Dokument ta' sessjoni
13.3.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017
( 2017/2598(RSP) )
Ignazio Corrao, Fabio Massimo Castaldo, Isabella Adinolfi
f'isem il-Grupp EFDD
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017
( 2017/2598(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu tal-2016 dwar l-Etjopja, il-Korea ta' Fuq, l-Indja, il-Krimea, Hong Kong, il-Każakistan, l-Eġittu, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Pakistan, il-Honduras, in-Niġerja, il-Gambja, id-Djibouti, il-Kambodja, it-Taġikistan, il-Vjetnam, il-Malawi, il-Bahrain, il-Myanmar/Burma, il-Filippini, is-Somalja, iż-Żimbabwe, ir-Rwanda, is-Sudan, it-Tajlandja, iċ-Ċina, il-Brażil, it-Tibet, il-Myanmar/Burma, l-Iraq, l-Indoneżja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Burundi, in-Nikaragwa, il-Kuwajt u l-Gwatemala,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[2],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropej; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi integrat fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE;
B. billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ favur il-multilateraliżmu u l-korpi tan-NU fir-rigward tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
C. billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi, għandhom ilkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u t-tisħiħ tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt;
Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU
1. Jilqa' l-ħidma li saret mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Uffiċċju tiegħu (OHCHR); ifakkar fl-impenn tal-UE li tkompli tappoġġja u tiddefendi l-integrità, l-indipendenza u l-funzjonament tiegħu; jilqa' r-rwol li żvolġa l-OHCHR fil-progress ta' kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u fl-identifikazzjoni tal-modi li bihom jiżdied ir-rwol tal-"arranġamenti reġjonali" b'rabta mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem universali;
2. Huwa tal-fehma li l-effikaċja u l-kredibilità tal-UNHRC jiddependu fuq l-impenn ġenwin tal-membri biex jipproteġu l-persuni kollha fil-pajjiżi kollha minn kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-universalità, l-imparzjalità, l-oġġettività, in-nonselettività, id-djalogu kostruttiv u l-kooperazzjoni; iħeġġeġ il-ħtieġa li tkun evitata l-polarizzazzjoni tad-dibattitu fil-UNHRC u jinkoraġġixxi djalogu kostruttiv;
3. Jistieden lill-Istati jagħtu aċċess lill-esperti indipendenti tal-UNHRC, lir-Rapporteurs Speċjali u lill-esperti tal-OHCHR biex jinvestigaw l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni, jonoraw l-impenji tagħhom għall-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u joffru l-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC;
4. Iħeġġeġ lill-Istati kollha jieħdu passi konkreti biex jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jegħlbu n-nuqqasijiet billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' implimentazzjoni u ta' segwitu, inkluż l-istabbiliment ta' pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni u mekkaniżmi ta' koordinazzjoni nazzjonali; jikkondividi t-tħassib tal-UNHRC rigward ir-rapporti ta' theddid u rappreżalji kontra membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs li kkooperaw mal-UNHRC fil-proċess tal-EPU;
5. Ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali, meta teleġġi l-membri tal-UNHRC, li tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; jilqa' d-deċiżjoni tal-UNHRC meta talab li l-Kumitat Konsultattiv tal-UNHRC iħejji rapport ta' valutazzjoni dwar il-progress li sar fl-istabbiliment ta' arranġamenti reġjonali u subreġjonali għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jirriflettu l-importanza ugwali tad-drittijiet fix-xejriet ta' votazzjoni tagħhom u biex itejbu l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE f'dan is-sens; jinsisti bil-qawwa li l-UE titkellem b'vuċi waħda u tilħaq pożizzjoni komuni tal-UE meta tivvota fil-UNHRC;
6. Jikkundanna l-fatt li s-siġġijiet tal-UNHRC qed ikomplu jkunu okkupati minn pajjiżi b'każijiet ippruvati ta' ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma attwalment huma l-Arabja Sawdija, iċ-Ċina u l-Eġittu, u jistieden għal darb'oħra lill-Istati Membri tal-UE jippubblikaw il-voti tagħhom fil-UNHRC; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirriflettu l-importanza ugwali tad-drittijiet fil-votazzjonijiet tagħhom, u biex isejsu l-vot tagħhom dwar riżoluzzjonijiet tal-UNHCR fuq is-sustanza ta' dawn it-testi, aktar milli fuq l-awturi tagħhom;
7. Itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, fl-Assemblea Ġenerali u fil-UNHRC, sabiex ittejjeb il-kredibilità tagħha; jappoġġja l-isforzi li saru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mid-delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u mill-Istati Membri biex tiżdied ulterjorment il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU;
Prijoritajiet tematiċi
8. Jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jeħtieġ li jiġu protetti f'kull sens tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest ta' teknoloġiji ġodda; jikkondividi t-tħassib tal-UNHRC rigward ir-rapporti ta' theddid u ritaljazzjoni kontra membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs li kkooperaw miegħu, inkluż mal-Proċeduri Speċjali tiegħu u fil-proċess tal-EPU;
9. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd numeruż u dejjem jiżdied ta' tentattivi biex jiċkien l-ispazju tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' liġijiet kontra t-terroriżmu; jikkundanna kull att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni jew persekuzzjoni fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, informaturi, ġurnalisti jew bloggers, kemm jekk online kif ukoll offline; jistieden lill-istati kollha jippromwovu u jiżguraw ambjent sikur fejn l-NGOs, is-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem – b'enfasi partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli kollha – ikunu jistgħu joperaw b'mod indipendenti u mingħajr indħil; jappella għal miżuri biex jitnaqqas id-distakk diġitali u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, u l-aċċess mingħajr ċensura għall-internet; itenni l-appell tiegħu lil dawk l-istati li adottaw leġiżlazzjoni restrittiva jew miżuri ripressivi, bħal projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi kontra organizzazzjonijiet independenti favur id-drittijiet tal-bniedem, sabiex ineħħuhom;
10. Jemmen li midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi wieħed mill-pedamenti essenzjali ta' soċjetà demokratika, fejn dibattiti miftuħa jiżvolġu rwol kruċjali; jappoġġja l-appell għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-sikurezza tal-ġurnalisti; jistieden lill-UE biex fil-fora internazzjonali kollha tqajjem il-kwistjonijiet tal-libertà ta' espressjoni online, tal-libertajiet diġitali u l-importanza ta' internet liberu u miftuħ; jappella biex jitnaqqas id-distakk diġitali u biex ikun hemm aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll għal aċċess mingħajr ċensura għall-internet;
11. Ifakkar li fid-dinja kollha għadhom iseħħu każijiet ta' ksur tad-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet għal-libertà ta' assoċjazzjoni paċifika u ta' għaqda, Maina Kiai; jistieden lill-istati kollha biex jikkunsidraw sew ir-rapporti;
12. Jissottolinja l-fatt li l-informaturi għandhom rwol vitali fl-iżvelar ta' informazzjoni u jistieden lill-istati kollha jadottaw liġijiet biex jipproteġu l-informaturi mit-theddid jew mill-impożizzjoni ta' ritaljazzjoni;
13. Iħeġġeġ lill-Istati kollha biex mill-aktar fis jirratifikaw il-Protokolli Fakultattivi tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) li jistabblixxu mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta;
14. Jenfasizza l-importanza ta' approċċ ibbażat fuq id-drittijiet, li jiġbor fih id-drittijiet kollha tal-bniedem, biex jintlaħqu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli – inkluża dimensjoni tad-drittijiet tal-bniedem f'oqsma bħalma huma s-saħħa, l-edukazzjoni, is-sigurtà tal-ikel, id-djar, l-ilma u s-sanità, ix-xogħol deċenti, l-iżvilupp u ż-żieda fil-kopertura minima tal-protezzjoni soċjali – u biex jingħalaq id-distakk bejn is-sessi;
15. Jopponi kull forma ta' diskriminazzjoni u persekuzzjoni fuq kwalunkwe bażi jew status bħar-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon u t-twemmin, l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini soċjali, il-kasta, it-twelid, l-età jew id-diżabilità; jappoġġja l-impenn tal-UE lejn il-Proċeduri Speċjali rilevanti, inkluż l-Espert Indipendenti ġdid dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru; jitlob lill-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni u tiġġieled il-vjolenza u d-diskriminazzjoni kontra l-individwi kollha;
16. Jesprimi t-tħassib tiegħu li ħafna nies, b'mod individwali jew b'mod kollettiv, isofru minn ksur tad-drittijiet tagħhom għal libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin, imwettaq minn Stati jew atturi nonstatali, u li jwassal għal diskriminazzjoni, inugwaljanza u stigmatizzazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu miġġielda l-intolleranza u d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta' drittijiet tal-bniedem interdipendenti oħrajn bħal-libertà ta' espressjoni;
