Dokument ta' sessjoni

 

B8-1254/2016

21.11.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

( 2016/2933(RSP) )

Barbara Lochbihler, Alyn Smith, Bodil Valero, Igor Šoltes, Yannick Jadot, Bart Staes, Judith Sargentini, Rebecca Harms, Helga Trüpel

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8-1254/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fis-Sirja

( 2016/2933(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-Sirja, inkluża dik tas-6 ta' Ottubru 2016[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Novembru 2011 dwar appoġġ tal-UE għall-Qorti Kriminali Internazzjonali: niffaċċjaw l-isfidi u negħlbu d-diffikultajiet[2],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll għat-theddida tad-Da'esh, tal-15 ta' Marzu 2015, kif ukoll dik aġġornata tat-23 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet u r-rapporti mis-Segretarju Ġenerali tan-NU u mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-kunflitt fis-Sirja,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta dwar is-Sirja, stabbilita mill-Kunsill tan-Nazzjonijiet Uniti tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjonijiet 2139 u 2165 (2014) u 2258 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi aktar minn 400 000 persuna, fil-parti l-kbira tagħhom nies ċivili, tilfu ħajjithom sa mill-bidu tal-kunflitt fis-Sirja fl-2011; billi vjolazzjonijiet massivi u rikorrenti tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali twettqu minn kull naħa fil-kunflitt; billi l-parti l-kbira ta' dawn id-delitti jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tar-reġim Sirjan u tal-alleati tiegħu, b'mod partikolari r-Russja;

B.  billi s-sitwazzjoni f'Aleppo ħżienet b'mod drammatiku f'dawn l-aħħar ġimgħat, b'aktar każijiet xokkanti ta' tixrid ta' demm fost iċ-ċittadini kkawżat minn bumbardamenti qawwija mill-ajru mir-reġim ta' Assad u tar-Russja, u fuq skala iżgħar minn sparar indiskriminat mill-gruppi armati mhux tal-istat; billi skont id-dritt internazzjonali l-partijiet fil-kunflitt huma obbligati jieħdu miżuri xierqa biex jipproteġu lil persuni ċivili u l-infrastrutturi ċivili;

C.  billi l-vjolazzjonijiet li twettqu matul il-kunflitt Sirjan inkludew qtil illegali, tortura u trattament ħażin, arresti arbitrarji u tal-massa, attakki mmirati u indiskriminati fuq persuni ċivili, kastig kollettiv, attakki fuq persunal mediku, u ċaħda ta' ikel u ilma; billi dawn id-deltitti s'issa għadhom ma ġewx ikkastigati;

D.  billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU, is-Segretarju Ġenerali tan-NU u l-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem iddikjaraw li twettqu delitti kontra l-umanità kif ukoll delitti tal-gwerra fis-Sirja

E.  billi 9 u l-10 rapport tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU dwar is-Sirja, kif ukoll il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU fir-riżoluzzjonijiet tiegħu 2139 (2014) u 2258 (2015) enfasizzaw il-ħtieġa li tintemm l-impunità fis-Sirja u biex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja;

F.  billi l-ġustizzja, l-istat ta' dritt u l-ġlieda kontra l-impunità jikkostitwixxu elementi essenzjali li jirfdu l-isforzi għall-paċi u għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti;

G.  billi l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU kkonkludiet li l-qrati Sirjani mhumiex mekkaniżmu effettiv li permezz tiegħu jkunu proċessati delitti internazzjonali;

H.  billi s-Sirja ffirmat iżda ma rratifikatx l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI);

I.  billi f'Mejju 2014 il-membri kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU minbarra r-Russja u ċ-Ċina, bl-appoġġ ta' 65 membru ieħor tan-NU u 'l fuq minn 100 NGO Għarbi u internazzjonali, approvaw il-proposta Franċiża li tirreferi s-sitwazzjoni tas-Sirja lill-QKI;

J.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-kamp tar-refuġjati ta' Yarmouk fis-Sirja, il-Parlament talab lill-UE u l-Istati Membri tagħha jikkunsidraw serjament ir-rakkomandazzjoni reċenti tal-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU biex jesploraw l-istabbiliment ta' tribunal speċjali għar-reati mwettqa fis-Sirja;[3]

K.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Ottubru 2016, il-Parlament talab biex dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fis-Sirja jbatu l-konsegwenzi u jinżammu responsabbli;

L.  billi l-istrateġija reġjonali tal-UE għas-Sirja u l-Iraq kif ukoll kontra t-theddid tad-Da'esh tappella għal tħejjija għall-"jum ta' wara", b'referenza għat-tħejjijiet għall-wara l-kunflitt qabel it-tmiem tal-ostilitajiet;

1.  Jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-vjolazzjonijiet mifruxa tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-forzi tar-reġim ta' Assad bl-appoġġ tar-Russja u l-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-vjolazzjonijiet tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-gruppi armati mhux tal-istat, partikolari mill-ISIS/Da'esh u Jabhat Fateh al-Sham;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-klima ta' impunità għal min iwettaq reati serji matul il-gwerra fis-Sirja; iqis li n-nuqqas ta' responsabbiltà jagħti lok għal aktar atroċitajiet u jkompli jżid it-tbatija tal-vittmi;

