Seduta plenarja

 

B8-1305/2016

24.11.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa skont l-Artikolu 108(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar it-talba għal opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

( 2016/3004(RSP) )

Sophia in ‘t Veld, Cecilia Wikström, Angelika Mlinar

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8-1305/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar it-talba għal opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità mat-Trattati tal-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali

( 2016/3004(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-paragrafi 6 u 11 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta' Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni ta' informazzjoni personali marbuta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, approvat f'isem l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' ħidma tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu tad-19 ta' Settembru 2010 dwar ftehim internazzjonali futur bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tkun trasferita u proċessata għall-iskop tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali (DT\830119MT u DT\830120MT),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Novembru 2013 dwar il-Bini mill-Ġdid tal-Fiduċja fil-Flussi tad-Dejta bejn l-UE u l-Istati Uniti ( COM(2013)0846 ),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar il-programm ta' sorveljanza tal-NSA tal-Istati Uniti, il-korpi ta' sorveljanza f'diversi Stati Membri u l-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-UE u dwar il-kooperazzjoni transatlantika fil-Ġustizzja u l-Intern[1],

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu tal-14 ta' Lulju 2014 dwar ftehim internazzjonali futur bejn l-Unjoni Ewropea (UE) u l-Istati Uniti tal-Amerka dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tkun trasferita u proċessata għall-iskop ta' prevenzjoni, investigazzjoni, identifikazzjoni jew prosekuzzjoni ta' reati, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali (DT\1031547MT),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar is-Segwitu għar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Marzu 2014 dwar is-sorveljanza elettronika tal-massa taċ-ċittadini tal-UE,[2]

–  wara li kkunsidra l-opinjoni preliminari tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-Ftehim bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tal-informazzjoni personali relatata mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien u l-prosekuzzjoni ta' reati kriminali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-flussi ta' data transatlantiċi[3],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottata fis-26 ta' Ottubru 2016, dwar il-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-TFUE u l-Artikoli 7, 8, 21, 47 u 52(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta' Marzu 2010 fil-Kawża C-518/07, Il-Kummissjoni Ewropea v Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ottubru 2015 fil-Kawża C-362/14, li fiha d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520 ġiet iddikjarata invalida,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tas-Servizz Legali tiegħu tal-14 ta' Jannar 2016 dwar il-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti (SJ-0784/15),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Avukat Ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-8 ta' Settembru 2016 dwar l-abbozz ta' ftehim bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar it-trasferiment u l-ipproċessar ta' data dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 108(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi f'Novembru 2006 ġie stabbilit Grupp ta' Kuntatt ta' Livell Għoli (HLCG), magħmul minn uffiċjali għolja mill-Kummissjoni, mill-Presidenza tal-Kunsill u mid-Dipartimenti tal-Ġustizzja, tas-Sigurtà Interna u tal-Istat tal-Istati Uniti, biex jesplora modi li jippermettu lill-UE u lill-Istati Uniti jaħdmu aktar mill-qrib u b'mod aktar effiċjenti fl-iskambju ta' informazzjoni dwar l-infurzar tal-liġi, filwaqt li jkun żgurat li l-protezzjoni tad-data personali u l-privatezza jiġu ggarantiti;

B.  billi l-konklużjoni li ntlaħqet fir-rapport finali tal-HLCG ta' Ottubru 2009 kienet li ftehim internazzjonali vinkolanti kemm għall-UE kif ukoll għall-Istati Uniti biex japplikaw prinċipji komuni miftiehma ta' protezzjoni tad-data għat-trasferimenti ta' data transatlantiċi fiż-żona tal-infurzar tal-liġi kien l-aħjar għażla;

C.  billi fit-3 ta' Diċembru 2010 l-Kunsill adotta deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati dwar ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika dwar il-protezzjoni tad-data personali meta din tkun trasferita u proċessata għall-iskop tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu, fil-qafas tal-koperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja f'materji kriminali;

D.  billi fid-29 ta' April 2016 il-Kummissjoni talbet lill-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar l-adozzjoni tal-ftehim;

E.  billi fis-19 ta' Lulju 2016 il-Kunsill iddeċieda jitlob lill-Parlament għall-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

F.  billi l-ftehim ġie inizjalat fid-9 ta' Settembru 2015 u ġie ffirmat fit-2 ta' Ġunju 2016;

G.  billi fis-6 ta' Ottubru 2015 il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-362/14, iddikjarat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2000/520 invalida;

H.  billi l-ftehim, bħala ftehim internazzjonali, jista' fil-fatt ikollu preċedenza fuq leġiżlazzjoni sekondarja tal-Unjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni, u din il-preċedenza tal-Ftehim Komprensiv bejn l-UE u l-Istati Uniti mbagħad tapplika fil-futur għall-pakkett dwar il-protezzjoni tad-data;

I.  billi l-għan tal-ftehim, kif iddikjarat fl-Artikolu 1 tiegħu, huwa li jiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-informazzjoni personali u li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Uniti u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha b'rabta mal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali, inkluż it-terroriżmu;

J.  billi fit-12 ta' Frar 2016 il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ppubblika l-opinjoni preliminari tiegħu dwar il-ftehim, fejn irrakkomanda titjib essenzjali sabiex it-test jikkonforma mal-Karta u mal-Artikolu 16 tat-TFUE, u b'mod partikolari kjarifika li s-salvagwardji kollha japplikaw għall-individwi kollha fl-UE, u mhux biss għaċ-ċittadini tal-UE, l-iżgurar li dispożizzjonijiet ta' rimedju ġudizzjarju jkunu effettivi fis-sens tal-Karta, u kjarifika li trasferimenti ta' data sensittiva f'ammonti kbar ħafna ma jkunux awtorizzati;