17. Jitlob lill-UE taħdem sabiex tiżgura aktar protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi kontra l-persekuzzjoni u l-vjolenza u sabiex jitneħħew liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jservu bħala pretest għall-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi u ta' dawk li ma jemmnux; jappella għas-sostenn tal-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin;
18. Jitlob bil-qawwa li l-UE tkompli tinsisti dwar tolleranza zero għall-piena tal-mewt u biex tkompli tfittex li ssaħħaħ l-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt; jilqa' d-deċiżjoni meħuda fl-2015 mill-Madagascar, is-Suriname, il-Fiġi u r-Repubblika tal-Kongo li jabolixxu l-piena tal-mewt għad-delitti kollha; jiddeplora l-fatt li reġgħu bdew iseħħu l-eżekuzzjonijiet f'numru ta' pajjiżi inklużi il-Bahrain, il-Kuwajt, il-Belarussja, il-Bangladesh, l-Indja, l-Oman, is-Sudan t'Isfel, l-Indoneżja u ċ-Chad; jiddeplora wkoll iż-żieda rappurtata ta' għadd ta' sentenzi ta' mewt mogħtija partikolarment fiċ-Ċina, l-Eġittu, l-Iran, in-Niġerja, il-Pakistan u l-Arabja Sawdija; ifakkar lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi li huma stati firmatarji tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tipprojbixxi b'mod strett l-użu tal-piena tal-mewt għal delitti li jsiru minn persuna taħt it-18-il sena;
19. Iħħeġġeġ lill-UE ssemma' leħenha u tappoġġja l-ħidma tan-NU kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, eżekuzzjonijiet tal-massa, eżekuzzjonijiet għal reati relatati mad-droga, u jitlob lis-SEAE biex, fil-livelli kollha ta' djalogu u fil-fora kollha, l-UE żżid l-isforzi fil-ġlieda kontra l-eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura u trattament ħażin ieħor, bi qbil mal-Linji Gwida tal-Politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti; jitlob ir-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha;
20. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-persistenza ta' ksur u abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jappoġġja bil-qawwa l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) bħala istituzzjoni prinċipali biex tara li l-awturi ta' reati jagħtu kont ta' għemilhom u biex tgħin lill-vittmi jiksbu ġustizzja abbażi tal-prinċipju ta' komplementarjetà għall-ġenoċidju, għad-delitti kontra l-umanità u d-delitti tal-gwerra; jistieden lill-partijiet kollha jipprovdu appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku għall-operat ta' kuljum tal-QKI; jistieden lill-UE tkompli ssaħħaħ il-ħidma tal-QKI; iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddispjaċih għad-deċiżjoni li ħadu ċerti pajjiżi Afrikani li jirtiraw mill-QKI, u jistedinhom jerġgħu jikkunsidraw din id-deċiżjoni; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma malajr kemm jista' jkun u jinkoraġġixxu r-ratifika tal-emendi ta' Kampala;
21. Iħeġġeġ lill-istati jagħmlu ħilithom kollha biex tiġi miġġielda l-impunità u jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda rifuġju sikur għal dawk li jwettqu delitti internazzjonali u ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż bl-adozzjoni, fil-livell nazzjonali, ta' dispożizzjonijiet għal u l-eżerċizzju ta', ġurisdizzjoni universali;
22. Jikkundanna bil-qawwa n-nuqqas mifrux ta' rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali, u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rata dejjem tiżdied ta' ħsara liċ-ċivili f'kunflitti armati fid-dinja kollha, u dwar attakki fatali kontra sptarijiet, skejjel, konvojs umanitarji u kontra miri ċivili oħrajn;
23. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu ta' droni armati barra l-qafas ġuridiku internazzjonali; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu qafas internazzjonali dwar l-użu ta' droni armati li jappoġġja d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u li għandu jindirizza kwistjonijiet bħall-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, l-obbligu ta' rendikont, il-protezzjoni taċ-ċivili u t-trasparenza; jerġa' jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jinkludu d-droni armati u l-armi kompletament awtonomi f'mekkaniżmi Ewropew u internazzjonali ta' diżarm u kontroll tal-armi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom f'dawn il-mekkaniżmi ta' kontroll u jsaħħuhom;
24. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur serju li għaddej bħalissa tad-drittijiet tal-bniedem imwettqa minn Daesh u Boko Haram u minn organizzazzjonijiet terrotistiċi jew paramilitari oħrajn kontra ċ-ċivili, partikolarment in-nisa u t-tfal; jikkundanna l-frekwenza u l-portata tal-atti ta' qerda tal-patrimonju kulturali u jappella għal appoġġ għall-isforzi rilevanti mwettqa f'bosta fora tan-NU;
