Dokument ta' sessjoni

 

B8-1313/2016

28.11.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

( 2016/3001(RSP) )

Isabella Adinolfi, Fabio Massimo Castaldo, Ignazio Corrao, Rolandas Paksas

f'isem il-Grupp EFDD

 

B8-1313/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

( 2016/3001(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Ġunju 2016[1], tal-10 ta' Marzu 2016[2] u tad-9 ta' Lulju 2015[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni preelettorali u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo tas-17 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) tas-16 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet li saru mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / Viċi President tal-Kummissjoni u mill-kelliem tagħha dwar is-sitwazzjoni fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tad-Delegazzjoni tal-UE għar-Repubblika Demokratika tal-Kongo dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, b'mod partikolari dawk tat-23 ta' Novembru 2016 u l-24 ta' Awwissu 2016,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja, li ġie adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fit-22 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Dinji 2016 tal-Human Rights Watch dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari dik tat-23 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, li ġie ppubblikat fis-27 ta' Lulju 2015, dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali tat-23 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-President Kabila dwar l-Istat tan-Nazzjon tal-15 ta' Novembru 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou ffirmat f'Ġunju 2000,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, b'mod partikolari l-Artikoli 22, 23, 24 u 25 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi Joseph Kabila ilu President tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo mill-2001;

B.  billi, skont il-Kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-mandat tal-President huwa limitat għal tnejn, u s-Sur Kabila huwa mistenni jirreżenja f'Diċembru 2016, fi tmiem it-tieni mandat tiegħu;

C.  billi l-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili fl-2015 evitat l-ewwel tentattiv biex tiġi emendata l-kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo sabiex tippermetti lill-President Kabila jikkontesta għat-tielet mandat;

D.  billi deċiżjoni tas-17 ta' Ottubru 2016 li kkonkludiet djalogu politiku mhux inklużiv ipposponiet l-elezzjonijiet li jmiss sa April 2018, wara d-dikjarazzjonijiet uffiċjali ta' dawn l-aħħar xhur mill-President Kabila u l-membri tal-koalizzjoni b'maġġoranza tiegħu li jiddikkjaraw li l-elezzjonijiet għandhom jiġu posposti;

E.  billi dan il-posponiment huwa allegatament minħabba l-ħtieġa li jiġu aġġornati l-listi tal-votanti u minħabba l-kostijiet eċċessivi biex jiġu organizzati l-elezzjonijiet, li l-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI) iddikkjarat li jammontaw għal USD 1.8 biljun;

F.  billi l-Parlament Ewropew diġà kkundanna din is-sitwazzjoni, u jidher li l-President Kabila u l-gvern tiegħu qed jippruvaw jużaw mezzi amministrattivi u tekniċi sabiex idewmu l-elezzjonijiet u jiżguraw li hu jibqa' fil-poter wara t-tmiem tal-mandat kostituzzjonali;

G.  billi, f'Ġunju 2014, l-UE bagħtet missjoni elettorali ta' segwitu fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, li rrimarkat li hemm bżonn ta' lista aġġornata tal-votanti, sistema ġusta biex issolvi tilwim elettorali, kompetizzjoni ġusta bejn il-kandidati, protezzjoni aktar b'saħħitha tal-libertajiet pubbliċi, u l-ġlieda kontra l-impunità;

H.  billi t-tentattiv biex tiġi emendata l-kostituzzjoni u l-posponiment tal-elezzjonijiet ikkawżaw aktar tensjoni politika, kunflitti u vjolenza madwar il-pajjiż kollu;

I.  billi f'dawn l-aħħar xhur is-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tal-espressjoni u tal-għaqda fil-pajjiż marret għall-agħar, kif irrapportati ripetutament minn organizzazzjonijiet għad-drittijiet tal-bniedem, li ġibdu l-attenzjoni lejn l-atti vjolenti ta' ripressjoni kontra dimostranti paċifiċi, ġurnalisti, mexxejja politiċi u persuni oħrajn li jopponu t-tentattivi li jippermettu lill-President Kabila jibqa' fil-poter wara l-limitu ta' żewġ termini previst mill-Kostituzzjoni;

J.  billi, fis-16 ta' Frar 2016, il-gruppi tas-soċjetà ċivili organizzaw strike nazzjonali ("ville morte") biex jiddenunzjaw il-posponiment tal-elezzjonijiet presidenzjali li ġejjin u r-riskji tal-frodi elettorali; billi, fl-istess jum u b'rabta mal-istrike nazzjonali msemmi hawn fuq, l-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo arbitrarjament arrestaw bosta attivisti żgħażagħ u mill-inqas 30 persuna politika li jappoġġjaw l-oppożizzjoni, membri tal-moviment taċ-ċittadini magħruf bħala "Niġġieldu għall-bidla" ("La lutte pour le changement" jew LUCHA), li ġew interrogati mingħajr aċċess għal avukat u f'xi każijiet ġew midruba waqt li kienu taħt arrest;

K.  billi, b'mod partikolari, iktar minn 30 persuna ġew irrappurtati maqtula matul id-dimostrazzjonijiet f'Kinshasa fid-19 u fl-20 ta' Settembru 2016, u ħafna oħrajn għebu, filwaqt li membri tal-moviment LUCHA għadhom qed jiġu detenuti illegalment f'Goma;

