Dokument ta' sessjoni
B8- B8-0186/2017
13.3.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017
( 2017/2598(RSP) )
Petras Auštrevičius, Beatriz Becerra Basterrechea, Marielle de Sarnez, Gérard Deprez, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Ivan Jakovčić, Petr Ježek, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Carolina Punset, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Marietje Schaake, Hannu Takkula, Pavel Telička, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen
f'isem il-Grupp ALDE
B8- B8-0186/2017
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017
( 2017/2598(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu tal-2016 dwar l-Etjopja, il-Korea ta' Fuq, l-Indja, il-Krimea, Hong Kong, il-Każakistan, l-Eġittu, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Pakistan, il-Honduras, in-Niġerja, il-Gambja, id-Djibouti, il-Kambodja, it-Taġikistan, il-Vjetnam, il-Malawi, il-Bahrain, il-Myanmar/Burma, il-Filippini, is-Somalja, iż-Żimbabwe, ir-Rwanda, is-Sudan, it-Tajlandja, iċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja, it-Tibet, l-Iraq, l-Indoneżja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Burundi, in-Nikaragwa, il-Kuwajt u l-Gwatemala,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[2],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jenħtieġ li jiġi integrat fl-oqsma kollha ta' politika tal-UE;
B. billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ favur l-multilateraliżmu u favur il-korpi tan-NU fir-rigward tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
C. billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw jew is-sitwazzjonijiet speċifiċi tal-pajjiżi jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;
Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU
1. Jilqa' l-ħidma li saret mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra'ad Al Hussein u l-Uffiċċju tiegħu (OHCHR); ifakkar fl-impenn tal-UE li tkompli tappoġġja u tiddefendi l-integrità, l-indipendenza u l-funzjonament tiegħu; jilqa' r-rwol li jaqdi l-OHCHR fil-progress tal-kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem, u fl-identifikazzjoni ta' modi kif jiżdied ir-rwol tal-"arranġamenti reġjonali" b'rabta mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem universali;
2. Huwa tal-fehma li l-effikaċja u l-kredibilità tal-UNHRC jiddependu minn kemm għandhom impenn ġenwin il-membri biex jipproteġu lill-persuni kollha fil-pajjiżi kollha minn kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-universalità, l-imparzjalità, l-oġġettività, in-nonselettività, id-djalogu kostruttiv u l-kooperazzjoni; iħeġġeġ il-ħtieġa li tiġi evitata l-polarizzazzjoni tad-dibattitu fl-UNHRC u jinkoraġġixxi d-djalogu kostruttiv;
3. Jistieden lill-Istati jagħtu aċċess lill-esperti indipendenti tal-UNHRC, lir-Rapporteurs Speċjali u lill-esperti tal-OHCHR biex jinvestigaw l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni, jonoraw l-impenji tagħhom għall-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u joffru l-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC; jinkoraġġixxi lill-Istati kollha jieħdu passi konkreti biex jieħdu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jegħilbu n-nuqqasijiet billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' implimentazzjoni u ta' segwitu, inkluż l-istabbiliment ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u mekkaniżmi ta' koordinament nazzjonali;
4. Ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali li, meta tkun qed teleġġi l-membri tal-UNHRC, tqis ir-rispett li l-kandidati jkollhom għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija; Jilqa' d-deċiżjoni tal-UNHRC li talbet li l-Kumitat Konsultattiv tal-UNHRC iħejji rapport ta' valutazzjoni dwar il-progress li sar fl-istabbiliment ta' arranġamenti reġjonali u subreġjonali għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jirriflettu l-importanza ugwali tad-drittijiet u tax-xejriet ta' votazzjoni u jtejbu l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE f'dan ir-rigward; jitlob bil-qawwa li l-UE titkellem b'vuċi waħda u tilħaq pożizzjoni komuni tal-UE meta tiġi biex tivvota fil-UNHRC;
5. Itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, fl-Assemblea Ġenerali u fl-UNHRC, sabiex ittejjeb l-kredibilità tagħha; jappoġġja l-isforzi li saru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mid-delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u mill-Istati Membri biex tiżdied ulterjorment il-koerenza tal-UE fir-rigward tal-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU;
Prijoritajiet tematiċi
6. Jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jeħtieġu li jiġu protetti f'kull dimensjoni tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest tat-teknoloġiji ġodda; jikkondividi t-tħassib tal-UNHRC rigward ir-rapporti ta' theddid u ritaljazzjoni kontra membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs li kkooperaw mal-UNHRC fil-proċess tal-EPU;
7. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar għadd numeruż u dejjem jiżdied ta' tentattivi biex jiċċekken l-ispazju tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' liġijiet kontra t-terroriżmu; jikkundanna kull att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni jew persekuzzjoni kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, informaturi, ġurnalisti jew bloggers, kemm jekk online kif ukoll offline; jistieden lill-Istati kollha jippromwovu u jiżguraw ambjent sigur u nkorraġanti fejn l-NGOs, is-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u b'mod partikolari n-nisa u t-tfal, u l-gruppi vulnerabbli bħalma huma l-persuni LBGTI ikunu jistgħu joperaw b'mod indipendenti u mingħajr indħil; itenni l-appell tiegħu biex dawk l-Istati li adottaw leġiżlazzjoni restrittiva kontra organizzazzjonijiet indipendenti favur id-drittijiet tal-bniedem jirrevokawhom;
8. Jemmen li midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi waħda mill-pedamenti essenzjali ta' soċjetà demokratika, li fiha d-dibattiti miftuħa jaqdu rwol kruċjali; jappoġġja l-appell għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-sikurezza tal-ġurnalisti; jappella li fil-fora internazzjonali kollha jitqajmu l-kwistjonijiet tal-libertà tal-espressjoni online, tal-libertajiet diġitali u tal-importanza ta' Internet liberu u miftuħ; jappella biex jitnaqqas id-distakk diġitali u għal aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll għal aċċess mingħajr ċensura għall-internet;
9. Ifakkar li d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda għadu sfida ewlenija; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet għal-libertà ta' għaqda paċifika u għal-libertà ta' assoċjazzjoni, Maina Kiai; jistieden lill-Istati kollha jieħdu r-rapporti inkunsiderazzjoni kif dovut;
10. Iħeġġeġ lill-Istati kollha biex mill-aktar fis jirratifikaw il-Protokolli Fakultattivi tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) li jistabblixxu mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta;
11. Jopponi kull forma ta' diskriminazzjoni u persekuzzjoni fuq kwalunkwe bażi jew status bħalma huma r-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon u t-twemmin, l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini soċjali, il-kasta, it-twelid, l-età jew id-diżabilità; jappoġġja l-impenn tal-UE mal-proċeduri speċjali rilevanti, inkluż l-Espert Indipendenti ġdid dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru; jitlob lill-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni u tiġġieled il-vjolenza u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-individwi kollha;
12. Jesprimi t-tħassib tiegħu li ħafna nies, b'mod individwali jew b'mod kollettiv, isofru minn ksur tad-drittijiet tagħhom għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin, imwettaq minn stati jew atturi nonstatali, u li jwassal għal diskriminazzjoni, inugwaljanza u stigmatizzazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu miġġielda l-intolleranza u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon jew tat-twemmin sabiex jiġi żgurat ir-rispett tgħal drittijiet interdipendenti oħra tal-bniedem bħalma hi l-libertà ta' espressjoni;
13. Jitlob lill-UE taħdem sabiex tiżgura protezzjoni akbar tal-minoranzi reliġjużi u etniċi kontra l-persekuzzjoni u l-vjolenza u sabiex jitħassru l-liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jservu bħala pretest għall-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi u ta' dawk li ma jemmnux; jappella għas-sostenn favur il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà tar-reliġjon jew tat-twemmin;
14. Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-appoġġ kontinwu tal-UE għal approċċ tolleranza żero għall-piena tal-mewt, u jitlob li tkompli tfittex li ssaħħaħ aktar l-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt; jilqa' d-deċiżjoni meħuda fl-2015 mis-Suriname, Madagascar, Fiġi u r-Repubblika tal-Kongo li jabolixxu l-piena tal-mewt għar-reati kollha; jiddeplora l-fatt li reġgħu bdew iseħħu l-eżekuzzjonijiet f'numru ta' pajjiżi inklużi il-Bahrain, il-Kuwajt, il-Belarussja, il-Bangladesh, l-Indja, l-Oman, is-Sudan t'Isfel, l-Indoneżja u ċ-Chad; jiddeplora wkoll iż-żieda rappurtata ta' għadd ta' sentenzi ta' mewt mogħtija partikolarment fiċ-Ċina, fl-Eġittu, fl-Iran, fin-Niġerja, fil-Pakistan u fl-Arabja Sawdija; ifakkar lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi li huma Stati partijiet tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li b'mod strett tipprojbixxi l-użu tal-piena tal-mewt għal reati li jsiru minn persuna ta' taħt it-18-il sena;