25. Jistieden lill-UE taħdem b'mod attiv għal inizjattiva dwar rikonoxximent min-naħa tan-NU tal-ġenoċidju kontra minoranzi etniċi u reliġjużi mwettaq minn Daesh u biex każijiet ta' suspetti ta' delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju jitressqu quddiem il-QKI; iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha, u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
26. Jitlob li l-UE tistieden lill-istati kollha jpoġġu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-politiki tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986; jilqa' l-ħatra reċenti mill-UNHRC ta' Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-iżvilupp, li l-mandat tiegħu jinkludi li jikkontribwixxi għall-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-dritt għall-iżvilupp fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u ftehimiet internazzjonali oħrajn ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd għandhom ikunu fattur trażversali fil-kisba tal-għanijiet u l-miri kollha tal-Aġenda 2030;
27. Jistieden lill-UE tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tappoġġja b'mod attiv il-ħidma tal-UN Women u l-inizjattivi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet u l-programmi tagħha; jappella għal miżuri ta' appoġġ kontinwu li jsaħħu l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u l-qerda tal-vjolenza u tad-diskriminazzjoni kollha kontra n-nisa u l-bniet inkluża l-vjolenza sessista; jitlob bil-qawwa li l-UE tippromwovi inizjattivi transreġjonali għall-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tan-nisa, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, u tibqa' impenjata favur id-drittijiet sesswali u riproduttivi f'dan il-kuntest;
28. Ifakkar fl-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru f'konformità mar-riżoluzzjonijiet storiċi 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jistieden lill-UE tappoġġja, fuq livell internazzjonali, ir-rikonoxximent tal-valur miżjud tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-assistenza umanitarja u fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitti u fir-rikonċiljazzjoni sostenibbli;
29. Jistieden lill-UE tkompli tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, inkluż f'żoni ta' kunflitt u f'kampijiet tar-rifuġjati, u biex jiġu eliminati t-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, iċ-ċaħda tal-libertà, it-tortura, it-traffikar, iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u dak sfurzat, l-isfruttament sesswali, u l-prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili; jappella għal miżuri li jappoġġjaw u jsaħħu l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jintemm l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u wara kunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-pajjiżi kollha tan-NU jħarsu l-obbligi u l-impenji tagħhom taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom irrispettivament mill-istatus legali tagħhom, u mingħajr diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip; jistieden lill-Istati Uniti, bħala l-uniku stat li ma rratifikax il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, sabiex jaderixxi għal dan l-istrument b'mod urġenti;
30. Jistieden lill-istati jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, inklużi l-parteċipazzjoni ugwali u l-inklużjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-istati kollha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Persuni b'Diżabilità;
31. Jitlob lill-UE taħdem mas-sħab tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi miżuri li jinkoraġġixxu aktar stati jadottaw pjanijiet ta' azzjoni fil-livell nazzjonali u jinvolvu ruħhom fil-linji ta' ħidma tal-gruppi ta' ħidma tan-NU u tal-OHCHR; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-UE u ta' għadd kbir tal-Istati Membri tagħha fis-sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv f'Ottubru 2016, li matulha ġew diskussi l-elementi ta' Trattat vinkolanti tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; itenni l-appell tiegħu lill-istati kollha u lill-UE biex jimpenjaw ruħhom b'mod attiv u b'mod kostruttiv f'dan il-proċess bl-għan li jilħqu strument ġuridikament vinkolanti sabiex jipprevjenu, jinvestigaw u jkollhom aċċess għal rimedji meta jkun hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
32. Jitlob lill-UE tenfasizza fil-fora tan-NU l-kwistjonijiet ta' ħtif tal-art minn korporazzjonijiet u t-trattament tad-difensuri tad-drittijiet għall-art u l-attivisti ambjentali, li ta' spiss ikunu vittmi ta' rappreżalji, anki fil-forma ta' theddid, fastidju, arrest arbitrarju, assalti u qtil;
33. Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti, li indirizzat il-kwistjoni ta' movimenti kbar ta' rifuġjati u migranti u wasslet għall-adozzjoni ta' patt globali dwar qafas ta' rispons komprensiv għar-rifuġjati (CRR), u l-impenn li japplika għall-migranti u r-rifuġjati u hija mmirata biex issalva l-ħajjiet, tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi, tiġġieled ir-razziżmu u l-ksenofobija, tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li tiżgura r-rikonoxximent u l-protezzjoni ugwali fil-liġi u tiżgura l-inklużjoni fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali; jistieden lill-partijiet kollha involuti jiżguraw impenn politiku, finanzjament u atti konkreti ta' solidarjetà b'sostenn tad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti, u jfakkar li l-kwistjoni tal-migrazzjoni għandha tkompli tiġi eżaminata fuq skala globali, u mhux biss fil-livell Ewropew; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu minn ta' quddiem f'dawn l-isforzi internazzjonali u, l-ewwel u qabel kollox, jonoraw l-impenji tagħhom f'konformità mal-obbligi tagħhom fid-dritt internazzjonali biex jipproteġu d-drittijiet ta' dawk li jfittxu asil, ir-rifuġjati, il-migranti, u l-persuni spostati kollha, b'mod partikolari dawk tan-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli, inklużi l-persuni b'diżabilità; iwissi li billi jiffokaw primarjament fuq kwistjonijiet bħall-kontrolli tal-fruntieri u r-ritorn f'pajjiżi terzi li għandhom rekord kundannabbli fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jirriskjaw jimminaw dawn il-prinċipji gwida, u b'hekk jipperikolaw il-kredibilità tagħhom fil-fora internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fil-UNHRC;
34. Ifakkar li r-ritorn ta' migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tal-migranti, u biss meta l-protezzjoni ta' drittijiethom tkun garantita fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; jistieden lill-gvernijiet iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' migranti, inklużi l-minorenni; jistieden lill-istati kollha jieħdu miżuri konkreti fl-aħjar interessi tar-rifuġjati u l-migranti tfal li jkunu bbażati fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jintroduċu miżuri sabiex isaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal, inklużi t-taħriġ ta' ħaddiema soċjali u gruppi professjonali oħra u l-ħidma ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi; jistieden għal darb'oħra lill-istati kollha, inklużi lill-Istati Membri tal-UE, jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;
35. Jinnota bi tħassib li inċidenti relatati mal-klima bħaż-żieda fil-livelli tal-baħar, u tibdil estrem fil-klima li jipprovokaw nixfiet u għargħar, huma mistennija jwasslu għal ferm aktar telf ta' ħajja, spostament ta' popolazzjonijiet, u skarsezzi ta' ikel u ilma; jitlob lill-UE tfittex appoġġ transreġjonali fi sforzi biex tindirizza n-nuqqasijiet ġuridiċi fit-terminu 'rifuġjat minħabba l-klima', inkluża l-possibbiltà tad-definizzjoni tiegħu fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali ġuridikament vinkolanti ieħor;
36. Jilqa' l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent; jenfasizza bi tħassib serju li t-telf tal-bijodiversità jipperikola t-tgawdija ta' firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet għall-ħajja, is-saħħa u l-ilma, u jaffettwa b'mod partikolari l-gruppi l-aktar vulnerabbli, inklużi l-popli indiġeni; jitlob lill-UE tappoġġja azzjoni ulterjuri mill-UNHRC f'dan il-qasam, li huwa ta' importanza kruċjali għall-futur tal-umanità;
37. Jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;
38. Jissottolinja n-neċessità li jiġi adottat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jiġi integrat fil-politiki kollha tal-UE, fosthom dawk dwar il-kummerċ, l-investiment, is-servizzi pubbliċi, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-migrazzjoni, kif ukoll fil-politiki ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha;
39. Ifakkar il-fatt li l-koerenza interna u esterna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali għall-kredibilità tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet esterni tagħha ma' pajjiżi terzi, u jitlob lill-UE tissodisfa l-impenji tagħha f'dan ir-rigward;
Prijoritajiet nazzjonali
Il-Belarussja
40. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika fil-Belarussja; jikkundanna l-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna l-użu persistenti tal-piena tal-mewt; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-35 sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq ir-riformi li messhom ilhom li saru biex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;
