Dokument ta' sessjoni
13.3.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017
( 2017/2598(RSP) )
Karol Karski, Charles Tannock, Anna Elżbieta Fotyga, Ryszard Antoni Legutko, Tomasz Piotr Poręba, Ryszard Czarnecki, Monica Macovei, Jana Žitňanská, Raffaele Fitto, Valdemar Tomaševski, Branislav Škripek
f'isem il-Grupp ECR
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU fl-2017
( 2017/2598(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti;
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu tal-2016 dwar l-Etjopja, il-Korea ta' Fuq, l-Indja, il-Krimea, Hong Kong, il-Każakistan, l-Eġittu, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Pakistan, il-Honduras, in-Niġerja, il-Gambja, id-Djibouti, il-Kambodja, it-Taġikistan, il-Vjetnam, il-Malawi, il-Bahrain, il-Myanmar/Burma, il-Filippini, is-Somalja, iż-Żimbabwe, ir-Rwanda, is-Sudan, it-Tajlandja, iċ-Ċina, il-Brażil, ir-Russja, it-Tibet, l-Iraq, l-Indoneżja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Burundi, in-Nikaragwa, il-Kuwajt u l-Gwatemala,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[2],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi integrat fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE;
B. billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ favur il-korpi tan-NU fir-rigward tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;
C. billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw jew sitwazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;
Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU
1. Jilqa' l-ħidma li saret mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra'ad Al Hussein u l-Uffiċċju tiegħu (OHCHR); jilqa' r-rwol li żvolġa l-OHCHR fil-progress tal-kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u fl-identifikazzjoni tal-modi biex iżidu r-rwol tal-"arranġamenti reġjonali" b'rabta mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem universali;
2. Huwa tal-fehma li l-effikaċja u l-kredibilità tal-UNHRC jiddependu mill-impenn ġenwin tal-membri biex jipproteġu l-persuni kollha fil-pajjiżi kollha minn kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-universalità, l-imparzjalità, l-oġġettività, in-nuqqas ta' selettività, id-djalogu kostruttiv u l-kooperazzjoni;
3. Jistieden lill-Istati jagħtu aċċess lill-esperti indipendenti tal-UNHRC, lir-Rapporteurs Speċjali u lill-esperti tal-OHCHR biex jinvestigaw l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni, jonoraw l-impenji tagħhom għall-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u joffru l-kooperazzjoni sħiħa tagħhom mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC (inkluż l-EPU); iħeġġeġ lill-Istati kollha jieħdu passi konkreti biex jieħdu azzjoni fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-EPU u jegħlbu n-nuqqasijiet billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' implimentazzjoni u ta' segwitu, inkluż l-istabbiliment ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u mekkaniżmi ta' koordinament nazzjonali;
4. Itenni l-importanza li jiġi żgurat li l-Istati Membri jinvolvu ruħhom b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, fl-Assemblea Ġenerali (AĠNU) u fil-UNHRC, sabiex itejbu l-kredibilità tagħhom;
Prijoritajiet tematiċi
5. Jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jeħtieġ li jiġu protetti f'kull sens tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest ta' teknoloġiji ġodda; jikkondividi t-tħassib tal-UNHRC rigward ir-rapporti ta' theddid u ritaljazzjoni kontra membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGOs li kkooperaw mal-UNHRC fil-proċess tal-EPU;
6. Jikkundanna kull att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni jew persekuzzjoni mwettqa kontra difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, ġurnalisti jew bloggers, kemm jekk online kif ukoll offline; jistieden lill-Istati kollha jippromwovu u jiżguraw ambjent sigur fejn l-NGOs, is-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, u l-gruppi vulnerabbli b'mod partikolari jkunu jistgħu joperaw b'mod indipendenti u mingħajr indħil; itenni l-appell tiegħu biex l-Istati li adottaw leġiżlazzjoni restrittiva kontra organizzazzjonijiet independenti favur id-drittijiet tal-bniedem ineħħuha;
7. Jemmen li midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi waħda mill-fondazzjonijiet essenzjali ta' soċjetà demokratika, fejn dibattiti miftuħa jiżvolġu rwol kruċjali; jappoġġa l-appell għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-sikurezza tal-ġurnalisti; jappella li jitqajmu l-kwistjonijiet tal-libertà ta' espressjoni online, il-libertajiet diġitali u l-importanza ta' internet liberu u miftuħ fil-fora internazzjonali kollha; jappella biex jitnaqqas id-distakk diġitali u għal aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll għal aċċess mingħajr ċensura għall-internet;