15. Jappella lill-UE ssemma leħinha u tappoġġja l-ħidma tan-NU kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, l-eżekuzzjonijiet tal-massa, l-eżekuzzjonijiet għal reati inklużi reati relatati mad-droga, u jitlob lis-SEAE biex, fil-livelli kollha ta' djalogu u fil-fora kollha, tintensifika l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura u trattament ħażin ieħor, b'konformità mal-Linji Gwida tal-Politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti; jitlob ir-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u tal-Protokoll Fakultattiv tagħha;
16. Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-persistenza tal-ksur u tal-abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jappoġġja bil-qawwa l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) bħala istituzzjoni ewlenija biex iżżomm responsabbli lil dawk li jwettqu reati u biex tassisti lill-vittmi ħalli jiksbu l-ġustizzja abbażi tal-prinċipju ta' komplimentarjetà għad-delitti tal-gwerra, ir-reati kontra l-umanità u l-ġenoċidju; jitlob lill-partijiet kollha jagħtu appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku għall-operat ta' kuljum tal-QKI;
17. Jistieden lill-UE tkompli ssaħħaħ ix-xogħol tal-QKI; iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni qawwija bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddispjaċih għad-deċiżjoni li ħadu ċerti pajjiżi Afrikani li jirtiraw mill-QKI u jistedinhom jerġgħu jikkunsidrawha; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala;
18. Jikkundanna n-nuqqas ta' rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali, u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rata dejjem tiżdied ta' dannu liċ-ċivili f'kunflitti armati madwar id-dinja, u dwar l-attakki fatali kontra sptarijiet, skejjel, konvojs umanitarji u kontra miri ċivili oħra; jinsisti li tali vjolazzjonijiet jiġu kkunsidrati b'mod xieraq fit-trattattivi tal-UNHRC speċifiċi għall-pajjiż u fl-eżamijiet rilevanti taħt il-mekkaniżmu tal-EPU;
19. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur serju li għaddej bħalissa tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment dak ikkawżat mill-ISIS/Da'esh u l-attakki mill-Boko Haram li għandhom fil-mira lit-tfal, kif ukoll l-attakki l-oħra kollha li jsiru minn terroristi jew organizzazzjonijiet paramilitari kontra ċ-ċivili, partikolarment in-nisa u t-tfal; jikkundanna l-frekwenza u l-iskala tal-atti ta' qerda tal-wirt kulturali, u jappella għall-appoġġ għall-isforzi rilevanti mwettqa fid-diversi fora tan-NU;
20. Jappella lill-UE biex taħdem b'mod attiv għal inizjattiva dwar ir-rikonoxximent min-naħa tan-NU tal-ġenoċidju mwettaq kontra l-minoranzi etniċi u reliġjużi mill-hekk imsejjaħ ISIS/Daesh, u għat-tressiq quddiem il-QKI ta' każijiet ta' suspett ta' delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju; iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni qawwijin bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
21. Jitlob li l-UE tinkoraġġixxi lill-Istati kollha jpoġġu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-politiki tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni tan-NU tal-1986 dwar id-Dritt għall-Iżvilupp; jilqa' l-ħatra reċenti mill-UNHRC ta' Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-iżvilupp, li l-mandat tiegħu jinkludi li jikkontribwixxi għall-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-dritt għall-iżvilupp fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u ftehimiet internazzjonali oħra ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd għandhom ikunu fattur trasversali fil-kisba tal-għanijiet u l-miri kollha tal-Aġenda 2030;
22. Jistieden lill-UE tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tappoġġja b'mod attiv il-ħidma tal-UN Women u l-inizjattivi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet u l-programmi tagħha; jappella għal miżuri ta' appoġġ kontinwu li jsaħħu l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u l-qerda tal-vjolenza u tad-diskriminazzjoni kollha kontra n-nisa u l-bniet inkluża l-vjolenza sessista; jitlob bil-qawwa li l-UE tippromwovi inizjattivi transreġjonali għall-promozzjoni, il-protezzjoni u għas-sodisfar tad-drittijiet tan-nisa, tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u tal-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD u li tibqa' impenjata lejn id-drittijiet sesswali u riproduttivi f'dan il-kuntest;
23. Ifakkar fl-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti tal-ġeneri f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet storiċi 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jistieden lill-UE tappoġġja, fuq livell internazzjonali, ir-rikonoxximent tal-valur miżjud tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fir-rikostruzzjoni ta' wara l-kunflitti u fir-rikonċiljazzjoni sostenibbli;
