Dokument ta' sessjoni

 

B8-0187/2017

13.3.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017

( 2017/2598(RSP) )

Elena Valenciano, Pier Antonio Panzeri, Soraya Post and others

f'isem il-Grupp S&D

 

B8-0187/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017

( 2017/2598(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti;

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu tal-2016 dwar l-Etjopja, il-Korea ta' Fuq, l-Indja, il-Krimea, Hong Kong, il-Każakistan, l-Eġittu, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Pakistan, il-Honduras, in-Niġerja, il-Gambja, il-Djibouti, il-Kambodja, it-Taġikistan, il-Vjetnam, il-Malawi, il-Bahrain, il-Myanmar/Burma, il-Filippini, is-Somalja, iż-Żimbabwe, ir-Rwanda, is-Sudan, it-Tajlandja, iċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja, it-Tibet, l-Iraq, l-Indoneżja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Burundi, in-Nikaragwa, il-Kuwajt u l-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fid-dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi integrat fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE;

B.  billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ favur l-multilateraliżmu u l-korpi tan-NU fir-rigward tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw jew sitwazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra'ad Al Hussein u l-Uffiċċju tiegħu (OHCHR); ifakkar fl-impenn tal-UE li tkompli tappoġġja u tiddefendi l-integrità, l-indipendenza u l-funzjonament tagħha; jilqa' r-rwol li żvolġa l-OHCHR fil-progress tal-kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u fl-identifikazzjoni tal-modi biex iżidu r-rwol tal-"arranġamenti reġjonali" b'rabta mal-istandards universali tad-drittijiet tal-bniedem;

2.  Huwa tal-fehma li l-effikaċja u l-kredibilità tal-UNHRC jiddependu fuq l-impenn ġenwin tal-membri tiegħu biex jipproteġu l-persuni kollha fil-pajjiżi kollha minn kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-universalità, l-imparzjalità, l-oġġettività, in-nonselettività, id-djalogu kostruttiv u l-kooperazzjoni; iħeġġeġ il-ħtieġa li tkun evitata l-polarizzazzjoni tad-dibattiu fl-UNHRC u jinkoraġġixxi djalogu kostruttiv;

3.  Jistieden lill-Istati jagħtu aċċess lill-esperti indipendenti tal-UNHRC, lir-Rapporteurs Speċjali u lill-esperti tal-OHCHR biex jinvestigaw l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni, jonoraw l-impenji tagħhom għall-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u joffru l-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC (inkluż l-Eżami Perjodiku Universali, EPU); jinkoraġġixxi lill-Istati kollha jieħdu passi konkreti biex jieħdu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jegħlbu n-nuqqasijiet billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' implimentazzjoni u ta' segwitu, inkluż l-istabbiliment ta' pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni u mekkaniżmi nazzjonali ta' koordinament;

4.  Ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali, meta teleġġi l-membri tal-UNHRC, li tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; jilqa' d-deċiżjoni tal-UNHRC meta talab li l-Kumitat Konsultattiv HRC iħejji rapport ta' valutazzjoni dwar il-progress li sar fl-istabbiliment ta' arranġamenti reġjonali u subreġjonali għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jappella biex il-pożizzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri tagħha jirriflettu l-importanza ugwali tad-drittijiet u tax-xejriet tal-vot u għat-titjib tal-koordinament tal-pożizzjonijiet tal-UE f'dan ir-rigward; jinsisti bil-qawwa li l-UE titkellem b'vuċi waħda u tilħaq pożizzjoni komuni tal-UE meta tivvota fil-UNHRC;

5.  Itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, fl-Assemblea Ġenerali u fl-UNHRC, sabiex ittejjeb l-kredibilità tagħha; jappoġġja l-isforzi li saru mis-SEAE, mid-Delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u mill-Istati Membri biex tiżdied ulterjorment il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU;

