Dokument ta' sessjoni

 

B8-0143/2017

8.2.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

( 2017/2525(RSP) )

Gianni Pittella, Sorin Moisă

f'isem il-Grupp S&D

 

B8-0143/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

( 2017/2525(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftehim propost bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea dwar Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada fuq naħa, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-16-il summit UE-Kanada tat-30 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra l-Istrument Interpretattiv Konġunt dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha tas-27 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra t-38 dikjarazzjoni li se jiddaħħlu fil-minuti tal-Kunsill tas-27 ta' Ottubru 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 dwar ir-relazzjonijiet kummerċjali UE-Kanada[1],

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-valutazzjoni ta' impatt ta' sostenibbiltà relatat man-negozjati tas-CETA ta' Ġunju 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' ( COM(2015)0497 ),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ġunju 2016 dwar strateġija futura ġdida progressiva u innovattiva dwar il-kummerċ u l-investiment[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar Negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fil-ftehimiet ta' kummerċ internazzjonali[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali[5],

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 207(3), 218, 168 tiegħu u 191 tiegħu relatati mal-prinċipju ta' prekawzjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi n-negozjati UE-Kanada għal Ftehim ta' Kummerċ Ekonomiku Komprensiv (CETA) ġew konklużi f'Ottubru 2014 wara seba' snin ta' negozjati, bl-iffirmar finali li seħħ fit-30 ta' Ottubru 2016;

B.  billi s-CETA jirrappreżenta l-ewwel ftehim ekonomiku komprensiv tal-UE b'ekonomija tal-Punent ferm industrijalizzata, li jippreżenta lill-esportaturi tal-UE b'opportunitajiet ta' esportazzjoni ġodda li jistgħu jippromwovu l-impjiegi u t-tkabbir fl-UE; billi jista' jkun hemm ir-riskju li ċerti setturi sensittivi jistgħu jkunu affettwata b'mod negattiv;

C.  billi l-UE u l-Kanada huma sħab tal-istess fehma li jikkondividu l-istess valuri fundamentali, inklużi r-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, u l-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà u tal-ambjent, kif ukoll id-diversità kulturali u lingwistika u l-libertà u pluraliżmu tal-mezzi tal-komunikazzjoni, li kollha kemm huma jinsabu dikjarati fil-preambolu tas-CETA;

D.  billi s-CETA se jipprovdi għat-tneħħija ta' tariffi għal 98.6% tal-linji tariffarji kollha tal-Kanada u għal 98.7% tal-linji tariffarji tal-UE, bit-tariffi industrijali jitneħħew kompletament; billi l-Kanada se telimina 90.9% tal-linji tariffarji agrikoli wara d-dħul fis-seħħ tas-CETA u l-UE se telimina 93.8% b'uħud mill-prodotti sensittivi jkunu inklużi permezz tal-kwoti tariffarji (TRQs) jew esklużi kollha kompletament, u bl-UE tkabbar il-kwoti ta' importazzjoni tagħha għall-majjal u ċ-ċanga ħielsa mill-ormoni; billi s-CETA se jwassal biex għall-ewwel darba l-provinċji Kanadiżi jiftħu s-swieq tal-akkwist tagħhom għal offerenti barranin, li kollha jippreżentaw aktar opportunitajiet għall-UE; billi s-CETA jippermetti l-użu ta' kriterji ambjentali u tax-xogħol f'kuntratti ta' akkwist pubbliku;

E.  billi s-CETA se jtejjeb il-mobbiltà tal-ħaddiema billi jagħmilha aktar faċli għal kumpaniji li b'mod temporanju jċaqilqu persunal bejn l-UE u l-Kanada u billi jħeġġeġ ftehimiet ta' rikonoxximent reċiproku li jippermettu lill-professjonisti kwalifikati jaħdmu kemm fl-UE kif ukoll fil-Kanada;