Il-Burundi
41. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li s-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Burundi sejra għall-agħar; jikkundanna l-vjolenza li ilha għaddejja fil-Burundi mill-2015 u li wasslet għal imwiet, tortura u vjolenza mmirata kontra n-nisa, inklużi stupri kollettivi u fastidju; jikkundanna l-priġunerija ta' eluf ta' nies u l-ispostament sfurzat ta' mijiet ta' eluf ta' Burundjani u l-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni, kif ukoll il-prevalenza tal-impunità fir-rigward ta' atti bħal dawn; jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE, wara l-falliment tad-diskussjonijiet mibdija fis-sens tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li jiġi sospiż l-appoġġ finanzjarju dirett lill-amministrazzjoni Burundjana, inkluż l-appoġġ baġitarju, filwaqt li jibqa' jingħata appoġġ finanzjarju sħiħ għall-popolazzjoni u għall-għajnuna umanitarja permezz ta' mezzi diretti; jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta' kummissjoni ta' inkjesta dwar il-Burundi li tidentifika l-allegati awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi fil-pajjiż, bl-għan li tiġi żgurata responsabilità sħiħa; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-Burundi li tqiegħed inkwistjoni s-sħubija tiegħu mal-UNHRC sakemm dan ma jibdiex jikkoopera b'mod sħiħ mal-Kummissjoni ta' Inkjesta (COI) u mal-Kunsill u l-mekkaniżmi tiegħu, jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv mal-COI u jindirizza t-tħassib serju dwar id-drittijiet tal-bniedem;
Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)
42. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorament persistenti tas-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jissodisfa l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hu parti fihom, u jistiednu jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, l-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK ikollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa; jistieden lir-RDPK tippermetti l-libertà tal-espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku tal-piena kapitali fir-RDPK fuq skala kbira; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jiddikjara moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bl-għan li l-piena kapitali tiġi abolita fil-ġejjieni qrib; jitlob b'insistenza li dawk l-iktar responsabbli għad-delitti kontra l-umanità mwettqa fir-RDPK jinżammu responsabbli, jiġu mixlija quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali u jiġu soġġetti għal sanzjonijiet immirati; jikkundanna bil-qawwa l-provi nukleari bħala provokazzjoni bla bżonn u perikoluża kif ukoll bħala ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u bħala theddida serja għall-paċi u l-istabilità fil-Peniżola Koreana u r-reġjun tal-Asja tal-Grigal; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali; jitlob il-preżentazzjoni tar-rapport tal-grupp ta' esperti lill-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jirrakkomanda li r-rakkomandazzjonijiet essenzjali fir-rapport tal-esperti dwar ir-responsabilità jiġu inkorporati fir-riżoluzzjoni, inklużi t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Uffiċċju ta' Seoul b'għarfien espert investigattiv u tal-prosekuzzjoni u l-ħatra ta' espert ġuridiku fil-qasam kriminali biex isir progress lejn l-obbligu ta' rendikont;
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)
43. Huwa mħasseb ferm dwar il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li qed jitwettaq b'impunità sħiħa mill-forzi tas-sigurtà, u jitlob li dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra jestendi l-miżuri ristrettivi fis-seħħ bħas-sanzjonijiet immirati tal-UE, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi għal dawk responsabbli għar-ripressjoni vjolenti u għall-imminar tal-proċess demokratiku fir-RDK, f'każ ta' aktar vjolenza, hekk kif inhu previst fil-Ftehim ta' Cotonou; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jimplimentaw il-ftehim li ntlaħaq f'Diċembru 2016, u jorganizzaw elezzjonijiet mhux aktar tard minn Diċembru 2017 bl-appoġġ ta' atturi internazzjonali; ifakkar li l-istabilità tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar, speċjalment is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK, inkluża l-vjolenza sesswali, hija ta' tħassib kbir ħafna; jistieden lill-UNHRC jkompli l-iskrutinju tiegħu tar-RDK sa ma jsiru l-elezzjonijiet u sseħħ tranżizzjoni demokratika, u jħeġġeġ lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli jinforma lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fir-RDK meta jkun xieraq, u jieħdu azzjoni aktar b'saħħitha jekk ikun meħtieġ;