Prijoritajiet tematiċi

6.  Jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-fatt li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jeħtieġ li jiġu protetti f'kull sens tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest ta' teknoloġiji ġodda; jikkondividi t-tħassib tal-UNHRC rigward ir-rapporti ta' theddid u rappreżalji kontra membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tal-NGOs li kkooperaw mal-UNHRC fil-proċess tal-EPU;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd numeruż u dejjem jiżdied ta' tentattivi biex jiċkien l-ispazju tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' liġijiet kontra t-terroriżmu; jikkundanna kull att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni jew persekuzzjoni fil-konfront tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, informaturi, ġurnalisti jew bloggers, kemm jekk online kif ukoll offline; jistieden lill-Istati kollha jippromwovu u jiżguraw ambjent sikur u favorevoli għall-NGOs, is-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'fokus partikolari fuq il-gruppi vulnerabbli kollha, b'tali mod li jkunu jistgħu joperaw b'mod indipendenti u mingħajr indħil; itenni l-appell tiegħu biex l-Istati li adottaw liġijiet restrittivi kontra organizzazzjonijiet indipendenti favur id-drittijiet tal-bniedem jirrevokawhom;

8.  Jemmen li midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi waħda mill-pedamenti essenzjali ta' soċjetà demokratika, fejn dibattiti miftuħa jiżvolġu rwol kruċjali; jappoġġja t-talba għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-sikurezza tal-ġurnalisti; jappella li jitqajmu l-kwistjonijiet tal-libertà ta' espressjoni online, il-libertajiet diġitali u l-importanza ta' internet liberu u miftuħ fil-fora internazzjonali kollha; jappella biex jitnaqqas id-distakk diġitali u għal aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll għal aċċess mingħajr ċensura għall-internet;

9.  Ifakkar li d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda għadu sfida ewlenija; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni paċifika u ta' għaqda, Maina Kiai; jistieden lill-Istati kollha biex iqisu r-rapporti b'mod xieraq;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati kollha biex jirratifikaw rapidament il-Protokolli Fakultattivi tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) li jistabblixxu mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta;

11.  Jopponi kwalunkwe forma ta' diskriminazzjoni u persekuzzjoni fuq kwalunkwe bażi jew status bħar-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon u t-twemmin, l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini soċjali, il-kasta, it-twelid, l-età u d-diżabilità; jappoġġja l-impenn tal-UE mal-proċeduri speċjali rilevanti, inkluż l-Espert Indipendenti ġdid dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru; jitlob lill-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni u tiġġieled il-vjolenza u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-individwi kollha;

12.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li ħafna nies, b'mod individwali jew b'mod kollettiv, isofru minn ksur tad-drittijiet tagħhom għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin, imwettaq minn Stati jew atturi nonstatali, u li jwassal għal diskriminazzjoni, inugwaljanza u stigmatizzazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu miġġielda l-intolleranza u d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin sabiex jiġi żgurat ir-rispett ta' drittijiet tal-bniedem interdipendenti oħrajn bħal-libertà ta' espressjoni;

13.  Jitlob lill-UE taħdem sabiex tiżgura aktar protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi kontra l-persekuzzjoni u l-vjolenza u sabiex tħassar liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jservu bħala pretest għall-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi u ta' persuni li ma jemmnux; jappella għas-sostenn favur il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin;

14.  Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-appoġġ kontinwu tal-UE għal approċċ tolleranza żero għall-piena tal-mewt, u jitlob biex tkompli tfittex li ssaħħaħ l-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt; jilqa' d-deċiżjoni meħuda fl-2015 mis-Suriname, Madagascar, Fiġi u r-Repubblika tal-Kongo li jabolixxu l-piena tal-mewt għad-delitti kollha; jiddeplora l-fatt li reġgħu bdew iseħħu l-eżekuzzjonijiet f'numru ta' pajjiżi inklużi il-Bahrain, il-Kuwajt, il-Belarus, il-Bangladesh, l-Indja, l-Oman, is-Sudan t'Isfel, l-Indoneżja u ċ-Chad; Jiddeplora wkoll iż-żieda rappurtata ta' għadd ta' sentenzi ta' mewt mogħtija partikolarment fiċ-Ċina, l-Eġittu, l-Iran, in-Niġerja, il-Pakistan u l-Arabja Sawdija; ifakkar lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi li huma firmatarji tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tipprojbixxi b'mod strett l-użu tal-piena tal-mewt għal delitti li jsiru minn persuna taħt it-18-il sena;