F.  billi kritika sostnuta u xettiċiżmu pubbliku lejn il-metodi ta' negozjati kummerċjali wasslu biex jogħla l-livell ta' trasparenza fi ftehimiet kummerċjali oħra tal-UE, b'aċċess imtejjeb għal dokumenti, rappurtar regolari dwar in-negozjati u komunikazzjonijiet imtejba; billi xorta għad għandu jsir titjib ulterjuri; billi n-negozjati tas-CETA wrew li l-ftehimiet kummerċjali ma jistgħux jiġu negozjati aktar bil-moħbi;

G.  billi kemm il-Parlament Kanadiż kif ukoll dak Ewropew issorveljaw u sawru b'mod attiv in-negozjati fuq bażi regolari u wrew ideat u tħassib matul il-proċess kollu abbażi ta' feedback u impenn maċ-ċittadini, trade unions, SMEs u gruppi oħra tas-soċjetà ċivili;

H.  billi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili ser ikunu involuti fid-diskussjonijiet dwar aspetti ta' żvilupp sostenibbli tal-ftehim permezz tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tas-CETA, u billi l-għamla tal-forums tas-soċjeta ċivili jridu dejjem jippromwovu rappreżentanza bilanċjata tal-partijiet interessati rilevanti u ta' partijiet interessati oħra; billi s-CETA huwa wieħed mill-ewwel ftehimiet kummerċjali tal-UE li jinkludi obbligu għal kull parti li tqis is-sottomissjonijiet mill-pubbliku dwar kwistjonijiet ta' żvilupp sostenibbli relatati;

I.  billi l-kummerċ ħieles u ġust jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għal prosperità u jista' jintuża bħala strument li jippromwovi aġenda ta' ġustizzja soċjali u ta' żvilupp sostenibbli kemm fl-UE kif ukoll fid-dinja kollha; billi s-CETA jista' jippreżenta opportunità għall-UE u l-Istati Membri tagħha biex ikomplu jippromwovu standards għolja tal-UE fosthom fl-oqsma tad-drittijiet tax-xogħol, tal-protezzjoni ambjentali, tad-drittijiet tal-konsumaturi u tal-benessri pubbliku fil-ftehimiet kummerċjali tagħhom; billi, madankollu, mekkaniżmu ta' rimedju bbażat fuq is-sanzjonijiet għall-ksur ma ġiex inkluż fis-CETA, imma ż-żewġ partijiet qablu li jindirizzaw dan f'reviżjoni bikrija;

J.  billi kummerċ ħieles bħala element essenzjali tal-globalizzazzjoni ilu fiċ-ċentru ta' dibattitu pubbliku, bis-soċjetà ċivili tesprimi tħassib dwar l-impatti negattivi possibbli tas-CETA fuq il-konsumaturi u minħabba li bosta mill-profitti jistgħu jispiċċaw għand korporazzjonijiet; billi studji differenti li użaw metodoloġiji differenti wasslu għal riżultati diverġenti dwar l-impatt tal-ħolqien tal-impjiegi mis-CETA; billi, fl-UE, l-effettività tal-għodod eżistenti li jistgħu jgħinu l-ħaddiema li jkunu tilfu l-impjieg bħala riżultat tal-globalizzazzjoni jadattaw għal opportunitajiet u sfidi ġodda, inkluż ftehimiet kummerċjali bilaterali bħas-CETA, iridu jiġu mtejba aktar u komplementati b'mekkaniżmi addizzjonali li jfittxu li jantiċipaw l-impatti negattivi;