3.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinsistu mal-partijiet kollha fil-kunflitt fis-Sirja biex b'mod effettiv jimplimentaw id-dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u dawk umanitarji tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar is-Sirja, inkluż billi tintemm il-prattika ta' tortura u ta' trattament ħażin, u jitlob aċċess immedjat u mingħajr xkiel għall-osservaturi internazzjonali rikonoxxuti biex jissorveljaw is-sitwazzjoni tal-persuni kollha mċaħħda mil-libertà tagħhom fis-Sirja;

4.  Jibqa' konvint li la jista' jkun hemm riżoluzzjoni effikaċi u lanqas paċi sostenibbli fis-Sirja mingħajr ma dawk responsabbli minn kull naħa għad-delitti mwettqa matul il-kunflitt jintalbu jirrispondu għal għemilhom, inkluż ir-reġim ta' Assad u l-allejati tiegħu, kif ukoll l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku u gruppi oħra armati bħall-Jabhat Fateh al-Sham;

5.  Jiddeplora l-użu tal-veto miċ-Ċina u r-Russja, bħala membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, kontra r-referenza tas-sitwazzjoni fis-Sirja lill-QKI, u jitlob sforzi ġodda f'din id-direzzjoni;

6.  Jitlob politika komuni tal-UE għal strateġija koordinata ta' responsabilità għad-delitti tal-gwerra u d-delitti kontra l-umanità li saru fis-Sirja; jitlob lill-VP / RGħ tiżvolġi rwol proattiv f'dan ir-rigward;

7.  Itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jesploraw, f'koordinazzjoni mill-qrib ma' pajjiżi bl-istess fehma, il-ħolqien ta' tribunal għad-delitti tal-gwerra fis-Sirja, sakemm issir referenza lill-QKI;

8.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex dawk li jabbużaw jintalbu rendikont, b'mod partikolari bl-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ġuriżdizzjoni universali u permezz tal-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta' ċittadini tal-UE responsabbli għal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità fis-Sirja;

9.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jadottaw miżuri mmirati, inklużi sanzjonijiet, kontra persuni u gruppi, inklużi minn pajjiżi terzi, kif ukoll stati meqjusa implikati fi vjolazzjonijiet flagranti bħal delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;

10.  Jitlob il-kondiviżjoni internazzjonali tal-ismijiet ta' kriminali suspettati u ta' evidenza eżistenti mal-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali sabiex tkun faċilitata l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni kriminali;

11.  Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw it-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-konformità sħiħa mad-dritt umanitarju internazzjonali u dak tad-drittijiet tal-bniedem b'rabta mal-parteċipazzjoni tagħhom fi sforzi ta' koalizzjoni internazzjonali, kif ukoll rigward kooperazzjoni militari ma' partijiet involuti fil-kunflitt;

12.  Jilqa' u jissottolinja l-importanza kritika tal-ħidma tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali fid-dokumentazzjoni tal-evidenza ta' delitti tal-gwerra, ta' delitti kontra l-umanità u vjolazzjonijiet oħra; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jipprovdu aktar għajnuna lil dawn il-parteċipanti;

13.  Iħeġġeġ lill-parteċipanti kollha fil-Grupp Internazzjonali ta' Appoġġ għas-Sirja biex jissuktaw in-negozjati bil-għan li jiffaċilitaw tregwa stabbli u jintensifikaw il-ħidma għas-sejbien ta' soluzzjoni politika dejjiema fis-Sirja, li għandha tinkludi dispożizzjonijiet li jiżguraw ġustizzja tranżitorja fis-Sirja ta' wara l-kunflitt; jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Staffan de Mistura; itenni t-talba tiegħu lill-VP / RGħ biex iġġedded l-isforzi lejn strateġija komuni tal-UE dwar is-Sirja;

14.  Jinsisti dwar l-importanza għall-UE u l-Istati Membri tagħha ta' ppjanar għal irkupru u rikostruzzjoni tas-Sirja fuq terminu twil, inkluż permezz ta' miżuri mfassla biex jippromwovu l-konċiljazzjoni, iħeġġu l-fiduċja u jsaħħu l-istat tad-dritt;

15.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-bini tal-kapaċitajiet taċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili fis-Sirja, inkluż flimkien ma' u permezz ta' parteċipanti li jippromwovu d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza (anke ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tal-minoranzi), id-demokrazija u l-emanċipazzjoni, fejn possibbli f'territorji liberati fis-Sirja kif ukoll għal refuġjati Sirjani li qed jgħixu fl-eżilju fir-reġjun jew fl-Ewropa; jenfasizza li dan il-bini tal-kapaċità jenħtieġ isostni lis-Sirjani biex jindirizzaw it-tranżizzjoni (f'oqsma bħar-regolazzjoni tal-midja, id-deċentralizzazzjoni, l-amministrazzjoni tal-muniċipalitajiet u t-tfassil tal-kostituzzjoni), b'kunsiderazzjoni xierqa għall-ħtiġijiet u r-rwol tan-nisa;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lil-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Viċi President / Rappreżentant Għoli, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Mibgħut Speċjali tan-NU / tal-Lega Għarbija għas-Sirja, u lill-partijiet kollha involuti fil-kunflitt fis-Sirja.

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2016)0382
[2] ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 115.
[3] Testi adottati, P8_TA(2015)0187