24. Jitlob lill-UE tkompli tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, inkluż f'żoni ta' kunflitt u f'kampijiet tar-rifuġjati, u billi jiġu eliminati t-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, iċ-ċaħda tal-libertà, it-tortura, it-traffikar, iż-żwieġ tat-tfal, iż-żwieġ prekoċi u ż-żwieġ furzat, l-isfruttament sesswali, u l-prattiki dannużi bħalma hi l-mutilazzjoni ġenitali femminili; jappella għal miżuri li jappoġġjaw u jsaħħu l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jintemm l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u tas-sitwazzjonijiet ta' wara kunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-pajjiżi kollha tan-NU jonoraw l-obbligi u l-impenji tagħhom fl-ambitu tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom, u mingħajr ebda tip ta' diskriminazzjoni;
25. Jistieden lill-Istati jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, inklużi l-parteċipazzjoni ugwali u l-inklużjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-Istati kollha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Persuni b'Diżabilità;
26. Jitlob lill-UE taħdem mas-sħab tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi passi li jinkoraġġixxu lil aktar stati jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u jinvolvu ruħhom fil-linji ta' ħidma tal-gruppi ta' ħidma tan-NU u l-OHCHR; itenni l-appell tiegħu lill-Istati kollha, u lill-UE, biex jimpenjaw ruħhom b'mod attiv u b'mod kostruttiv f'dan il-proċess bl-għan li jistabbilixxu strument ġuridikament vinkolanti sabiex jipprevjenu, jinvestigaw, jirrimedjaw u jiżguraw aċċess għal rimedju meta jseħħ ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
27. Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti, li indirizzat il-kwistjoni ta' movimenti kbar ta' rifuġjati u migranti u wasslet għall-adozzjoni ta' patt globali dwar qafas komprensiv ta' rispons għar-rifuġjati (CRR) u l-impenn li japplika għall-migranti u r-rifuġjati, u li hija mmirata biex issalva l-ħajjiet, tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi, tiġġieled lir-razziżmu u l-ksenofobija, tiġġieled lit-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li tiżgura r-rikonoxximent u l-protezzjoni ugwali quddiem il-liġi u tiżgura l-inklużjoni fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali; jistieden lill-partijiet kollha involuti jiżguraw l-impenn politiku, finanzjament u atti konkreti ta' solidarjetà b'appoġġ għad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti u jfakkar li l-kwistjoni tal-migrazzjoni għandha tkompli tiġi eżaminata fuq skala globali, u mhux biss fil-livell Ewropew; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu minn ta' quddiem f'dawn l-isforzi internazzjonali, u jonoraw, f'konformità mal-obbligi tagħhom skont id-dritt internazzjonali, l-impenji tagħhom li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jfittxu asil, tar-rifuġjati, tal-migranti, u tal-persuni spostati kollha, b'mod partikolari n-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli, inklużi l-persuni b'diżabilità;
28. Ifakkar li r-ritorn tal-migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom, u biss meta l-protezzjoni ta' drittijiethom tkun garantita fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; jistieden lill-gvernijiet iwaqqfu l-arrest u d-detenzjoni arbitrarji tal-migranti, inklużi l-minorenni; jistieden lill-Istati kollha jieħdu miżuri konkreti fl-aħjar interessi tat-tfal rifuġjati u migranti abbażi tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jintroduċu miżuri sabiex isaħħu s-sistemi tal-protezzjoni tat-tfal, inkluż it-taħriġ ta' ħaddiema soċjali u gruppi professjonali oħra, kif ukoll sforzi koordinati ma' organizzazzjonijiet nongovernattivi; jistieden lill-Istati jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;
29. Jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat ta' Lisbona u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;
30. Jissottolinja n-neċessità li jiġi adottat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u li r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem jiġi integrat fil-politiki kollha tal-UE, inklużi dawk dwar il-kummerċ, l-investiment, is-servizzi pubbliċi, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-migrazzjoni, kif ukoll fil-politiki ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha;
31. Ifakkar il-fatt li l-koerenza interna u esterna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali għall-kredibilità tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet esterni tagħha ma' pajjiżi terzi u jitlob lill-UE tissodisfa l-impenji tagħha f'dan ir-rigward;