L-Iran
43. Jistieden lill-Iran jikkoopera bis-sħiħ mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem kollha tan-NU, u jaħdem favur l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula f'dan il-kuntest, inkluż l-Eżami Perjodiku Universali, billi jippermetti li l-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem iwettqu l-missjonijiet tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Iran jindirizza t-tħassib sostanzjali enfasizzat fir-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU u tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, kif ukoll l-appelli speċifiċi għal azzjoni li jinsabu fir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jinnota bi tħassib li l-Iran għandu l-ogħla livell ta' eżekuzzjonijiet bil-piena tal-mewt per capita fid-dinja; jistieden lill-Iran jiddikjara moratorju fuq il-piena tal-mewt; jappella sabiex jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha;
Il-Myanmar/Burma
44. Huwa mħasseb ferm dwar ir-rapporti ta' kunflitti vjolenti fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine, u jiddeplora t-telf ta' ħajjiet, ta' għajxien u ta' kenn u r-rapporti ta' użu sproporzjonat tal-forza mill-forzi armati tal-Myanmar; iħeġġeġ lill-forzi militari u tas-sigurtà jwaqqfu minnufih il-qtil, il-fastidju u l-istupri mwettqa kontra l-poplu Rohingya, kif ukoll il-ħruq tad-djar tagħhom; jitlob b'insistenza li l-Gvern u l-awtoritajiet ċivili tal-Myanmar iwaqqfu minnufih id-diskriminazzjoni kontra l-minoranza Rohingya u s-segregazzjoni tagħhom; jappella biex id-drittijiet tal-poplu Rohingya jiġu ssalvagwardati u biex jiġu garantiti s-sikurezza, is-sigurtà u l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha tal-Myanmar; jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Myanmar li jqiegħed bħala prijorità ewlenija l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jilqa' t-tħabbira mill-Gvern tal-Myanmar tal-istabbiliment ta' Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-vjolenza reċenti fl-Istat ta' Rakhine; jissottolinja l-ħtieġa li wieħed jipproċedi kif xieraq kontra dawk responsabbli, u li jiġi pprovdut rimedju adegwat għall-vittmi ta' ksur; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar ikompli l-proċess ta' demokratizzazzjoni u jirrispetta l-istat tad-dritt, il-libertà tal-kelma u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw mandat imġedded tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Myanmar;
L-Arabja Sawdija
45. Itenni t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inklużi r-ripressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ksur tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin u tad-drittijiet tan-nisa; jikkundanna r-rata allarmanti li biha qed jingħataw l-ordnijiet biex tiġi eżegwita l-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija, inklużi l-eżekuzzjonijiet tal-massa, u jistieden lill-Arabja Sawdija timponi moratorju fuq il-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu lil dawk kollha li qegħdin il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2015, Raif Badawi; jitlob lill-UE ssegwi mill-qrib il-każ speċifiku tiegħu;
Is-Sudan t'Isfel
46. Jistieden lill-partijiet kollha joqogħdu lura milli jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż dak li jikkostitwixxi delitt internazzjonali, bħall-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza mmirata etnikament, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza abbażi ta' sess, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien sfurzat u l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji; jinnota li l-Gvern tas-Sudan iffirma l-Ftehim dwar il-Pjan Direzzjonali fis-16 ta' Marzu 2016 u sussegwentement ikkjarifika l-impenji tiegħu rigward l-inklużjoni ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fid-Djalogu Nazzjonali u dwar it-tkomplija tal-ħarsien ta' kwalunkwe deċiżjoni milħuqa bejn il-firmatarji mill-oppożizzjoni u l-Mekkaniżmu 7+7, il-kumitat ta' tmexxija tad-Djalogu Nazzjonali; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-partijiet kollha jirrispettaw l-impenn tagħhom u jappella għal djalogu kontinwu lejn l-istabbiliment ta' waqfien definittiv mill-ġlied; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jonoraw l-impenn tagħhom li jappoġġjaw l-isforzi tal-Unjoni Afrikana li jwasslu għall-paċi fis-Sudan u għall-poplu Sudaniż fit-tranżizzjoni tagħhom għal demokrazija riformata internament; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jġeddu l-mandat tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sudan t'Isfel, isaħħu r-rwol tagħha li twettaq investigazzjonijiet dwar abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jagħmlu mmappjar tal-vjolenza sesswali; jappoġġja l-integrazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu f'rapport li għandu jitressaq lill-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