15.  Iħeġġeġ lill-UE ssemma leħenha biex tappoġġja l-ħidma tan-NU kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, eżekuzzjonijiet tal-massa u eżekuzzjonijiet oħra, inklużi għal reati relatati mad-droga, u jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex, fil-livelli kollha ta' djalogu u fil-fora kollha, iżid l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura u trattament ħażin ieħor, bi qbil mal-linji gwida tal-politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti; jitlob ir-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha;

16.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-persistenza ta' ksur u abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jappoġġja bil-qawwa l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) bħala istituzzjoni prinċipali biex l-awturi ta' reati jagħtu kont ta' għemilhom u biex tgħin lill-vittmi jiksbu ġustizzja abbażi tal-prinċipju ta' komplementarjetà fir-rigward ta' ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; jistieden lill-partijiet kollha jipprovdu appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku għall-operat ta' kuljum tal-QKI;

17.  Jistieden lill-UE tkompli ssaħħaħ ix-xogħol tal-QKI; jinkoraġġixxi djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddispjaċih għad-deċiżjoni li ħadu ċerti pajjiżi Afrikani li jirtiraw mill-QKI, u jistedinhom jerġgħu jikkunsidrawha; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxu r-ratifika tal-emendi ta' Kampala;

18.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur serju li għaddej bħalissa tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment dak ikkawżat mill-ISIS/Daesh u l-attakki minn Boko Haram li għandhom fil-mira lit-tfal, kif ukoll l-attakki kollha mit-terroristi jew l-organizzazzjonijiet paramilitari l-oħrajn kollha kontra ċ-ċivili, partikolarment in-nisa u t-tfal; jikkundanna l-frekwenza u l-portata tal-atti tal-qerda tal-patrimonju kulturali u jappella għal appoġġ għall-isforzi rilevanti mwettqa minn bosta fora tan-NU;

19.  Jistieden lill-UE taħdem b'mod attiv għal inizjattiva dwar rikonoxximent min-naħa tan-NU ta' ġenoċidju kontra minoranzi etniċi u reliġjużi mwettaq mill-hekk imsejjaħ ISIS/Daesh u għal tressiq quddiem il-QKI ta' każijiet ta' suspetti ta' delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju; jinkoraġġixxi djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

20.  Jistieden lill-UE tinkoraġġixxi lill-Istati kollha jpoġġu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-politiki tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u jimplimentaw id-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986; jilqa' l-ħatra reċenti mill-UNHRC ta' Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-iżvilupp, li l-mandat tiegħu jinkludi li jikkontribwixxi għall-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-dritt għall-iżvilupp fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u ftehimiet internazzjonali oħrajn ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd għandhom ikunu fattur trażversali fil-kisba tal-għanijiet u l-miri kollha tal-Aġenda 2030;

21.  Jistieden lill-UE tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tappoġġja b'mod attiv il-ħidma tal-UN Women u l-inizjattivi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet u l-programmi tagħha; jappella għal miżuri ta' appoġġ kontinwu li jsaħħu l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u l-qerda tal-vjolenza u tad-diskriminazzjoni kollha kontra n-nisa u l-bniet inkluża l-vjolenza sessista; jitlob bil-qawwa li l-UE tfittex inizjattivi transreġjonali għall-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tan-nisa u l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi kemm tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, u li tibqa' impenjata lejn id-drittijiet sesswali u riproduttivi f'dan il-kuntest;

22.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru f'konformità mar-Riżoluzzjonijiet storiċi 1325 (2000) u 1820 (2008) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jistieden lill-UE tappoġġja, fuq livell internazzjonali, ir-rikonoxximent tal-valur miżjud tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitti u fir-rikonċiljazzjoni sostenibbli;

23.  Jitlob lill-UE tkompli tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, inkluż f'żoni ta' kunflitt u f'kampijiet tar-rifuġjati, u billi jiġu eliminati t-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, iċ-ċaħda tal-libertà, it-tortura, it-traffikar, iż-żwieġ tat-tfal, prekoċi u dak furzat, l-isfruttament sesswali, u l-prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili; jappella għal miżuri li jappoġġjaw u jsaħħu l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jintemm l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u ta' wara kunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-pajjiżi kollha tan-NU jonoraw l-obbligi stabbiliti mit-trattati u l-impenji tagħhom skont il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom irrispettivament mill-istatus ġuridiku tagħhom, u mingħajr diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip;