Prijoritajiet nazzjonali
Il-Belarussja
32. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwati fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u l-libertà ta' għaqda paċifika; jikkundanna l-intimidazzjoni fil-konfront ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u l-intimidazzjoni u d-detenzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem u jikkundanna l-użu kontinwat tal-piena tal-mewt; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-35 sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern biex bis-sħiħ jikkoopera mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq ir-riformi li messhom ilhom li saru biex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;
Il-Burundi
33. Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà li sejra għall-agħar fil-Burundi u dwar l-għadd dejjem jikber ta' nies li qed jaħarbu mill-pajjiż; jikkundanna l-vjolenza li ilha għaddejja fil-Burundi mill-2015 u li wasslet għal imwiet u t-tortura tan-nisa u għall-vjolenza mmirata kontra tagħhom, inklużi stupri kollettivi u fastidju; jikkundanna l-priġunerija ta' eluf ta' persuni u l-ispostament furzat ta' mijiet ta' eluf ta' Burundjani u l-ksur tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni, kif ukoll il-prevalenza tal-impunità fir-rigward ta' atti bħal dawn; jitlob inkjesta bir-reqqa u indipendenti tal-qtil u l-abbużi u biex dawk li wettqu dawn l-atti jitressqu quddiem il-ġustizzja; jappoġġja, f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE, b'segwitu għall-falliment tad-diskussjonijiet mibdija fis-sens tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li jiġi sospiż l-appoġġ finanzjarju dirett li jingħata lill-amministrazzjoni Burundjana, inkluż l-appoġġ baġitarju, iżda li jibqa' jingħata appoġġ finanzjarju sħiħ għall-popolazzjoni u għall-għajnuna umanitarja tagħha permezz ta' kanali diretti; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-Burundi li tqiegħed inkwistjoni s-sħubija tiegħu mal-UNHRC sakemm dan ma jibdiex jikkoopera b'mod sħiħ mal-Kummissjoni ta' Inkjesta (COI) u mal-Kunsill u l-mekkaniżmi tiegħu, jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv mal-COI u jindirizza t-tħassib serju dwar id-drittijiet tal-bniedem;
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
34. Jinsab imħasseb ferm dwar il-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li qed jitwettaq b'impunità sħiħa mill-forzi tas-sigurtà, u jitlob li dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jestendi l-miżuri restrittivi li hemm fis-seħħ bħalma huma s-sanzjonijiet immirati tal-UE, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi għal dawk responsabbli għar-ripressjoni vjolenti u għall-imminar tal-proċess demokratiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), f'każ ta' aktar vjolenza, hekk kif inhu previst fil-Ftehim ta' Cotonou; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jimplimentaw il-ftehim li ntlaħaq f'Diċembru 2016 u li jorganizzaw l-elezzjonijiet mhux aktar tard minn Diċembru ta' din is-sena bl-appoġġ tal-atturi internazzjonali; jistieden lill-UNHRC, f'dan ir-rigward, isostni l-iskrutinju tiegħu sal-elezzjonijiet u sakemm isseħħ it-tranżizzjoni demokratika; ifakkar fl-importanza tal-istabilità tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar u, b'mod partikolari, tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK, li tinkludi t-twettiq tal-vjolenza sesswali u li hija estremament ta' tħassib;
Ir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u r-reġjun Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar
35. Jibqa' mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-mezzi tax-xandir u n-nuqqas ta' aċċess għar-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, li huma okkupati mir-Russja u li fihom il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kuntatt interpersonali bejn it-territorju kkontrollat minn Tbilisi u ż-żewġ reġjuni okkupati; jappella biex is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia jiġu rispettati bis-sħiħ, kif ukoll l-invjolabilità tal-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom (IDPs) jirritornaw b'mod sikur u dinjituż fil-post ta' residenza permanenti tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura li jingħata segwitu lir-rakkomandazzjonijiet li sarulu fil-proċess tal-EPU;
L-Iran