8. Ifakkar li d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda għadu sfida ewlenija; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni paċifika u ta' għaqda, Maina Kiai; jistieden lill-Istati kollha biex jieħdu r-rapporti inkunsiderazzjoni;
9. Jopponi kull forma ta' diskriminazzjoni u persekuzzjoni mwettqa fuq il-bażi ta' razza, kulur, lingwa, reliġjon u twemmin, orjentazzjoni sesswali, oriġini soċjali, twelid, età jew diżabilità, jew status;
10. Jesprimi t-tħassib tiegħu li ħafna nies, b'mod individwali jew b'mod kollettiv, isofru minn ksur tad-drittijiet tagħhom għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin, imwettaq minn Stati jew atturi nonstatali, u li jwassal għal diskriminazzjoni, inugwaljanza u stigmatizzazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu miġġielda l-intolleranza u d-diskriminazzjoni abbażi tar-reliġjon jew tat-twemmin sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem interdipendenti oħrajn bħal-libertà ta' espressjoni;
11. Jitlob lill-UE taħdem sabiex tiżgura aktar protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi kontra l-persekuzzjoni u l-vjolenza u sabiex tħassar liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jservu bħala pretest għall-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi u ta' dawk li ma jemmnux; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-Insara baqgħu l-aktar grupp reliġjuż ippersekutat fid-dinja, b'aktar minn 90 000 persuna maqtula fl-2016 minħabba twemminhom: maqtula f'kunflitti tribali, attakki terroristiċi, matul qerda ppjanata ta' villaġġi Nsara jew bħala parti mill-persekuzzjoni tal-gvern; jistieden lill-awtoritajiet tal-UE jkunu aktar impenjati fl-appoġġ għall-Insara ppersegwitati, li l-oriġini tagħhom hija marbuta ma' wirt kulturali Ewropew komuni;
12. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġaw il-ħidma tan-NU kontra t-tortura u t-trattament jew pieni krudili, inumani u degradanti oħra, eżekuzzjonijiet tal-massa, u eżekuzzjonijiet għal reati marbuta mad-drogi; jitlob lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) biex, fil-livelli kollha ta' djalogu u fil-fora kollha, l-UE żżid l-isforzi fil-ġlieda kontra eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura u trattament ħażin ieħor, bi qbil mal-Linji Gwida tal-Politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti; jitlob ir-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha;
13. Jistieden lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu l-ħidma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI); iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddispjaċih għad-deċiżjoni li ħadu ċerti pajjiżi li jirtiraw mill-QKI u jistedinhom jerġgħu jikkunsidrawha; jistieden lill-Istati Membri tan-NU jaderixxu mal-Qorti billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma u jinkoraġġixxi r-ratifika tal-emendi ta' Kampala;
14. Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur serju li għaddej bħalissa tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment dak ikkawżat mill-ISIS/Daesh u l-attakki minn Boko Haram li għandhom fil-mira lit-tfal, kif ukoll l-attakki kollha mit-terroristi jew l-organizzazzjonijiet paramilitari l-oħrajn kollha kontra ċ-ċivili, partikolarment in-nisa u t-tfal; jikkundanna l-frekwenza u l-portata tal-atti tal-qerda tal-wirt kulturali u jappella għal appoġġ għall-isforzi rilevanti mwettqa minn bosta fora tan-NU;
15. Jappella lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jaħdmu b'mod attiv għal inizjattiva dwar rikonoxximent min-naħa tan-NU tal-ġenoċidju mwettaq kontra minoranzi etniċi u reliġjużi mwettaq mill-hekk imsejjaħ ISIS/Daesh u għal tressiq quddiem il-QKI ta' każijiet ta' suspett ta' delitti kontra l-umanità, delitti tal-gwerra u ġenoċidju; iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-Qorti, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;
16. Jistieden lill-UE tħeġġeġ lill-Istati kollha jpoġġu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-politiki tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u jimplimentaw d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986; jilqa' l-ħatra reċenti mill-UNHRC ta' Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-iżvilupp, li l-mandat tiegħu jinkludi li jikkontribwixxi għall-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-dritt għall-iżvilupp fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u ftehimiet internazzjonali oħrajn ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd għandhom ikunu fattur trażversali fil-kisba tal-għanijiet u l-miri kollha tal-Aġenda 2030;
17. Jappella għal miżuri ta' appoġġ kontinwu li jsaħħu l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u l-qerda tal-vjolenza u tad-diskriminazzjoni kollha kontra n-nisa u l-bniet inkluża l-vjolenza sessista; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippruvaw inizjattivi transreġjonali għall-promozzjoni, il-protezzjoni u t-twettiq tad-drittijiet tan-nisa;