K.  billi s-CETA jippreserva l-abbiltà tal-UE u tal-Istati Membri li jadottaw u japplikaw il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom stess biex jilħqu objettivi ta' politika pubblika leġittimi bħall-protezzjoni u l-promozzjoni tas-saħħa pubblika, is-servizzi soċjali, l-edukazzjoni, is-sikurezza, l-ambjent, il-morali pubblika, il-protezzjoni soċjali u tal-konsumatur, il-privatezza, il-protezzjoni tad-data u l-promozzjoni tad-diversità kulturali; billi l-UE u l-Kanada taw attenzjoni partikolari biex jiżguraw li t-test tas-CETA u l-Istrument Interpretattiv Konġunt jirriflettu espliċitament il-fehim komuni tagħhom li l-gvernijiet u l-parlamenti m'għandhomx ikunu u lanqas mhu se jkunu miżmuma milli jsegwu politiki pubbliċi leġittimi;

L.  billi s-CETA jirrikonoxxi d-drittijiet tal-Istati Membri fil-livelli kollha li jiddefinixxu u jipprovdu servizzi pubbliċi f'oqsma bħas-servizzi tas-saħħa nazzjonali, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, il-housing u l-provvista tal-ilma; billi l-UE u l-Istati Membri tagħha jirriżervaw id-dritt li jadottaw jew ibiddlu kwalunkwe miżura għal dawk is-servizzi li jirċievu fondi pubbliċi jew kwalunkwe forma ta' sostenn pubbliku; billi l-Parlament diġà kien tal-fehma, fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011, li l-użu ta' "approċċ ta' lista negattiva" fis-CETA għandu jidher bħala eċċezzjoni u mhux iservi bħala preċedent għal negozjati kummerċjali futuri; billi Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi tad-WTO (GATS) hu bbażat fuq approċċ ta' lista pożittiva;

M.  billi kien hemm dubji persistenti dwar il-ħtieġa ta' mekkaniżmu ta' tilwim dwar l-investiment bejn żewġ demokraziji maturi; billi s-CETA oriġinarjament kien fiha sistema ta' arbitraġġ ad hoc (l-hekk imsejjaħ mekkaniżmu ta' soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS)), li kien ferm ikkritikat pubblikament għaliex ma wassalx għall-bilanċ ġust bejn li jipproteġi l-investituri u jissalvagwardja d-dritt tal-UE u tal-Istati Membri tagħha u l-kapaċità li jirregola fl-interess pubbliku, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' trasparenza u ta' garanziji dwar l-imparzjalità u l-kompetenza professjonali tal-arbitri;

N.  billi, wara r-rwol ewlieni li żvolġa l-grupp S&D fil-Parlament Ewropew, it-tħassib tas-soċjetà ċivili u tal-pubbliku dwar l-ISDS, il-Parlament talab li dan jitneħħa, u b'hekk il-Kummissjoni ipproponiet li tissostitwih b'Sistema ta' Qorti tal-Investiment (ICS) f'Settembru 2015; billi l-ICS fis-CETA tirrapreżenta pass ewlieni 'l quddiem fil-mod li bih jiġi riżolt it-tilwim, billi tiżgura l-istabbiliment ta' tribunal permanenti b'imħallfin allokati b'mod każwali għal kull każ, tribunal permanenti tal-appell, regoli stretti dwar konflitti ta' interess u kodiċi ta' kondotta infurzabbli mill-President tal-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja; billi aktar elementi tal-ICS jeħtieġ li jkunu mtejba malajr kemm jista' jkun qabel tingħata n-notifika finali dwar id-dħul fis-seħħ tas-CETA skont l-Artikolu 30.7(2), bħalma hu aktar titjib fosthom il-ħatra ta' mħallfin u r-remunerazzjoni tagħhom, ġabra kompleta ta' regoli dwar il-kondotta etika u l-mekkaniżmu ta' sanzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' dawk ir-regoli;

O.  billi s-CETA tejbet uħud mid-dispożizzjonijiet sostantivi dwar il-protezzjoni tal-investiment; billi dispożizzjonijiet imsaħħa relatati mat-trasparenza jipprovdu garanziji adegwati li t-tilwim mhux se jibqa' jiġi riżolt "bil-moħbi"; billi dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment riformati, kif ukoll l-ICS, kif inkluża fis-CETA, se jissostitwixxu t-tmin trattati bilaterali eżistenti bejn l-Istati Membri u l-Kanada, li qajmu tħassib fil-passat f'termini ta' nuqqas ta' trasparenza u ta' salvagwardji suffiċjenti għad-dritt tal-gvern li jirregola u li jinkludi s-sistema tossika ISDS;