Is-Sirja
47. Jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-atroċitajiet, u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, imwettqa fix-xenarju Sirjan, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa minn gruppi terroristiċi armati u mhux statali, b'mod partikolari Daesh, li huwa responsabbli għal delitti li jammontaw għal ġenoċidju, Jabhat Fateh al-Sham/il-Front Al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħra; jinsisti li l-investigazzjoni dwar l-użu u l-qerda ta' armi kimiċi mill-partijiet kollha fis-Sirja għandha tkompli; itenni t-talba tiegħu għal aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel, u għal konsegwenzi u l-obbligu ta' rendikont għal dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità;
Is-Saħara tal-Punent
48. Jitlob li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-popli tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal għaqda; jitlob b'insistenza li jinħelsu l-priġunieri politiċi Sahrawi kollha; jitlob b'insistenza li r-rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Uniti, il-membri parlamentari, l-osservaturi indipendenti, l-NGOs u l-mezzi tax-xandir jingħataw aċċess għat-territorji tas-Saħara tal-Punent; iħeġġeġ lin-Nazzjonijiet Uniti jagħtu lill-MINURSO mandat rigward id-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-missjonijiet l-oħra kollha tan-NU għaż-żamma tal-paċi madwar id-dinja; jappoġġja soluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Sahrawi u f'konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-Nazzjonijiet Uniti; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqajmu s-sitwazzjoni fis-Saħara tal-Punent waqt is-sessjoni li jmiss tal-Eżami Perjodiku Universali dwar il-Marokk;
Il-Jemen
49. Huwa mħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-Jemen; jikkundanna l-fatt li ċivili jinsabu fil-mira u qed jinqabdu f'sitwazzjoni intollerabbli bejn il-partijiet fil-kunflitt li qed jagħtuhom struzzjonijiet kunfliġġenti, bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati huma strettament ipprojbiti mid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mid-dritt umanitarju internazzjonali, u jistgħu jikkostititwixxu delitt tal-gwerra f'każ ta' reklutaġġ ta' tfal taħt il-ħmistax-il sena; jistieden lill-partijiet kollha jeħilsu lil dawn it-tfal minufih; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jagħmlu disponibbli sistemi tal-ilma u tad-drenaġġ, anke permezz tal-forniment urġenti ta' żejt għal pompi tal-fjuwil għall-estrazzjoni tal-ilma mill-ħamrija, li mingħajru l-kriżi umanitarja tkun ħafna agħar; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jagħtu attenzjoni partikolari lill-problema tas-saħħa li qed teskala f'Aden minħabba n-nuqqas ta' poter tal-istat u minħabba n-nuqqas ta' ilma nadif; jistieden lill-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf u lill-Gvern tal-Jemen jiżguraw li l-port u l-ajruport ta' Aden jiġu ġestiti b'mod ġust f'termini ta' aċċess u li l-provvisti umanitarji li jgħaddu mill-port jintbagħtu lil min suppost jirċevihom fi żmien debitu; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jikkalmaw it-tensjonijiet u jistabbilixxu waqfien mill-ġlied immedjat u stabbli li jwassal għal soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; f'dan il-kuntest, jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismaïl Ould Cheikh Ahmed, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 33/16 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sa Ottubru 2016 li titlob lin-NU taħdem mal-kummissjoni ta' inkjesta indipendenti nazzjonali, u jappoġġja l-isforzi kollha għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti sabiex titneħħa l-klima ta' impunità fil-Jemen; jistieden lill-Istati Membri jappoġġjaw id-dikjarazzjoni konġunta fuq inizjattiva tan-Netherlands li tesprimi tħassib dwar il-ksur u l-abbużi fil-Jemen u li tappella biex dawn jiġu investigati bir-reqqa u b'mod imparzjali; iħeġġeġ lill-Kummissarju Għoli juża l-format ta' tgħarrif intersessjonali biex iżomm lill-UNHRC infurmat regolarment dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tiegħu;
o
o o
50. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-71 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.