L.  billi l-uffiċjali tal-gvern imblukkaw il-libertà tal-espressjoni billi għalqu l-istabbiliment tal-midja bħal RFI u Radju Okapi, billi mmiraw b'mod speċifiku dawk il-messaġġi mxandra dwar il-protesti;

M.  billi l-elezzjonijiet presidenzjali u leġiżlattivi li jmiss u t-tmexxija paċifika, trasparenti, bla xkiel u f'waqtha tagħhom huma ta' importanza kruċjali;

N.  billi l-oppożizzjoni tkellmet favur perjodu ta' tranżizzjoni potenzjali, li jinvolvi wkoll lill-President Kabila, dment li jiġu rispettati l-garanziji kostituzzjonali, li l-kostituzzjoni ma tiġix emendata u li s-Sur Kabila ma jkunx kandidat fl-elezzjonijiet li jmiss;

1.  Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni dejjem aktar instabbli fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo f'kuntest preelettorali inċert u mimli tensjoni u jafferma mill-ġdid r-responsabbiltà primarja tal-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo li jagħmlu l-elezzjonijiet kif xieraq;

2.  Itenni t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Lvant tal-pajjiż;

3.  Ifakkar li, fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo hija impenjata li tirrispetta d-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-istampa u l-prinċipji tal-istat tad-dritt;

4.  Jisħaq fuq il-fatt li l-kriżi politika tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo tista' tissolva biss permezz ta' impenn pubbliku u espliċitu min-naħa tal-partijiet interessati kollha sabiex jirrispettaw il-kostituzzjoni attwali – b'mod partikolari fir-rigward tal-limitazzjoni tal-mandati presidenzjali – kif ukoll bi djalogu politiku sostanzjali, inklużiv, imparzjali u trasparenti;

5.  Jinsab imħasseb dwar il-falliment tad-djalogu li sar mal-awtoritajiet tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, fil-qafas tal-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, bil-għan li jinkisbu kjarifiki definittivi dwar il-proċess elettorali; iħeġġeġ lill-UE biex minnufih tniedi proċedura skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim u tadotta sanzjonijiet immirati kontra l-uffiċjali għolja, l-uffiċjali tas-sigurtà u tal-intelligence u l-aġenti tal-forzi armati responsabbli għar-ripressjoni vjolenti tad-dimostrazzjonijiet u l-impass politiku li qed tipprevjeni tranżizzjoni kostituzzjonali u paċifika tal-poter;

6.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar id-deċiżjoni meħuda minn CENI, u jfakkar li għandha tkun istituzzjoni imparzjali u inklużiva mogħnija b'riżorsi suffiċjenti;

7.  Jiddeplora t-telf ta' ħajjiet matul id-dimostrazzjonijiet ta' dawn l-aħħar xhur, u jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe użu ta' forza kontra dimostranti paċifiċi u membri tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ġurnalisti;

8.  Jikkundanna bil-qawwa l-projbizzjoni ta' dimostrazzjonijiet paċifiċi u l-intimidazzjoni u l-fastidju tal-oppożizzjoni, tas-soċjetà ċivili u tal-midja, li jikkostitwixxu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ostakli għat-tħejjija ta' tranżizzjoni paċifika u demokratika;

9.  Jikkundanna l-għadd kbir ħafna ta' arresti li saru wara l-avvenimenti tad-19 u l-20 ta' Settembru 2016, li jqajmu tħassib serju fir-rigward tal-konformità mal-proċeduri ġuridiċi u l-impenn li tkun żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura;

10.  Itenni li r-responsabbiltà ewlenija tal-forzi tas-sigurtà hija biex iżommu l-ordni pubbliku waqt li jiżguraw ir-rispett tal-libertajiet fundamentali;

11.  Iħeġġeġ lill-Gvern tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo jagħmel aktar progress fid-demokratizzazzjoni tal-pajjiż u, għal dan il-għan, jibni b'mod attiv fuq ir-rakkomandazzjonijiet inklużi fir-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE fl-2011 u r-rapport dwar il-missjoni ta' segwitu li saret fl-2014; jitlob lill-Gvern jagħmel impenn ċar biex jiżgura li d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt jiġu rispettati u biex iwaqqaf kull użu tas-sistema ġudizzjarja bħala għodda politika; jappella għal investigazzjoni indipendenti biex tistabbilixxi malajr ir-responsabbiltajiet individwali fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem imsemmija hawn fuq;

12.  Jappella għall-ħelsien tal-priġunieri politiċi kollha u biex jaqgħu il-prosekuzzjonijiet politikament motivati kontra l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili, kif ukoll għar-riabilitazzjoni tal-persuni vittmi ta' sentenzi motivati politikament;

13.  Jinsab konvint li l-organizzazzjoni f'waqtha u b'suċċess tal-elezzjonijiet se tkun kruċjali għall-istabbiltà fit-tul u għall-iżvilupp tal-pajjiż u tar-reġjun kollu; jafferma li l-elezzjonijiet għandhom isiru f'konformità sħiħa mat-test u l-ispirtu tal-kostituzzjoni tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, u f'konformità mal-prinċipji tal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, li r-Repubblika Demokratika tal-Kongo hija mħeġġa tirratifika mingħajr dewmien;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-Kunsill tan-NU tad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-President, il-Prim Ministru u l-Parlament tar-Repubblika Demokratika tal-Kongo.

[1] Testi adottati, P8_TA(2016)0290
[2] Testi adottati, P8_TA(2016)0085
[3] Testi adottati, P8_TA(2015)0278