24.  Jistieden lill-Istati jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, inklużi l-parteċipazzjoni ugwali u l-inklużjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-Istati kollha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Persuni b'Diżabilità;

25.  Jitlob lill-UE taħdem mas-sħab fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi miżuri li jinkoraġġixxu aktar Stati jadottaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u jinvolvu ruħhom fil-linji ta' ħidma tal-gruppi ta' ħidma tan-NU u l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR); itenni s-sejħa tiegħu lill-Istati kollha, inkluża l-UE, biex ikunu involuti b'mod attiv u kostruttiv fit-tfassil, kemm jista' jkun malajr, ta' strument legalment vinkolanti li, fid-dritt internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi ta' negozju oħra għall-prevenzjoni, l-investigazzjoni, ir-rimedju u l-għoti ta' aċċess għal rimedju għall-ksur tad-drittijiet tal-bniedem kull meta dan iseħħ;

26.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti, li indirizzat il-kwistjoni ta' movimenti kbar ta' rifuġjati u migranti u wasslet għall-adozzjoni ta' patt globali dwar qafas komprensiv ta' rispons għar-rifuġjati (CRR), u l-impenn li tapplika għall-migranti u r-rifuġjati u hija mmirata biex issalva l-ħajjiet, tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi, tiġġieled ir-razziżmu u l-ksenofobija, tiġġieled it-traffikar tal-bnedmin, tiżgura r-rikonoxximent u l-protezzjoni ugwali fil-liġi u tiżgura l-inklużjoni fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali; jistieden lill-partijiet kollha involuti jiżguraw impenn politiku, finanzjament u atti konkreti ta' solidarjetà b'appoġġ tad-Dikjarazzjoni ta' New York għar-Rifuġjati u l-Migranti, u jfakkar li l-kwistjoni tal-migrazzjoni għandha tkompli tiġi eżaminata fuq skala globali, u mhux biss fil-livell Ewropew; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu minn ta' quddiem f'dawn l-isforzi internazzjonali u, jonoraw, f'konformità mal-obbligi tagħhom fid-dritt internazzjonali, l-impenji tagħhom biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jfittxu asil, ir-rifuġjati, il-migranti, u l-persuni spostati kollha, fosthom dawk tan-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli, inklużi l-persuni b'diżabilità;

27.  Ifakkar li r-ritorn ta' migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom, u biss meta l-protezzjoni ta' drittijiethom tkun garantita fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; jistieden lill-gvernijiet iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' migranti, inklużi l-minorenni; jistieden lill-Istati kollha jieħdu miżuri konkreti fl-aħjar interessi tar-rifuġjati u l-migranti tfal ibbażati fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jintroduċu miżuri sabiex isaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal, inklużi t-taħriġ ta' ħaddiema soċjali u gruppi professjonali oħra u l-ħidma ma' organizzazzjonijiet mhux governattivi; jistieden lill-Istati jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

28.  Jissottolinja l-importanza tal-promozzjoni tal-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ċivili, politiċi, ekonomiċi, soċjali u kulturali, skont l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

29.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u li jintegra r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki kollha tal-UE, fosthom dawk dwar il-kummerċ, l-investiment, is-servizzi pubbliċi, il-kooperazzjoni fl-iżvilupp u l-migrazzjoni, kif ukoll fil-politiki ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha;

30.  Ifakkar il-fatt li l-koerenza interna u esterna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali għall-kredibilità tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet esterni tagħha ma' pajjiżi terzi, u jitlob lill-UE tissodisfa l-impenji tagħha f'dan ir-rigward;

Il-Belarussja

31.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika; jikkundanna l-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna l-użu persistenti tal-piena tal-mewt; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fil-35 Sessjoni tal-Kunsill, u jistieden lill-gvern jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq ir-riformi li messhom ilhom li saru biex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