36. Jistieden lill-Iran jikkoopera bis-sħiħ mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem kollha tan-NU u jaħdem favur l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula f'dan il-kuntest, inkluż l-EPU, billi jippermetti li l-organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem iwettqu l-missjonijiet tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Iran jindirizza t-tħassib sostanzjali enfasizzat fir-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU u tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, kif ukoll l-appelli speċifiċi għal azzjoni li jinsabu fir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jinnota bi tħassib li l-Iran għandu l-ogħla livell ta' eżekuzzjonijiet taħt il-piena tal-mewt per capita fid-dinja; jistieden lill-Iran jiddikjara moratorju fuq il-piena tal-mewt; jappella sabiex jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha;
Il-Myanmar/Burma
37. Jinsab estremament imħasseb dwar ir-rapporti ta' kunflitti vjolenti fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine, u jiddeplora t-telf ta' ħajjiet, ta' għajxien u ta' kenn u, skont rapporti, l-użu sproporzjonat tal-forza mill-forzi armati tal-Myanmar/Burma; iħeġġeġ lill-forzi militari u tas-sigurtà jwaqqfu minnufih il-qtil, il-fastidju u l-istupri mwettqa kontra l-poplu Rohingya, kif ukoll il-ħruq tad-djar tagħhom; jitlob b'insistenza li l-Gvern u l-awtoritajiet ċivili tal-Myanmar/Burma iwaqqfu minnufih id-diskriminazzjoni kontra l-minoranza Rohingya u s-segregazzjoni tagħhom; jappella biex id-drittijiet tal-poplu Rohingya jiġu ssalvagwardati u biex jiġu garantiti s-sikurezza, is-sigurtà u l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha tal-Myanmar/Burma;
38. Jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Myanmar/Burma li jqiegħed bħala prijorità ewlenija l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jilqa' t-tħabbira mill-Gvern tal-Myanmar/Burma tat-twaqqif ta' Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-vjolenza reċenti fl-Istat ta' Rakhine; jissottolinja l-ħtieġa li dawk responsabbli jittellgħu l-qorti, u li jiġi pprovdut rimedju adegwat għall-vittmi tal-vjolazzjonijiet; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar/Burma jkompli l-proċess ta' demokratizzazzjoni u jirrispetta l-istat tad-dritt, il-libertà tal-kelma u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw mandat imġedded tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Myanmar/Burma;
L-Arabja Sawdija
39. Ifakkar fit-tħassib tiegħu dwar il-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; jikkundanna r-rata allarmanti li biha qed jingħataw l-ordnijiet biex tiġi eżegwita l-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija, inklużi l-eżekuzzjonijiet tal-massa u jistieden lill-Arabja Sawdija timponi moratorju fuq il-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu lil dawk kollha li jinsabu l-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2015, Raif Badawi; jitlob lill-UE ssegwi mill-qrib il-każ partikolari tiegħu; itenni li jenħtieġ li l-membri tal-UNHRC jiġu eletti minn fost l-Istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jistieden lill-awtoritajiet Sawdin jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC u mal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;
Is-Sirja
40. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-vjolazzjonijiet fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-forzi ta' Assad bl-appoġġ tar-Russja u l-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali minn gruppi terroristiċi armati mhux statali, b'mod partikolari l-ISIS/Daesh, Jabhat Fateh al-Sham/Front al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħra; jenfasizza l-ħtieġa li jkomplu jiġu investigati l-użu u l-qerda tal-armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tar-Russja u taċ-Ċina li jimblukkaw riżoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-użu tal-armi kimiċi; itenni t-talba tiegħu għal aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel, u għal konsegwenzi u l-obbligu ta' rendikont għal dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappoġġja l-inizjattiva tal-UE biex is-sitwazzjoni fis-Sirja tiġi riferuta lill- QKI, u jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni f'dan ir-rigward;
41. Jilqa' l-panel ta' livell għoli mwaqqaf bir-riżoluzzjoni adottata waqt it-33 sessjoni tal-UNHRC li, b'konsultazzjoni mal-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta' Inkjesta (COI), se jinvestiga l-għajbien imġiegħel, id-detenzjoni arbitrarja u l-ħtieġa tal-obbligu ta' rendikont għall-vjolazzjonijiet relatati, u se jkun ikkaratterizzat mit-testimonjanzi tax-xhieda u vuċijiet Sirjani; jappoġġja l-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta biex twettaq investigazzjoni speċjali dwar Aleppo, li għandha tiġi rrappurtata lura sa mhux aktar tard mill-34 sessjoni tal-UNHRC f'Marzu u jitlob li r-rapport jitressaq quddiem l-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà; jappoġġja t-tiġdid tal-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta;