P.  billi rikonoxximent espliċitu tad-dritt li tirregola, oriġinarjament preżenti biss fil-preambolu tas-CETA, kien introdott fit-test finali bl-intenzjoni li jevita r-riskju tal-hekk imsejjaħ "iffriżar regolatorju", li bih il-gvernijiet iħossuhom miżmuma milli jsegwu miżuri ta' politika pubblika leġittima u milli jirregolaw sabiex jakkwistaw objettivi ta' politika pubblika leġittima f'oqsma bħas-saħħa pubblika, is-sikurezza, l-ambjent, il-morali pubblika, il-protezzjoni soċjali u tal-konsumatur u l-promozzjoni tad-diversità kulturali;

Q.  billi l-gvern nazzjonali Belġjan impenja lilu nnifsu li l-ICS tkun ivvalutata mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja biex tivverifika l-kompatibbiltà tagħha mad-dritt tal-UE;

R.  billi l-Kummissjoni hi mistennija li formalment titlob mandat biex tibda negozjati dwar il-qorti multilaterali tal-investiment qabel tmiem l-2017; billi l-parlamenti nazzjonali dan se jqisuh meta jivvalutaw is-CETA fil-parlamenti nazzjonali fis-snin li ġejjin; billi l-Parlament Ewropew għandu jkollu rwol ċentrali fl-istabbiliment tal-pożizzjoni tal-UE matul dawn in-negozjati;

S.  billi l-UE u l-Kanada affermaw fis-CETA l-objettiv komuni tagħhom li jsegwu, flimkien ma' sħab kummerċjali oħra, l-istabbiliment ta' tribunal multilaterali tal-investiment u mekkaniżmu tal-appell; billi l-UE u l-Kanada ltaqgħu f'Ġinevra fit-13 ta' Diċembru 2016, b'rappreżentanti minn pajjiżi terzi, sabiex flimkien jipproponu l-istabbiliment ta' korp uniku, permanenti u multilaterali li jirregola dwar tilwim tal-investiment, b'hekk jkomplu jimxu lil hinn mis-sistema ad hoc tas-soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati li attwalment hi inkluża f'madwar 3 200 trattat ta' investiment li jeżistu llum; billi dan għandu jinkludi wkoll it-tiftix tal-possibbiltà għal atturi oħra li jużaw il-korp multilaterali biex iħarrku lil investituri;

T.  billi l-Kanada impenjat lilha nnifsiha li tagħmel sforzi kontinwi u sostnuti biex tirratifika u timplimenta l-konvenzjonijiet ewlenin kollha tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO), wara li tkun ratifikat tliet konvenzjonijiet ewlenin tal-ILO matul il-proċess ta' negozjati tas-CETA; billi l-Kanada nediet, iżda għadha ma lestitx, proċess intern biex tirratifika l-Konvenzjoni 98 dwar id-dritt ta' organizzazzjoni u ta' negozjar kollettiv;

U.  billi 145 indikazzjoni ġeografika (IĠ) Ewropea li fil-biċċa l-kbira s'issa kienu mingħajr protezzjoni se jkunu protetti fis-suq Kanadiż, bil-possibbiltà li dan jiżdied aktar sabiex ikopri IĠ ġodda, bil-għan li jiġu protetti xi wħud mill-aktar prodotti magħrufa tal-UE, jiżdiedu l-opportunitajiet għall-SMEs u tiġi rrispettata l-protezzjoni tal-konsumatur; billi s-CETA ma timplika l-ebda bidla fil-leġiżlazzjoni tal-UE fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju u l-awtorizzazzjoni, it-tikkettar u t-traċċabbiltà ta' ikel ġenetikament modifikat; billi l-użu ta' organiżmi ġenetikament modifikati (OĠM) jew trattamenti kimiċi għadhom kontroversjali fl-UE;