18. Jistieden lill-UE tkompli tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, inkluż f'żoni ta' kunflitt u f'kampijiet tar-rifuġjati, u biex jiġu elminati t-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, iċ-ċaħda tal-libertà, it-tortura, it-traffikar, iż-żwieġ tal-minuri, iż-żwieġ prekoċi u dak furzat, l-isfruttament sesswali, u l-prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili; jappella għal miżuri li jappoġġjaw u jsaħħu l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jintemm l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u wara kunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-pajjiżi kollha tan-NU jħarsu l-obbligi u l-impenji tagħhom taħt il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom irrispettivament mill-istatus legali tagħhom, u mingħajr diskriminazzjoni ta' kwalunkwe tip;
19. Jistieden lill-istati jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, inklużi l-parteċipazzjoni ugwali u l-inklużjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-Istati kollha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Persuni b'Diżabilità;
20. Jitlob lill-UE taħdem mas-sħab tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi passi li jinkoraġġixxu aktar stati jadottaw pjanijiet ta' azzjoni fil-livell nazzjonali u jinvolvu ruħhom fil-linji ta' ħidma tal-gruppi ta' ħidma tan-NU u tal-OHCHR; itenni l-appell tiegħu lill-Istati kollha, inkluża l-UE, biex jimpenjaw ruħhom b'mod attiv u b'mod kostruttiv f'dan il-proċess bil-għan li jilħqu strument ġuridikament vinkolanti sabiex jipprevjenu, jinvestigaw u jkollhom aċċess għal rimedju meta jkun hemm ksur tad-drittijiet tal-bniedem;
21. Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti li tindirizza l-kwistjoni ta' movimenti kbar ta' rifuġjati u migranti u li twassal għall-adozzjoni ta' patt globali fuq qafas ta' rispons komprensiv għar-rifuġjati (CRR), u l-impenn li japplika għall-migranti u għar-rifuġjati li għandu l-għan li jsalva l-ħajjiet u jiġġieled kontra t-traffikar tal-bnedmin; ifakkar li l-kwistjoni tal-migrazzjoni għandha tkompli tiġi eżaminata fuq skala globali u mhux biss fuq livell Ewropew; jappella għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem ta' dawk li jfittxu asil, ir-rifuġjati, il-migranti, u l-persuni spostati kollha, u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tan-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli b'mod partikolari, inklużi l-persuni b'diżabilità;
22. Jistieden lill-istati kollha jieħdu miżuri speċifiċi fl-aħjar interessi tat-tfal rifuġjati u migranti, abbażi tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jintroduċu miżuri sabiex isaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal, inkluż it-taħriġ ta' ħaddiema soċjali u gruppi professjonali oħra, kif ukoll sforzi koordinati ma' organizzazzjonijiet nongovernattivi;
Prijoritajiet nazzjonali
L-Ukrajna
23. Jiddeplora l-fatt li l-aggressjoni Russa li għadha għaddejja ħolqot sitwazzjoni umanitarja mwiegħra f'Donbas u li organizzazzjonijiet umanitarji Ukreni u internazzjonali mhumiex qed jingħataw aċċess għar-reġjuni okkupati; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-kundizzjonijiet umanitarji li huma ta' sfida għal aktar minn 1,5 miljun persuna spustati internament; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-vjolenza sesswali kontinwa relatata mal-kunflitti, b'mod partikolari dik li sseħħ fuq il-fruntiera u fil-Krimea; jinsab verament imħasseb dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea okkupata mir-Russja, partikolarment tat-Tartari tal-Krimea; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar assistenza finanzjarja tal-UE għall-Ukrajna; itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza, l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-għażla libera u sovrana tagħha li taqbad perkors Ewropew; jistieden lill-partijiet kollha jipproċedu minnufih bir-riintegrazzjoni paċifika tal-peniżola tal-Krimea fis-sistema ġuridika Ukrena permezz tad-djalogu politiku u f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jappoġġa l-estensjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja sakemm jiġi implimentat bis-sħiħ il-Ftehim ta' Minsk u l-Krimea tingħata lura; jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lill-Kunsill iżidu l-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tippermetti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali l-aċċess għall-Krimea, bil-għan li jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dawl tal-ksur gravi kontinwu tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola, u tal-fatt li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ internazzjonali permanenti u bbażati fuq il-Konvenzjonijiet; jappella, barra minn hekk, biex jiġi implimentat bis-sħiħ il-Ftehim ta' Minsk; ifakkar li l-partijiet kollha fil-kunflitt għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili taħt il-kontroll tagħhom mill-effetti tal-ostilitajiet; jappoġġa u jħeġġeġ id-Djalogu Interattiv mistenni fl-34 sessjoni tal-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU;
Is-Sirja