Is-Sudan t'Isfel
42. Jistieden lill-partijiet kollha joqogħdu lura milli jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż dak li jikkostitwixxi delitt internazzjonali, bħalma hu l-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza mmirata etnikament, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza sessista, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien imġiegħel u l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji; jinnota li l-Gvern tas-Sudan iffirma l-Ftehim dwar Pjan Direzzjonali fis-16 ta' Marzu 2016 u sussegwentement ikkjarifika l-impenji tiegħu rigward l-inklużjoni ta' partijiet interessati rilevanti oħra fid-Djalogu Nazzjonali u dwar it-tkomplija tal-ħarsien ta' kwalunkwe deċiżjoni milħuqa bejn il-firmatarji mill-oppożizzjoni u l-Mekkaniżmu 7+7, il-kumitat ta' tmexxija tad-Djalogu Nazzjonali; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-partijiet kollha jirrispettaw l-impenn tagħhom u jappella biex ikompli għaddej id-djalogu lejn l-istabbiliment ta' waqfien definittiv mill-ġlied; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jibqgħu jonoraw l-impenn tagħhom li jappoġġjaw l-isforzi tal-Unjoni Afrikana biex tinġieb il-paċi fis-Sudan u għall-poplu Sudaniż fit-tranżizzjoni tagħhom lejn demokrazija riformata internament;
43. Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jġeddu l-mandat tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sudan t'Isfel, isaħħu r-rwol tagħha biex twettaq investigazzjonijiet dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, u jagħmlu mmappjar tal-vjolenza sesswali; jappoġġja l-integrazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu f'rapport li għandu jitressaq lill-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
L-Ukrajna
44. Jiddeplora l-fatt li l-aggressjoni Russa li għadha għaddejja kkawżat sitwazzjoni umanitarja mwiegħra fid-Donbas u li l-organizzazzjonijiet umanitarji tal-Ukrajna u dawk internazzjonali qed jiġu miċħuda l-aċċess għar-reġjuni okkupati; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjonijiet umanitarji diffiċli li qed jiġu ffaċċjati minn aktar minn 1.5 miljun persuna spostati internament; jinsab imħasseb ħafna dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea okkupata mir-Russja, b'mod speċjali s-sitwazzjoni mwiegħra tat-Tatari tal-Krimea, u jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tagħti aktar assistenza finanzjarja lill-Ukrajna; jikkonferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza politika, l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-konfini tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-għażla libera u sovrana tagħha li taqbad perkors Ewropew; jistieden lill-partijiet kollha jipproċedu minnufih bir-riintegrazzjoni paċifika tal-peniżola tal-Krimea okkupata fis-sistema ġuridika Ukrena permezz tad-djalogu politiku u f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kunsill iżidu l-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tippermetti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali aċċess għall-Krimea, bil-għan li jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dawl tal-ksur gravi li għadu għaddej tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola, u bil-għan li jistabbilixxu mekkaniżmi ta' monitoraġġ internazzjonali permanenti u bbażati fuq il-konvenzjonijiet;
Il-Jemen
45. Jinsab imħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-Jemen; jikkundanna l-fatt li ċivili jinsabu fil-mira u qed jinqabdu f'sitwazzjoni intollerabbli bejn il-partijiet fil-kunflitt li qed jagħtuhom struzzjonijiet kunfliġġenti, bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati huma strettament ipprojbiti mid-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u mid-dritt umanitarju internazzjonali, u jistgħu jikkostititwixxu delitt tal-gwerra f'każ ta' reklutaġġ ta' tfal ta' taħt il-ħmistax-il sena; jistieden lill-partijiet kollha biex jeħilsu minnufih lil dawn it-tfal u biex iżommu lura milli jirreklutawhom; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jnaqqsu t-tensjonijiet u jistabbilixxu waqfien mill-ġlied immedjat u stabbli li jwassal għal soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; f'dan il-kuntest, jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismaïl Ould Cheikh Ahmed, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 33/16 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sa Ottubru 2016 li titlob lin-NU taħdem mal-kummissjoni ta' inkjesta indipendenti nazzjonali, u jappoġġja l-isforzi kollha għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti sabiex tinqered il-klima ta' impunità fil-Jemen;
o
o o
46. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-71 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.