V.  billi lill-Kumitat Konġunt CETA, kopresedut mill-Ministru tal-Kummerċ Internazzjonali Kanadiż u l-Kummissarju għall-Kummerċ tal-UE, se jlaqqa' rappreżentanti miż-żewġ naħat biex "jissorveljaw u jiffaċilitaw l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni" ta' ftehim u sorveljanza tal-"ħidma tal-kumitati speċjalizzati u ta' korpi oħra stabbiliti taħt is-CETA"; billi d-deċiżjonijiet tiegħu m'għandhomx jirrikjedu jew jimplikaw obbligu għall-istituzzjonijiet tal-UE li jadottaw jew jimmodifikaw id-dritt tal-UE; billi l-prerogattivi tal-Parlament Ewropew skont it-Trattati tal-UE jridu jiġu osservati bis-sħiħ; billi l-Parlament għandu jkollu biżżejjed opportunitajiet biex jiskrutinja l-implimentazzjoni tas-CETA, u fosthom id-deċiżjonijiet tal-Kumitat Konġunt;

1.  Jemmen li l-politika kummerċjali tal-UE trid tikkontribwixxi biex jinħolqu impjiegi diċenti, żvilupp sostenibbli, jitħarsu l-istandards tal-UE, jiġu salvagwardati s-servizzi pubbliċi u rispettati l-proċeduri demokratiċi filwaqt li jissaħħu l-opportunitajiet ta' esportazzjoni tal-UE; iqis l-objettivi tas-CETA bħala bażi għall-iżvilupp ta' aġenda kummerċjali globali progressiva bbażata fuq il-valuri kondiviżi tal-UE u tal-Kanada, inklużi l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u standards għolja ta' ħarsien tal-konsumaturi, tal-ħaddiema u l-ambjent; jenfasizza li l-Kanada u l-UE qablu li ma jdgħajfux jew inaqqsu l-livelli ta' protezzjoni tax-xogħol jew tal-ambjent bil-għal li jħeġġu l-kummerċ jew jattiraw l-investiment;

2.  Jiddispjaċih li t-test tas-CETA mhuwiex ċar dwar il-fatt li s-servizzi pubbliċi eżistenti u kwalunkwe servizz ieħor simili li jaf jitfaċċa fil-futur mhumiex mmexxija mid-dispożizzjonijiet tas-CETA; jilqa, madankollu, l-impenji mogħtija mill-partijiet kollha li l-UE u l-gvernijiet tal-Istati Membri tagħha, fil-livelli kollha, iżommu d-dritt li jiddefinixxu u jirregolaw is-servizzi pubbliċi, inkluż fl-oqsma tas-saħħa, l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, il-housing u l-provvista tal-ilma; ifakkar li s-CETA ma tirrikjedix lill-gvernijiet biex jipprivatizzaw xi servizz, u lanqas ma timpedixxihom milli jreġġgħu lura taħt sjieda, amministrazzjoni jew xi forma oħra ta' kontroll pubbliku, servizzi li preċedentement kienu privatizzati; jemmen, bħala prinċipju, li l-użu ta' approċċ ta' lista pożittiva skont il-GATS hi dejjem preferibbli;

