Dokument ta' sessjoni

 

B8-1341/2016

12.12.2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar l-appoġġ għas-superstiti tat-thalidomide

( 2016/3029(RSP) )

Esteban González Pons, Elisabetta Gardini, Pilar Ayuso, Giovanni La Via, Rosa Estaràs Ferragut, Francesc Gambús, Barbara Matera

f'isem il-Grupp PPE

Kathleen Van Brempt, Miriam Dalli, Susanne Melior, Soledad Cabezón Ruiz, Nicola Caputo, Renata Briano, Jo Leinen, Nessa Childers, Damiano Zoffoli

f'isem il-Grupp S&D

Julie Girling, Syed Kamall, Daniel Dalton, Helga Stevens, Geoffrey Van Orden

f'isem il-Grupp ECR

Beatriz Becerra Basterrechea, Izaskun Bilbao Barandica, Marian Harkin, Maite Pagazaurtundúa Ruiz

f'isem il-Grupp ALDE

Lynn Boylan, Kateřina Konečná, Estefanía Torres Martínez, Josu Juaristi Abaunz, Merja Kyllönen, Younous Omarjee, Anja Hazekamp, Fabio De Masi, Marisa Matias, Martina Michels, Jiří Maštálka, Paloma López Bermejo, Ángela Vallina, Sofia Sakorafa, Javier Couso Permuy, Marina Albiol Guzmán

f'isem il-Grupp GUE/NGL

Ernest Urtasun, Jill Evans, Michèle Rivasi, Terry Reintke, Igor Šoltes, Martin Häusling, Bart Staes, Yannick Jadot

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8-1341/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-appoġġ għas-superstiti tat-thalidomide

( 2016/3029(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-emendar mistenni tal-Att dwar il-Fondazzjoni tat-Thalidomide, li jista' jintuża mill-Gvern Ġermaniż biex jippermetti lil dawk is-superstiti tat-thalidomide li ġew akkreditati bħala tali minn skemi fiduċjarji maħtura mill-qrati, jew inkella huma benefiċjarji ta' skemi ta' gvernijiet nazzjonali, ikollhom aċċess kollettiv għall-Fond Speċjali tas-Saħħa tal-Conterganstiftung (Fondazzjoni tat-Thalidomide) tal-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra d-Digriet Irjali Spanjol 1006/2010 tal-5 ta' Awwissu 2010, li jirregola l-proċedura għall-għoti ta' għajnuna lil persuni affettwati mit-thalidomide fi Spanja matul il-perjodu 1960-1965,

–  wara li kkunsidra l-għadd approssimattiv ta' superstiti tat-thalidomide fl-UE (madwar 2 700 ruħ fil-Ġermanja (sors: il-Gvern Ġermaniż), madwar 500 ruħ fl-Italja (sors: VITA – Associazione Vittime Italiane Thalidomide), 500 ruħ fir-Renju Unit, 100 ruħ fl-Iżvezja (sors: studju ta' DLA Piper), u 200 ruħ fi Spanja (sors: Avite Spain)),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Università ta' Heidelberg bit-titolu "Wiederholt durchzuführende Befragungen zu Problemen, speziellen Bedarfen und Versorgungsdefiziten von contergangeschädigten Menschen (2010-2013)" (Stħarriġ li għandu jsir ripetutament dwar il-problemi, il-ħtiġijiet speċjali u n-nuqqasijiet ta' kura esperjenzati mill-vittmi tat-thalidomide), li jagħti tagħrif dettaljat dwar il-problemi jikbru tas-saħħa, il-ħtiġijiet speċifiċi u n-nuqqasijiet fl-appoġġ għas-superstiti tat-thalidomide,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Firefly ta' Jannar 2015 li rrileva d-deterjorament fis-saħħa fiżika u emozzjonali tas-superstiti tat-thalidomide u l-ħtiġijiet futuri tagħhom[1],