K.  billi l-Att dwar ir-Rimedju Ġudizzjarju tal-2015 tal-Istati Uniti ġie stabbilit b'liġi mill-President Obama fl-24 ta' Frar 2016 (H.R.1428), u din tawtorizza lid-Dipartiment tal-Ġustizzja (DOJ) tal-Istati Uniti biex jispeċifika l-pajjiżi barranin jew l-organizzazzjonijiet ta' integrazzjoni ekonomika reġjonali li ċ-ċittadini fiżiċi tagħhom jistgħu jressqu azzjonijiet ċivili skont l-Att dwar il-Privatezza tal-1974 kontra ċerti aġenziji tal-gvern tal-Istati Uniti għall-finijiet ta' aċċess, emenda jew rimedju ta' żvelar illegali ta' rekords trasferiti minn pajjiż barrani lejn l-Istati Uniti għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali;

L.  billi id-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti jista' jispeċifika l-pajjiżi jew l-organizzazzjonijiet li ċ-ċittadini tagħhom jistgħu jfittxu tali rimedji ċivili jekk il-pajjiż jew l-organizzazzjoni tal-persuna jkollhom protezzjonijiet tal-privatezza xierqa għall-kondiviżjoni ta' informazzjoni mal-Istati Uniti, kif previst fi ftehim mal-Istati Uniti jew kif determinat mid-DOJ, jippermettu t-trasferiment ta' data personali għal finijiet kummerċjali bejn it-territorju tagħhom u l-Istati Uniti, u jkollhom politiki ta' trasferiment ta' data ċertifikati mid-DOJ li ma jostakolawx l-interessi tas-sigurtà nazzjonali tal-Istati Uniti;

M.  billi, sal-lum, l-Unjoni Ewropea jew l-Istati Membri tagħha ma ġewx speċifikati mid-Dipartiment tal-Ġustizzja tal-Istati Uniti bħala "pajjiż kopert" biex iċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jressqu azzjonijiet ċivili kontra ċerti aġenziji tal-gvern tal-Istati Uniti skont l-Att dwar il-Privatezza tal-1974;

N.  billi r-rimedji ġudizzjarji mogħtija mill-Att dwar ir-Rimedju Ġudizzjarju tal-Istati Uniti ma jingħatawx lil ċittadini mhux tal-UE fl-Unjoni li d-data personali tagħhom hija pproċessata u trasferita lejn l-Istati Uniti skont dan il-Ftehim;

O.  billi l-leġiżlazzjoni kurrenti tal-Istati Uniti tinkludi diversi limitazzjonijiet u prekundizzjonijiet fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni, il-kawżi tal-azzjoni pprovduta, l-ispeċifikazzjoni tal-aġenziji koperti, u l-applikazzjoni tal-Att dwar il-Privatezza tal-1974 fi kwistjonijiet ta' infurzar tal-liġi;

P.  billi d-data personali pproċessata abbażi tal-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar ir-Reġistru tal-Ismijiet tal-Passiġġieri (PNR) u l-Ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti dwar l-ipproċessar u t-trasferiment ta' Data dwar Messaġġi Finanzjarji mill-Unjoni Ewropea għall-Istati Uniti għall-finijiet tal-Programm dwar ir-Rintraċċar tal-Finanzjament tat-Terroriżmu (TFTP) hija attwalment eżentata mid-dispożizzjonijiet dwar ir-rimedji ċivili skont l-Att dwar il-Privatezza tal-1974;

Q.  billi, fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-26 ta' Ottubru 2016, il-Grupp ta' Ħidma tal-Artikolu 29 dwar il-Protezzjoni tad-Data enfasizza li jistgħu jinħtieġu xi kjarifiki sabiex ikun żgurat li l-livell ta' protezzjoni tad-data personali mogħti mill-Ftehim Komprensiv ikun konsistenti għalkollox mad-dritt tal-UE, u li, b'mod partikolari, għandha tingħata attenzjoni għall-punti li ġejjin: id-definizzjonijiet tal-kunċetti ta' "data personali" u "pproċessar tad-data" jvarjaw mid-definizzjonijiet tal-UE; il-perjodu ta' żamma tad-data għandu jkun definit b'mod aktar strett fir-rigward tal-għan li jrid jintlaħaq; ir-restrizzjonijiet għad-drittijiet ta' aċċess ta' individwu huma wesgħin ħafna u l-aċċess jista' jittejjeb bl-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' dritt ta' aċċess indirett;

1.  Huwa tal-fehma li teżisti inċertezza tad-dritt dwar jekk il-ftehim huwiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tat-Trattati (l-Artikolu 16) u mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (l-Artikoli 7, 8, 21, 47 u 52(1)) fir-rigward tad-dritt tal-individiwi għall-protezzjoni tad-data personali, tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni u tad-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust;

2.  Jiddeċiedi li jitlob opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kompatibilità tal-ftehim mat-Trattati;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni għal skopijiet ta' informazzjoni u biex jieħu l-miżuri neċessarji biex jikseb tali opinjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

[1] Testi adottati, P7_TA(2014)0230
[2] Testi adottati, P8_TA(2015)0388
[3] Testi adottati, P8_TA(2016)0233