Il-Burundi

32.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar is-sitwazzjoni politika u ta' sigurtà li sejra għall-agħar fil-Burundi u l-għadd dejjem jikber ta' nies li qed jaħarbu mill-pajjiż; jikkundanna l-vjolenza li ilha għaddejja fil-Burundi mill-2015 u li wasslet għal imwiet, tortura u vjolenza mmirata kontra n-nisa, inklużi stupri kollettivi u fastidju; jikkundanna l-priġunerija ta' eluf ta' persuni u l-ispostament furzat ta' mijiet ta' eluf ta' Burundjani u l-ksur tal-libertà tal-istampa u ta' espressjoni, kif ukoll il-prevalenza tal-impunità fir-rigward ta' atti bħal dawn; jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE, wara l-falliment tad-diskussjonijiet mibdija skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li jiġi sospiż l-appoġġ finanzjarju dirett lill-amministrazzjoni Burundjana, inkluż l-appoġġ baġitarju, filwaqt li jibqa' jingħata appoġġ finanzjarju sħiħ għall-popolazzjoni u għall-għajnuna umanitarja permezz ta' mezzi diretti; jappoġġja bis-sħiħ l-istabbiliment ta' kummissjoni ta' inkjesta fuq il-Burundi li tidentifika l-allegati awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi fil-pajjiż, bl-għan li tiġi żgurata responsabilità sħiħa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-Burundi li titfa' f'dubju s-sħubija tiegħu mal-HRC (Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem) dment li dan ma jibdiex jikkoopera b'mod sħiħ mal-Kummissjoni ta' Inkjesta (COI) u mal-Kunsill u l-mekkaniżmi tiegħu, jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv mas-COI u jindirizza l-preokkupazzjonijiet serji dwar id-drittijiet tal-bniedem;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

33.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar id-deterjorament persistenti tas-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jissodisfa l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hu parti fihom, u jistiednu jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, l-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-RDPK ikollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa; jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku tal-piena tal-mewt fir-RDPK fuq skala kbira; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jiddikjara moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bl-għan li l-piena tal-mewt tiġi abolita fil-ġejjieni qrib; jitlob b'insistenza li dawk l-aktar responsabbli għad-delitti kontra l-umanità mwettqa fir-RDPK jinżammu responsabbli, jitressqu quddiem il-Qorti Kriminali Internazzjonali u jiġu soġġetti għal sanzjonijiet immirati; jikkundanna bil-qawwa t-testijiet nukleari bħala provokazzjoni bla bżonn u perikoluża kif ukoll bħala ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u bħala theddida serja għall-paċi u l-istabilità fil-Peniżola Koreana u r-reġjun tal-Asja tal-Grigal; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali; jitlob il-preżentazzjoni tar-rapport tal-grupp ta' esperti lill-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jirrakkomanda li jiġu inkorporati fir-riżoluzzjoni r-rakkomandazzjonijiet prinċipali dwar l-obbligu ta' rendikont mir-rapport tal-esperti, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Uffiċċju ta' Seoul b'kompetenzi investigattivi u ta' prosekuzzjoni, kif ukoll il-ħatra ta' espert ġuridiku fil-qasam kriminali biex isir progress lejn l-obbligu ta' rendikont;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK)

34.  Jikkundanna l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem li qed jitwettaq b'impunità sħiħa mill-forzi tas-sigurtà, u jitlob li dawk responsabbli jwieġbu għal għemilhom; jitlob b'mod speċjali li ssir investigazzjoni bir-reqqa dwar il-vjolenza brutali kontra persuni ċivili fil-Lvant tal-Kongo, inkluż l-istupru tan-nisa u l-iskjavitù tat-tfal; jitlob li jkun hemm estensjoni possibbli tal-mandat tal-Forza għaż-Żamma tal-Paċi tan-NU fil-Lvant tal-Kongo; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra li jestendi l-miżuri restrittivi fis-seħħ bħas-sanzjonijiet immirati tal-UE, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi għal dawk responsabbli għar-repressjoni vjolenti u għall-imminar tal-proċess demokratiku fir-RDK, f'każ ta' aktar vjolenza, hekk kif inhu previst fil-Ftehim ta' Cotonou; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jimplimentaw il-ftehim milħuq f'Diċembru 2016 u li jsiru elezzjonijiet mhux aktar tard minn Diċembru ta' din is-sena bl-appoġġ ta' atturi internazzjonali; jistieden lill-UNHRC tkompli l-iskrutinju tagħha tar-RDK sa ma jsiru l-elezzjonijiet u sseħħ tranżizzjoni demokratika; jinkoraġġixxi lill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli jinforma lill-Kunsill dwar is-sitwazzjoni fir-RDK, fejn xieraq, u tieħu azzjoni aktar qawwija jekk ikun meħtieġ;