–  wara li kkunsidra r-rapport ikkummissjonat mid-Dipartiment tas-Saħħa tal-Istat Ġermaniż ta' Nordrhein-Westfalen f'Mejju 2015, li jinvestiga l-kwalita tal-ħajja ta' superstiti tat-thalidomide u jipprevedi l-ħtiġijiet tagħhom fil-ġejjieni[2],

–  wara li kkunsidra l-Ittri Miftuħa mill-Presidenti tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew, li jenfasizzaw li s-superstiti tat-thalidomide jgħixu b'uġigħ kroniku debilitanti u jbatu minn ħtiġijiet mhux moqdija,

–  wara li kkunsidra l-konferenza stampa li saret fis-27 ta' Mejju 2015 fil-Parlament Ewropew fi Brussell, li matulha Membri tal-PE mill-gruppi politiċi kollha saħqu fuq il-ħtieġa li s-superstiti tat-thalidomide jingħataw appoġġ għall-ħtiġijiet tas-saħħa tagħhom[3],

–  wara li kkunsidra ċ-ċelebrazzjonijiet kommemorattivi tal-UE f'Settembru 2015, fl-okkażjoni tal-50 sena mill-adozzjoni tal-ewwel regolamenti farmaċewtiċi fl-Ewropa bl-għan li jipproteġu ċ-ċittadini tal-UE, li huwa rikonoxximent ulterjuri li leġiżlazzjoni farmaċewtika effikaċi hija legat dejjiemi għall-eluf ta' mwiet ta' trabi tat-twelid u għad-difetti gravi fit-twelid li rriżultaw mill-konsum tat-thalidomide matul it-tqala,

–  wara li kkunsidra l-Mistoqija Orali u d-dibattitu dwar it-thalidomide fil-plenarja ta' Marzu 2016 fi Strasburgu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-5 ta' Marzu 2015 mill-uffiċċju tal-avukati internazzjonali Ince and Co., li tiddeskrivi kif in-nuqqas ta' sorveljanza farmaċewtika u t-tneħħija ta' evidenza dwar l-effetti tat-thalidomide kellhom impatt fuq is-saħħa tal-vittmi tal-mediċina[4],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Ġunju 2016 tal-Gvern Federali Ġermaniż dwar il-ħtieġa li tittieħed responsabbiltà għas-superstiti tat-thalidomide u li dawn jingħataw appoġġ mhux burokratiku[5],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-mediċina thalidomide kienet ikkummerċjalizzata minn Chemie Grünenthal GmbH fi tmiem il-ħamsinijiet u fil-bidu tas-sittinijiet bħala mediċina sikura għat-trattament tad-dardir ta' filgħodu, l-uġigħ ta' ras, is-sogħla, l-insomnja u l-irjiħat; billi rriżultat fil-mewt u l-malformazzjoni ta' eluf ta' trabi meta ttieħdet minn nisa tqal f'ħafna pajjiżi Ewropej;

B.  billi dokumenti minn żmien l-iskandlu tat-thalidomide, li ġew ivverifikati b'mod indipendenti mill-uffiċċju tal-avukati internazzjonali Ince and Co., juru li kien hemm nuqqas kbir ta' sorveljanza farmaċewtika effikaċi fir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, bil-kontra ta' pajjiżi oħra bħall-Istati Uniti tal-Amerika, Franza, il-Portugall u t-Turkija;

C.  billi riċerka vverifikata b'mod indipendenti[6] twassal għal inferenza ineżorabbli li fl-1970, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja interferiet fil-proċedimenti kriminali kontra Chemie Grünenthal GmbH, il-manifattur Ġermaniż tat-thalidomide, u, b'konsegwenza, ma setgħetx tiġi stabbilita sew il-ħtija tal-manifattur; billi, barra minn hekk, ittieħdu passi biex jiġu evitati proċedimenti ċivili kontra din il-kumpanija, li probabbilment ma ppermettewx li ssir ġustizzja mal-vittmi jew li dawn jingħataw appoġġ finanzjarju xieraq għall-problemi tas-saħħa kurrenti u futuri tagħhom;