3.  Jinnota l-impenn għall-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli fis-CETA, inklużi impenji biex jintlaħqu l-ogħla livelli ta' ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema u tal-ambjent; jiddispjaċih li fis-CETA għadu ma ġiex inkluż mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet; jistenna, madankollu, li s-CETA jagħti riżultati pożittivi tanġibbli bil-għan li jimmassimizza l-benefiċċji għall-ħaddiema u l-ambjent; jistieden, konsegwentement, liż-żewġ partijiet biex sa nofs l-2017 ikunu ftiehmu dwar proposta li ssaħħaħ l-applikabbiltà effettiva tad-dispożizzjonijiet tas-CETA dwar il-kummerċ, ix-xogħol u l-ambjent, fosthom billi tintroduċi mekkaniżmu ta' sanzjonijiet xierqa; jissottolinja l-importanza assoluta li l-partijiet interessati, inklużi t-trade unions, l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema u gruppi ambjentali, jrid ikollhom fil-valutazzjoni u r-rieżami tal-implimentazzjoni tas-CETA, fosthom permezz tal-forum tas-soċjetà ċivili u gruppi konsultattivi domestiċi; jenfasizza li l-evalwazzjoni u r-rieżami tal-istandards tax-xogħol u ambjentali m'għandhomx ikunu limitati għall-kapitoli li speċifikament jittrattaw dawn il-kwistjonijiet, imma għandhom jindirizzaw dawn l-oqsma u oqsma oħra tal-ftehim b'mod orizzontali, bħall-investiment, il-kummerċ fis-servizzi, il-kooperazzjoni regolatorja u l-akkwist pubbliku fuq l-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw bis-sħiħ dawn ir-riformi tad-dispożizzjonijiet dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli;

4.  Jinnota li l-Kanada qed tavvanza fil-proċess ta' ratifika tal-Konvenzjoni 98 tal-ILO dwar id-dritt għall-organizzazzjoni u n-negozjar kollettiv; jirrikonoxxi li l-prinċipji ewlenin ta' din il-konvenzjoni diġà jinsabu fid-dritt Kanadiż dwar ix-xogħol; jistenna, madankollu, li l-konvenzjoni tiġi ratifikata fis-sħuħija tagħha malajr kemm jista' jkun u jistieden lill-Kunsill ma jibgħatx in-notifika finali tad-dħul fis-seħħ tas-CETA, bi qbil mal-Artikolu 30.7(2), qabel ma l-Kanada tkun lestiet il-proċedura ta' ratifika tal-Konvenzjoni 98;

5.  Jieħu nota tal-fatt li l-"prinċipju ta' prekawzjoni" tal-UE kif stabbilit fit-Trattati tal-UE se jkompli japplika, biex b'hekk jissalvagwardja d-dritt tal-UE u tal-Istati Membri li japplikaw prinċipji fundamentali dwar l-attivitajiet regolatorji tagħhom; jagħti l-akbar importanza għad-Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni fis-CETA (dikjarazzjoni 7 tad-dikjarazzjonijiet li se jiddaħħlu fil-minuti tal-Kunsill), u b'mod partikolari d-dikjarazzjoni li "xejn fis-CETA ma jimpedixxi l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' prekawzjoni fl-Unjoni Ewropea kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea"; jissottolinja bil-qawwa li l-importazzjonijiet kollha mill-Kanada fl-UE jridu jirrispettaw l-istandards kollha tal-UE; jinnota li l-kooperazzjoni regolatorja fis-CETA tista' tiġi mwettqa fuq bażi volontarja; jissottolinja li kull kooperazzjoni m'għandhiex timmina l-proċess leġislattiv intern fl-UE, inklużi l-konsultazzjonijiet xierqa tal-partijiet interessati tal-UE, u lanqas taffettwa bl-ebda mod il-prerogattivi tal-Parlament skont it-Trattati tal-UE;

