l-idea ta' Tribunal għad-Delitti tal-Gwerra fis-Sirja, bis-sehem u l-appoġġ tal-istati kollha tan-NU li jippromwovu l-ġustizzja internazzjonali; ladarba l-kunflitt jintemm, u bil-għan li tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni, jenfasizza l-importanza tas-sjieda Sirjana tal-proċess;
12. Jiddeplora d-deċiżjoni tal-President Russu Vladimir Putin li jirtira mill-QKI, filwaqt li jinnota li l-Federazzjoni Russa għadha qatt ma rratifikat l-Istatut ta' Ruma u li ż-żmien li fih ittieħdet id-deċiżjoni jimmina l-kredibbiltà tal-pajjiż u jwassal biex jitfasslu konklużjonijiet dwar l-impenn tiegħu favur il-ġustizzja internazzjonali;
13. Jesprimi tħassib dwar id-detenzjoni illegali, it-tortura, it-trattament ħażin, l-għajbien furzat u l-qtil tad-detenuti fil-ħabsijiet tar-reġim u fiċ-ċentri ta' detenzjoni sigrieta mmexxija minn milizzji appoġġati minn barra l-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Sirjani li jimmaniġġjaw dawn iċ-ċentri ta' detenzjoni biex itemmu l-eżekuzzjonijiet u t-trattamenti inumani kollha u jagħtu lin-Nazzjonijiet Uniti jew xi parti newtrali oħra – bħal-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar (KISA) – aċċess immedjat għas-siti kollha kkonċernati, sabiex ikunu jistgħu jwettqu monitoraġġ tas-sitwazzjoni u jipprovdu informazzjoni u appoġġ lill-familji tad-detenuti;
14. Jilqa' r-rieżami tal-miżuri restrittivi tal-UE kontra s-Sirja u individwi li jaqsmu r-responsabbiltà għar-repressjoni tal-popolazzjoni ċivili fil-pajjiż; jenfasizza li l-UE għandha tikkunsidra l-għażliet disponibbli kollha biex tiddefinixxi l-konsegwenzi għall-aktar vjolazzjonijiet u abbużi faħxin tad-drittijiet tal-bniedem mill-awturi kollha tagħhom jekk l-atroċitajiet u n-nuqqas ta' rispett sfaċċat għad-dritt umanitarju jibqgħu għaddejjin;
15. Jenfasizza l-importanza li b'mod effikaċi jitnaqqas l-aċċess għall-iffinanzjar u l-finanzjament tal-attivitajiet ta' Da'esh, li jiġu arrestati l-ġellieda barranin u li jitwaqqaf il-fluss tal-armi lill-gruppi ġiħadisti; jistieden lill-oppożizzjoni Sirjana biex b'mod ċar titbiegħed minn dawn l-elementi u l-ideoloġiji estremisti; ifakkar li l-isforzi għandhom ikunu ffukati fuq ir-rebħa kontra d-Da'esh u gruppi oħra ddeżinjati bħala terroristiċi min-NU;
16. Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri tal-UE, lin-Nazzjonijiet Uniti, lill-membri tal-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.