Il-Myanmar/Burma

35.  Huwa mħasseb ferm dwar ir-rapporti ta' kunflitti vjolenti fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine, u jiddeplora t-telf ta' ħajjiet, ta' għajxien u ta' kenn u r-rapporti ta' użu sproporzjonat tal-forza mill-forzi armati tal-Myanmar/Burma; iħeġġeġ lill-forzi militari u tas-sigurtà jwaqqfu minnufih il-qtil, il-fastidju u l-istupri mwettqa kontra l-poplu Rohingya, kif ukoll il-ħruq tad-djar tagħhom; jinsisti li l-Gvern tal-Myanmar/Burma u l-awtoritajiet ċivili tal-Myanmar/Burma jtemmu minnufih id-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni fil-konfront tal-minoranza Rohingya; jappella biex id-drittijiet tal-poplu Rohingya jiġu salvagwardati u jiġu garantiti s-sikurezza, is-sigurtà u l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha tal-Myanmar/Burma; jilqa' d-deċiżjoni tal-gvern tal-Myanmar/Burma li jqiegħed bħala prijorità ewlenija l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jilqa' t-tħabbira min-naħa tal-gvern tal-Myanmar/Burma b'rabta mal-istabbiliment ta' Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-vjolenza reċenti fl-istat ta' Rakhine; jissottolinja l-ħtieġa ta' prosekuzzjoni xierqa kontra dawk responsabbli, u li jiġi pprovdut rimedju adegwat għall-vittmi ta' ksur; jistieden lill-gvern tal-Myanmar/Burma jkompli l-proċess ta' demokratizzazzjoni u jirrispetta l-istat tad-dritt, il-libertà ta' espressjoni u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġjaw mandat imġedded tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Myanmar/Burma;

It-Territorji Palestinjani Okkupati (TPO)

36.  Jinsab imħasseb ħafna dwar l-istaġnar persistenti tal-proċess ta' paċi tal-Lvant Nofsani, u jitlob li sforzi kredibbli għall-paċi jerġgħu jinbdew mingħajr dewmien; jiddeplora ksur fuq skala kbira tad-dritt umanitarju internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem mis-setgħa okkupanti fit-Territorji Palestinjani Okkupati; jitlob li tittieħed responsabilità għal kull ksur ta' dan it-tip; jenfasizza l-ħtieġa li jitkompla l-impenn tal-UE u l-Istati Membri tagħha fl-appoġġ tat-teħid ta' responsabilità għall-ksur u l-abbużi identifikati mill-Kummissjoni ta' Inkjesta (COI) ta' Gaża; jappoġġja l-isforzi attwali lejn l-obbligu ta' rendikont, inkluż dwar l-investigazzjoni preliminari tal-QKI li għaddejja; ifakkar li n-negozji għandhom responsabilità li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fl-involviment tagħhom mat-TPO; jistieden lill-Iżraeljani u lill-Palestinjani jevitaw passi li jistgħu jqanqlu eskalazzjoni ulterjuri, inklużi d-diskors ta' mibegħda u t-tixwix fl-arena pubblika li jistgħu jippreġudikaw l-eżitu tan-negozjati u jheddu l-vijabilità tas-soluzzjoni ta' żewġ stati; jissottolinja l-fatt li kwalunkwe soluzzjoni dejjiema għall-kunflitt tista' tinkiseb biss f'kuntest reġjonali bl-involviment tal-partijiet konċernati reġjonali kollha u l-appoġġ tal-komunità internazzjonali;

