Seduta plenarja
24.11.2016
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skont l-Artikolu 108(6) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar it-talba għal opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-ftehim propost bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali
( 2016/3004(RSP) )
Cornelia Ernst, Marina Albiol Guzmán, Kateřina Konečná, Stelios Kouloglou
f'isem il-Grupp GUE/NGL
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-talba għal opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-ftehim propost bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali
( 2016/3004(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 218(11) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra l-opinjoni legali tiegħu tal-14 ta' Jannar 2016,
– wara li kkunsidra l-Opinjoni 1/2016 tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (KEPD) tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerka u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, id-detezzjoni u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali[1],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka ta' Ottubru 2016[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-TFUE u l-Artikoli 7, 8 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Schrems vs il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Data tas-6 ta' Ottubru 2015 li tannulla d-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza[3],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar il-Ftehim dwar id-Data tar-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) bejn l-UE u l-Kanada tat-8 ta' Settembru 2016[4],
– wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja il-Kummissjoni vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tad-9 ta' Marzu 2010[5],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 108(6) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fit-3 ta' Diċembru 2010, il-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-protezzjoni ta' data personali meta din tkun trasferita u proċessata għall-iskop ta' prevenzjoni, investigazzjoni, identifikazzjoni jew prosekuzzjoni ta' reati, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji kriminali (minn hawn 'il quddiem il-"Ftehim Komprensiv");
B. billi t-test tal-ftehim ġie inizjalat fit-8 ta' Settembru 2015;
C. billi l-KEPD u l-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 qajmu mistoqsijiet dwar il-kompatibilità tal-Ftehim Komprensiv mal-Karta u mal-leġiżlazzjoni sekondarja tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, speċjalment fir-rigward tad-dritt għal rimedju ġudizzjarju, tal-aċċess mill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, il-limitazzjoni tad-drittijiet ta' aċċess għas-suġġett tad-data u l-perjodi taż-żamma tad-data;
D. billi, skont il-KEPD, hemm tħassib li l-awtoritajiet superviżorji tal-protezzjoni tad-data (DPAs) fl-Istati Uniti ma jissodisfawx ir-rekwiżiti tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġu kkunsidrati indipendenti b'mod sħiħ u b'setgħat effettivi ta' intervent, peress li hemm tħassib dwar jekk id-DPAs ikunux jistgħu jimblokkaw it-trasferimenti ta' data personali jekk dawn ma jkunux jirrispettaw il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;
E. billi il-Judicial Redress Act (l-Att dwar ir-Rimedju Ġudizzjarju) tal-Istati Uniti ma tannullax l-eżenzjonijiet eżistenti għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data li ċerti sistemi ta' reġistri fl-Istati Uniti jistgħu jipprovdu skont il-US Privacy Act (l-Att dwar il-Privatezza tal-Istati Uniti), bħad-data tal-PNR;
F. billi s-Servizz Legali tal-Parlament ġibed l-attenzjoni għall-fatt li l-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti (speċifikament l-Artikolu 5(3)) se jservi bħala forma ta' deċiżjoni ta' adegwatezza, u joħloq preżunzjoni legali ta' konformità "de iure" mill-Istati Uniti mal-istandards tal-protezzjoni tad-data tal-UE u potenzjalment idgħajjef il-konformità reali mal-liġi tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data;
1. Huwa tal-fehma li hemm inċertezza tad-dritt dwar jekk l-abbozz ta' ftehim huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (l-Artikolu 16 tat-TFUE) u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 7, 8 u 52(1) fir-rigward tad-dritt tal-individiwi għall-protezzjoni tad-data personali u l-Artikolu 47 fir-rigward tad-disponibilità ta' rimedju ġudizzjarju effettiv);
2. Jiddeċiedi li jitlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità tal-ftehim propost mat-Trattati;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jikseb l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja u biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.