6.  Ifakkar li s-CETA fiha definizzjonijiet ta' standards dwar il-protezzjoni tal-investiment u referenza espliċita għad-dritt tal-gvernijiet li jirregolaw bil-għan li jilħqu objettivi ta' politika leġittimi, f'oqsma bħall-protezzjoni tas-saħħa pubblika u s-sikurezza, l-ambjent jew il-moralità pubblika, il-protezzjoni soċjali jew tal-konsumatur jew il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali; ifakkar ir-rikonoxximent reċiproku mill-partijiet għas-CETA għall-fatt li, jekk parti tirregola b'mod li jaffettwa ħażin investiment jew tinterferixxi fl-aspettattivi ta' profitti tal-investitur, dan ma jammontax għal ksur tal-istandards tal-protezzjoni tal-investimenti u b'hekk ma jirrikjedix xi kumpens; jagħraf, madankollu, li r-riskju ta' "ffriżar regolatorju" mhuwiex eliminat kompletament fis-CETA; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mill-interpretazzjonijiet vinkolanti tal-istandards tal-protezzjoni tal-investiment jekk meħtieġ, biex tiżgura li l-interpretazzjoni tirrifletti l-intenzjoni tal-UE u l-Kanada, kif dikjarat fl-Istrument Interpretattiv Konġunt, li s-CETA mhux se twassal biex l-investituri barranin ikunu trattati b'mod aktar favorevoli mill-investituri domestiċi;

7.  Jitlob li l-Parlament Ewropew ikun involut bis-sħiħ fl-istadji kollha tal-istabbiliment ta' reviżjonijiet u dawk futuri tal-ICS, inklużi fil-ħatra tal-imħallfin tat-tribunal u tat-tribunal tal-appell u, fost affarijiet oħra, fl-iżgurar tal-indipendenza u l-kompetenza tagħhom, kif ukoll fis-sorveljanza tal-aspetti organizzattivi bħar-remunerazzjoni tal-imħallfin; jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jiżguraw li l-Parlament ikun involut fid-definizzjoni tar-regoli dettaljati ta' kondotta applikabbli għal kandidati biex jinħatru bħala membri tat-tribunal jew it-tribunal tal-appell u l-mekkaniżmu ta' sanzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mar-regoli ta' kondotta sabiex ikun żgurat rispett sħiħ lejn l-indipendenza tal-poteri ġudizzjarji tagħhom; jiddispjaċih li l-istabbiliment tal-ICS, inklużi l-kwistjonijiet imsemmija hawn fuq, ma ġewx iffinalizzati qabel il-preżentazzjoni tat-test tas-CETA lill-Parlament Ewropew għall-approvazzjoni tiegħu; jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw bis-sħiħ il-kors ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-ICS;

8.  Jinnota li l-impenn tal-gvern nazzjonali Belġjan li jirreferi għall-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja sabiex jivverifika l-kompatibbiltà tas-sistema ICS mad-dritt tal-UE; jistieden lill-Parlament jissottometti osservazzjonijiet bil-miktub, abbażi tal-Artikolu 141(4) tar-Regoli ta' Proċedura, dwar din il-kawża futura fil-qorti;

9.  Jilqa', b'sodisfazzjoni kbira, il-fatt li l-Kanada ħaddnet bis-sħiħ l-objettiv li tintlaħaq soluzzjoni multilaterali għall-protezzjoni tal-investiment u saret sieħba qrib tal-UE billi tikkontribwixxi b'mod attiv fir-realizzazzjoni tiegħu, bil-għan li tingħeleb l-inkoerenza u l-frammentazzjoni ta' eluf ta' ftehimiet internazzjonali tal-investiment differenti attwalment fis-seħħ b'mod globali; iqis li l-ICS il-ġdida maqbula reċiprokament fis-CETA hija pass lejn dak il-għan, u jitlob li l-perjodu sakemm il-ftehim jidħol kompletament fis-seħħ, li matulu s-sistema l-ġdida mhux se tkun applikata b'mod provviżorju, jintuża biex jiġu implimentati l-miżuri kollha meħtieġa biex tkun salvagwardata b'mod definittiv l-indipendenza tal-imħallfin maħtura pubblikament u jiġu żgurati regoli adegwati dwar l-etika;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna regolarment lill-Parlament dwar l-applikazzjoni provviżorja tas-CETA billi tippreżenta pubblikament, kull sena, rapport ta' implimentazzjoni dettaljat sabiex tiżgura li s-CETA twassal għall-ħolqien ta' impjiegi deċenti, għall-promozzjoni tad-drittijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ambjent; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi indikaturi speċifiċi bil-għan li tiżgura s-sorveljanza tal-implimentazzjoni ta' ftehimiet bħas-CETA u l-effetti tiegħu fuq il-prestazzjoni ta' diversi industriji u ta' setturi tal-UE dwar is-sehem tas-suq tagħhom;