Is-Sudan t'Isfel

37.  Jistieden lill-partijiet kollha joqogħdu lura milli jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż dak li jikkostitwixxi delitt internazzjonali, bħall-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza mmirata etnikament, il-vjolenza sesswali relatata mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza abbażi ta' ġeneru, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien furzat u l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji; jinnota li l-Gvern tas-Sudan t'Isfel iffirma l-Ftehim ta' Pjan Direzzjonali fis-16 ta' Marzu 2016, u sussegwentement iċċara l-impenji tiegħu rigward l-inklużjoni ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fid-Djalogu Nazzjonali u dwar it-tkomplija ta' ħarsien ta' kwalunkwe deċiżjoni milħuqa bejn il-firmatarji mill-oppożizzjoni u l-Mekkaniżmu 7+7, il-kumitat ta' tmexxija tad-Djalogu Nazzjonali; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-partijiet kollha jirrispettaw l-impenn tagħhom u jappella għal djalogu kontinwu lejn l-istabbiliment ta' waqfien definittiv mill-ġlied; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jestendu l-impenn tagħhom li jappoġġjaw l-isforzi tal-Unjoni Afrikana li twassal għall-paċi fis-Sudan t'Isfel u lill-poplu Sudaniż fit-tranżizzjoni tiegħu għal demokrazija riformata internament; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jġeddu l-mandat tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sudan t'Isfel, u jsaħħu r-rwol tagħha bl-għan li jiġu investigati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u biex tiġi identifikata l-vjolenza sesswali; jappoġġja l-inkorporazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rapport biex jiġu mgħoddija lill-Assemblea Ġenerali u lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

Is-Sirja

38.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-forzi tar-reġim Sirjan bl-appoġġ ta' atturi minn Stati oħra, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali li huma ekwivalenti għal ġenoċidju mwettqa minn gruppi terroristiċi armati u mhux statali, b'mod partikolari l-ISIL/Daesh, Jabhat Fateh al-Sham/il-Front Al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħra; jinsisti li jitkomplew l-investigazzjonijiet tal-użu u tal-qerda tal-armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tar-Russja u taċ-Ċina biex jimblokkaw riżoluzzjoni ġdida tal-UNSCR (Kunsill tas-Sigurtà tan-NU) dwar l-użu tal-armi kimiċi; itenni t-talba tiegħu għal aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel, u għal konsegwenzi u l-obbligu ta' rendikont għal dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappoġġja l-inizjattiva tal-UE biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq quddiem il-QKI u jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jieħu azzjoni f'din id-direzzjoni; jappoġġja l-mandat tas-COI biex twettaq investigazzjoni speċjali dwar Aleppo u tirrapporta lura sa mhux aktar tard mill-34 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem f'Marzu u jitlob li r-rapport jiġi ppreżentat lill-Assemblea Ġenerali u lill-Kunsill tas-Sigurtà;

Il-Jemen

39.  Huwa mħasseb ferm dwar is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-Jemen; itenni l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u lill-poplu Jemenit; jikkundanna l-fatt li persuni ċivili jinsabu fil-mira u qed jinqabdu f'sitwazzjoni intollerabbli bejn il-partijiet fil-kunflitt li qed jagħtuhom istruzzjonijiet konfliġġenti, bi ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali u tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-reklutaġġ u l-użu tat-tfal fil-kunflitt armat huwa strettament ipprojbit mil-liġijiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u mid-dritt umanitarju internazzjonali u, f'każijiet ta' reklutaġġ ta' tfal taħt il-ħmistax-il sena jaf jikkostitwixxi delitt tal-gwerra; jistieden lill-partijiet kollha jeħilsu minnufih lil dawn it-tfal; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jnaqqsu t-tensjonijiet u jistabbilixxu waqfien mill-ġlied immedjat u stabbli li jwassal għal soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; f'dan il-kuntest, jappoġġja bis-sħiħ l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismaïl Ould Cheikh Ahmed, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni 33/16 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem sa Ottubru 2016 li titlob lin-NU taħdem mal-kummissjoni ta' inkjesta indipendenti nazzjonali, u jappoġġja l-isforzi kollha għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti sabiex tintemm il-klima ta' impunità fil-Jemen; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġjaw id-dikjarazzjoni konġunta mmexxija min-Netherlands li tesprimi tħassib dwar il-ksur u l-abbużi fil-Jemen u li titlob li dawn jiġu investigati bir-reqqa u b'mod imparzjali; jinkoraġġixxi l-użu ta' format ta' tgħarrif intersessjonali mill-Kummissarju Għoli sabiex iżomm lill-HRC (Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem) regolarment informat dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tiegħu;

o

o  o

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-71 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

 

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2016)0317
[2] Testi adottati, P8_TA(2016)0502