D.  billi rapporti indipendenti ppubblikati reċentement fil-Ġermanja (Rapport tal-Università ta' Heidelberg u Rapport tal-Università ta' Cologne[7]) u fir-Renju Unit (Rapport Firefly) jikkonkludu li s-superstiti tat-thalidomide jeħtieġu aktar appoġġ għall-ħtiġijiet tas-saħħa mhux moqdija tagħhom, għall-mobilità u għal għajxien indipendenti, peress li ġisimhom qed jiddeterjora rapidament minħabba n-natura tad-diżabilitajiet tagħhom u n-nuqqas ta' appoġġ matul is-snin sa minn twelidhom;

E.  filwaqt li jirrikonoxxi li, waqt li l-Ġermanja ġġorr responsabblità partikolari, gvernijiet nazzjonali oħra huma responsabbli wkoll biex jiżguraw it-trattament ġust tas-superstiti tat-thalidomide tagħhom stess;

F.  filwaqt li jirrikonoxxi li l-Presidenti tal-gruppi politiċi tal-Parlament Ewropew, f'Ittri Miftuħa, appoġġaw l-isforzi intiżi biex jgħinu lis-superstiti tat-thalidomide fir-rigward tal-ħtiġijiet tas-saħħa tagħhom;

G.  filwaqt li jfakkar fil-konferenza stampa li saret f'Mejju 2015 fi Brussell, appoġġata mill-gruppi politiċi kollha tal-Parlament Ewropew, li enfasizzat il-ħtiġijiet tas-saħħa li baqgħu ma nqdewx tas-superstiti tat-thalidomide;

H.  filwaqt li jfakkar illi fi Brussell, f'Settembru 2015, il-Kummissjoni ċċelebrat il-50 anniversarju mill-adozzjoni tal-ewwel biċċa leġiżlazzjoni farmaċewtika tal-UE, li fil-biċċa l-kbira nħolqot b'riżultat tal-iskandlu tat-thalidomide; filwaqt li jenfasizza li waqt li l-istrutturi regolatorji li ġew żviluppati sussegwentement kienu strumentali fil-protezzjoni ta' miljuni ta' ċittadini tal-UE minn diżastri simili matul l-aħħar 50 sena, is-superstiti tat-thalidomide ilhom jgħixu bil-konsegwenzi debilitanti u li jikkawżaw l-uġigħ tal-mediċina;

I.  filwaqt li jfakkar li matul id-dibattitu fil-plenarja fi Strasburgu f'Marzu 2016, Membri tal-PE mill-gruppi politiċi kollha enfasizzaw l-urġenza li jiġu appoġġati l-ħtiġijiet mhux moqdija tas-superstiti tat-thalidomide, u l-Kummissarju Ewropew għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, Vytenis Andriukaitis, qal li jirrikonoxxi r-rieda li tinstab soluzzjoni xierqa għas-superstiti kollha tat-thalidomide li ttejjeb il-kwalità ta' ħajjithom;

J.  filwaqt li jinnota li issa hemm kemm l-opportunità kif ukoll ir-rieda fil-Parlament Ewropew u fil-Kummissjoni, skont standards etiċi u umanitarji, li jinstab rimedju għall-ħsara li saret minħabba n-nuqqas ta' kontroll farmaċewtiku u t-tneħħija sussegwenti tal-evidenza, li wasslu għat-traġedja tat-thalidomide;

K.  filwaqt li jtenni d-dikjarazzjoni li saret f'Ġunju 2016 mill-Gvern Federali Ġermaniż[8] li jrid jerfa' r-responsabbiltà u jipprovdi appoġġ finanzjarju, mingħajr proċeduri amministrattivi burokratiċi u testijiet individwali li jdumu ħafna;

L.  filwaqt li jinnota li l-Gvern Federali Ġermaniż[9] irrikonoxxa, f'Ġunju 2016, li bidla fl-Att dwar il-Fondazzjoni tat-Thalidomide fil-Ġermanja kienet meħtieġa u fattibbli qabel Jannar 2017;