11.  Jinnota li s-CETA tinkludi xi setturi agrikoli sensittivi, bħal-laħam taċ-ċanga u tal-majjal permezz tat-TRQs; ifakkar li l-istudju tal-Kummissjoni dwar "l-impatt ekonomiku kumulattiv ta' ftehimiet kummerċjali futuri fuq l-agrikoltura tal-UE" enfasizza s-sensittività estrema ta' dawn il-prodotti u l-ħtieġa li dawn jiġu protetti; jistenna li l-politika kummerċjali tal-UE tagħti attenzjoni massima lis-sensittivitajiet ta' produtturi lokali u l-ażjendi agrikoli mmexxija mill-familji;

12.  Ifakkar li ħafna pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw jibbenefikaw minn tariffi preferenzjali mill-UE u l-Kanada; Jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni sabiex tissorvelja mill-qrib u tirraporta b'mod regolari lill-Parlament dwar l-effetti li s-CETA jista' jkollha fuq pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b'mod partikolari fir-rigward ta' tnaqqir possibbli tal-preferenzi, ta' devjazzjoni tal-kummerċ u l-ilħuq min-naħa tagħhom tal-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi li jħeġġu l-inklużjoni tal-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp f'katini u opportunitajiet ta' valur globali li jirriżultaw mis-CETA, bl-użu tal-istrumenti tal-iżvilupp rilevanti bħall-Għajnuna għall-Kummerċ;

13.  Ifaħħar lill-kumitat konġunt tal-UE u l-Kanada tal-kooperazzjoni u tal-inizjattivi li ħa relatati ma' kwistjonijiet ambjentali relatati mal-kummerċ skont is-CETA, l-aktar fosthom dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Pariġi; jistieden lill-Kummissjoni tuża mekkaniżmu ta' rieżami biex tkompli tiċċara modi konkreti ta' kooperazzjoni skont il-qafas tas-CETA, fosthom fir-rigward tal-miri tal-emissjoni ta' gassijiet b'effett ta' serra, fosthom bl-użu ta' mekkaniżmu bbażat fuq is-sanzjonijiet;

14.  Jemmen li l-istandards ta' trasparenza ewlenin fir-rigward tal-arranġamenti tat-taxxi għandhom ikunu vinkolanti u jiggwidaw il-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni biex fil-ftehimiet ta' kummerċ u sħubija tinkludi klawsoli dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa li jirreferu b'mod partikolari għal konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) fir-rigward tal-qasam tat-tassazzjoni (eż. l-inizjattiva BEPS), u tiżgura li l-ftehimiet ta' kummerċ u ta' sħubija ma jkunux jistgħu jintużaw ħażin mill-kumpaniji jew l-intermedjarji biex jevitaw u jevadu t-taxxi jew jaħslu d-dħul iġġenerat minn attivitajiet illegali;

15.  Jitlob li l-ftehim interistituzzjonali li ġej dwar in-negozjati internazzjonali jagħti lill-Parlament setgħat sħaħ biex jiskrutinizza l-implimentazzjoni tas-CETA, fosthom permezz tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt;

16.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern Federali u l-Parlament u l-gvernijiet u l-parlamenti tal-provinċji u tat-territorji tal-Kanada;

 

 

[1] ĠU C 380E , 11.12.2012, p. 20.
[2] Testi adottati, P8_TA(2016)0299
[3] Testi adottati, P8_TA(2015)0252
[4] ĠU C 99E , 3.4.2012, p. 31.
[5] ĠU C 99E , 3.4.2012, p. 101.