Dokument ta' sessjoni
23.11.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara l-mistoqsijiet għal tweġiba orali B8-1812/2016 , B8-1813/2016 u B8-1814/2016
skont l-Artikolu 128(5) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti
( 2016/2988(RSP) )
Ivan Jakovčić, Iskra Mihaylova, Matthijs van Miltenburg, Urmas Paet, Norica Nicolai, Hannu Takkula, Hilde Vautmans
af'isem il-Grupp ALDE
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti
( 2016/2988(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 375/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Korp Volontarju Ewropew ta' Għajnuna Umanitarja (“l-Inizjattiva Voluntiera tal-Għajnuna tal-UE”)[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/96 tal-20 ta' Ġunju 1996 rigward l-għajnuna umanitarja[3],
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-11 ta' April 2011 dwar "Aktar Żvilupp tal-Valutazzjoni tar-Riskju għall-Ġestjoni tad-Diżastri" fl-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 ta' Novembru 2008 li jappellaw għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' protezzjoni ċivili b'sistema ta' assistenza reċiproka Ewropea li tibni fuq l-approċċ modulari tal-protezzjoni ċivili (16474/08),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar it-Titjib tal-kapaċità tal-Unjoni fir-reazzjoni għad-diżastri[4],
– wara li kkunsidra l-mistoqsijiet lill-Kummissjoni dwar is-sitwazzjoni fl-Italja wara t-terremoti ( O-000139/2016 – B8-1812/2016 , O-000140/2016 – B8-1813/2016 u O-000141/2016 – B8-1814/2016 ),
– wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi wara t-terremot devastanti li laqat l-Italja Ċentrali fl-24 ta' Awwissu 2016, tliet terremoti kbar oħra, flimkien ma' sensiela ta' theżżiżiet, laqtu r-reġjuni tal-Italja ċentrali, fis-26 ta' Ottubru b'qawwa ta' 5.5 u 6.1 u fit-30 ta' Ottubru b'qawwa ta' 6.5.
B. billi terremoti u theżżiżiet sekondarji komplew jolqtu l-Italja ċentrali matul ix-xhur li għaddew; billi t-theżżiża li regħdet l-Italja fit-30 ta' Ottubru kienet l-aktar terremot qawwi li laqat lill-pajjiż mill-1980;
C. billi fit-terremoti reċenti aktar minn 400 persuna huma rrappurtati li sfaw midruba u 290 mietu;
D. billi t-terrimoti devastanti jistgħu jakkumulaw f'sensiela ta' riperkussjonijiet u jwasslu għall-ispostament ta' 100 000 resident;
E. billi l-impatt tal-aħħar terremoti qered bliet, ikkawża ħsara serja lill-infrastruttura lokali u reġjonali, irvina l-wirt storiku u kulturali, u kkawża dannu għall-attivitajiet ekonomiċi, speċjalment għall-SMEs, għall-agrikoltura, kif ukoll għall-potenzjal turistiku u gastronomiku;
F. billi t-territorji kkonċernati jbatu minn deformazzjoni li testendi fuq żona ta' madwar 130 kilometru kwadru, bi spostament massimu ta' mill-inqas 70 ċentimetru;
G. billi l-isforzi ta' rikostruzzjoni sostenibbli jeħtieġ li jkunu kkoordinati sew sabiex jingħata rimedju għat-telf ekonomiku u soċjali;
1. Jesprimi l-ikbar solidarjetà u empatija tiegħu mal-individwi u l-familji fit-territorji milquta mit-terremoti, u mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali Taljani involuti fl-sforzi ta' sokkors wara d-diżastru;
2. Japprezza l-isforzi bla waqfien tal-unitajiet tas-salvataġġ, il-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili, il-voluntiera, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali biex jiġu salvati l-ħajjiet u biex titrażżan il-ħsara fiż-żoni devastati;
3. Jissottolinja l-effetti ekonomiċi serji tat-terremoti suċċessivi u l-qerda li ħallew warajhom;
4. Jinnota is-solidarjetà espressa mill-Istati Membri oħra, reġjuni Ewropej u atturi internazzjonali, fil-forma ta' assistenza reċiproka f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;
5. Jissottolinja l-problemi ta' tbassir marbuta ma' sistemi sismiċi u mas-sismiċitá għolja tal-Ewropa tax-Xlokk; jinnota bi tħassib, li f'dawn l-aħħar 15-il sena, eluf ta' persuni mietu u mijiet ta' eluf spiċċaw mingħajr dar minħabba t-terremoti distruttivi li laqtu lill-Ewropa;
6. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd kbir ta' persuni spostati esposti għall-kundizzjonijiet klimatiċi ħarxa tal-istaġun xitwi li ġej; jappella lill-Kummissjoni toffri l-għajnuna meħtieġa kollha lill-awtoritajiet Taljani biex tippermettielhom li jiggarantixxu kundizzjonijiet tal-għajxien deċenti għall-persuni mċaħħda minn djarhom;
7. Jisħaq l-importanza tal-Mekkaniżmu tal-Unjoni Ewropea għall-Protezzjoni Ċivili fit-trawwim ta' kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni ċivili fl-Ewropa f'sitwazzjonijiet diffiċli u fl-imminimizzar tal-effetti ta' avvenimenti eċċezzjonali; jappella lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jissimplifikaw aktar il-proċeduri għall-attivazzjoni tal-Mekkaniżmu sabiex ikun disponibbli immedjatament, b'mod rapidu u effettiv, wara li jseħħ diżastru;
8. Jappella lill-Kummissjoni tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tawtorizza u tipprovdi għal finanzjament rapidu fl-ogħla livell possibbli mill-Fond ta' Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea;
9. Jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-istrumenti kollha disponibbli taħt il-fondi ta' koeżjoni u l-fondi reġjonali jintużaw b'mod effikaċi għall-attivitajiet ta' rikostruzzjoni u għal azzjonijiet oħra meħtieġa f'kooperazzjoni sħiħa mill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali Taljani; jappella lill-Kummissjoni tqis il-possibilità li jintuża l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali biex jiġu sostnuti żoni rurali u attivitajiet agrikoli li sfaw milquta mit-terremoti;
10. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvern tal-Italja u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali fiż-żoni milquta.