M.  filwaqt li jinnota li ħafna superstiti madwar l-UE spiss ma jkunux jistgħu japplikaw għal finanzjament biex ikopru l-ispejjeż tas-servizzi soċjali, li bħalissa huma l-akbar tħassib għas-superstiti tat-thalidomide li, illum li għandhom etajiet li jvarjaw bejn il-ħamsin u s-sebgħin sena, se jiġu bżonn dawn is-servizzi ħafna aktar spiss fis-snin li ġejjin, billi dawk li jieħdu ħsiebhom, li ħafna drabi jkunu s-sħab jew il-qraba tagħhom, jistgħu jimirdu jew imutu huma stess;

1.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkoordinaw azzjonijiet u miżuri intiżi biex is-superstiti tat-thalidomide jiġu rikonoxxuti formalment u jingħataw kumpens;

2.  Iħeġġeġ lill-Gvern Federali Ġermaniż juża l-opportunità ippreżentata mill-emendar mistenni tal-Att dwar il-Fondazzjoni tat-Thalidomide biex jippermetti lis-superstiti tat-thalidomide, li ġew akkreditati bħala tali minn skemi fiduċjarji maħtura mill-qrati, jew inkella huma benefiċjarji ta' skemi ta' gvernijiet nazzjonali, ikollhom aċċess għall-Fond Speċjali tas-Saħħa tal-Conterganstiftung für behinderte Menschen (Fondazzjoni tat-Thalidomide għal Persuni b'Diżabilitajiet) tal-Ġermanja;

3.  Jitlob li s-superstiti tat-thalidomide mir-Renju Unit, Spanja, l-Italja, l-Iżvezja u Stati Membri oħra jitħallew jużaw l-iskema fuq bażi ta' grupp meta l-istatus tagħhom bħala individwi affettwati mit-thalidomide ikun ġie aċċettat bħala bona fide f'pajjiżhom stess;

4.  Jitlob lill-awtoritajiet Spanjoli jirrieżaminaw il-proċess mibdi mill-gvern fl-2010, u jiffaċilitaw l-identifikazzjoni u l-kumpens xierqa tas-superstiti Spanjoli tat-thalidomide fl-iskema nazzjonali tagħhom, kif iddikjarat fil-Proposta Mhux Leġiżlattiva dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Affettwati mit-Thalidomide (161/000331), approvata b'mod unanimu mill-Kungress Spanjol fl-24 ta' Novembru 2016;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħloq protokoll qafas fil-livell Ewropew, li permezz tiegħu ċ-ċittadini Ewropej kollha affettwati mit-thalidomide jirċievu ammonti simili ta' kumpens, irrispettivament minn liema Stat Membru jkunu ġejjin, u tfassal programm tal-UE ta' assistenza u appoġġ (inklużi dispożizzjonijiet kemm finanzjarji kif ukoll ta' welfare) għall-vittmi tat-thalidomide u l-familji tagħhom;

6.  Jitlob lill-kumpanija Grünenthal terfa' r-responsabbiltajiet tagħha;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri.

[1] http://www.thalidomidetrust.org/wp-content/uploads/2014/01/Firefly-report-March-2015.pdf 
[2] http://www.thalidomidetrust.org/wp-content/uploads/2016/04/The-Cologne-Report.pdf 
[3]http://www.fiftyyearfight.org/latest/europe-speaks-loudly-with-one-voice:-press-conference 
[4] http://www.fiftyyearfight.org/images/Appendix_1._Ince_letter.pdf 
[5] http://www.bmfsfj.de/BMFSFJ/kinder-und-jugend,did=225796.html 
[6] http://www.fiftyyearfight.org/images/Appendix_1._Ince_letter.pdf 
[7] http://www.thalidomidetrust.org/wp-content/uploads/2016/04/The-Cologne-Report.pdf 
[8] https://www.bmfsfj.de/bmfsfj/aktuelles/alle-meldungen/leistungen-sollen-gerechter-verteilt-werden/90418?view=DEFAULT 
[9] https://www.bmfsfj.de/bmfsfj/aktuelles/alle-meldungen/leistungen-sollen-gerechter-verteilt-werden/90418?view=DEFAULT