24. Jikkundanna bl-iktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mill-forzi tar-reġim Sirjan bl-appoġġ tar-Russja u tal-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa minn gruppi terroristiċi armati u mhux statali, b'mod partikolari l-ISIL/Daesh li huwa responsabbli għal delitti li jammontaw għal ġenoċidju, Jabhat Fateh al-Sham/il-Front Al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħra; jenfasizza l-ħtieġa li tkompli l-investigazzjoni tal-użu u l-qerda ta' armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tar-Russja u taċ-Ċina biex jimblukkaw riżoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-użu tal-armi kimiċi; Itenni t-talba tiegħu għal aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel, u għall-konsegwenzi u l-obbligu ta' rendikont għal dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappoġġa l-inizjattiva tal-UE biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq quddiem il-QKI u jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU biex jieħu azzjoni f'din id-direzzjoni; jappoġġa l-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta biex twettaq investigazzjoni speċjali dwar Aleppo, li għandha tiġi rrappurtata lura sa mhux aktar tard fl-34 sessjoni tal-UNHRC f'Marzu u jitlob li r-rapport jitressaq quddiem l-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà;
Il-Georgia
25. Jibqa' mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-mezzi tax-xandir u n-nuqqas ta' aċċess għar-reġjuni tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, li huma t-tnejn okkupati mir-Russja u fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kuntatt bejn il-pobli bejn it-territorju kkontrollat minn Tbilisi u ż-żewġ reġjuni okkupati; jappella biex is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia jiġu rispettati bis-sħiħ, kif ukoll għall-invjolabilità tal-fruntieri rrikonoxxuti fil-livell internazzjonali tal-pajjiż; jenfasizza l-ħtieġa li r-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom jkunu jistgħu jirritornaw lura b'mod sikur u dinjituż fil-postijiet ta' residenza permanenti tagħhom; jistieden lill-Gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura li jingħata segwitu u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU;
RDPK (il-Korea ta' Fuq)
26. Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorazzjoni persistenti tas-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fir-RDPK; jistieden lill-Gvern tar-RDPK iwettaq l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hu parti fihom, u jistiednu jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, l-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-RDPK ikollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa; jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku tal-piena kapitali fl-RDPK fuq skala kbira; jistieden lill-Gvern tal-RDPK jiddikjara moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-għan li l-piena kapitali tiġi abolita fil-ġejjieni qrib; jeżiġi li dawk l-iktar responsabbli għad-delitti kontra l-umanità mwettqa fl-RDPK jinżammu responsabbli, jitressqu quddiem il-QKI u jiġu soġġetti għal sanzjonijiet immirati; jikkundanna bil-qawwa l-provi nukleari bħala provokazzjoni bla bżonn u perikoluża kif ukoll bħala ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u bħala theddida serja għall-paċi u l-istabilità fil-Peniżola Koreana u r-reġjun tal-Asja tal-Grigal; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali; jitlob il-preżentazzjoni tar-rapport tal-grupp ta' esperti lill-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jirrakkomanda li jiġu inkorporati fir-riżoluzzjoni r-rakkomandazzjonijiet prinċipali dwar l-obbligu ta' rendikont mir-rapport tal-esperti, li jinkludu t-tisħiħ tal-kapaċità tal-Uffiċċju ta' Seoul b'kompetenzi investigattivi u ta' prosekuzzjoni u l-ħatra ta' espert ġuridiku fil-qasam kriminali biex titwitta t-triq għall-obbligu ta' rendikont;
Il-Myanmar/Burma
27. Jinsab imħasseb ħafna dwar ir-rapporti ta' kunflitti vjolenti fit-Tramuntana tal-Istat ta' Rakhine, u jiddeplora t-telf ta' ħajjiet, ta' għajxien u ta' kenn u r-rapporti ta' użu sproporzjonat tal-forza mill-forzi armati tal-Myanmar/Burma; iħeġġeġ lill-forzi militari u tas-sigurtà jwaqqfu minnufih il-qtil, il-fastidju u l-istupri li qed jitwettqu fuq il-poplu Rohingya, kif ukoll il-ħruq tad-djar tagħhom; jeżiġi li l-Gvern u l-awtoritajiet ċivili tal-Myanmar/Burma immedjatament itemmu d-diskriminazzjoni kontra l-minoranza Rohingya u s-segregazzjoni tagħhom; jappella biex id-drittijiet tal-poplu Rohingya jiġu ssalvagwardati u jiġu garantiti s-sikurezza, is-sigurtà u l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha tal-Myanmar/Burma; jilqa' d-deċiżjoni tal-Gvern tal-Myanmar/Burma li jqiegħed bħala prijorità ewlenija l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jilqa' t-tħabbir mill-Gvern tal-Myanmar/Burma b'rabta mat-twaqqif ta' Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-vjolenza reċenti fl-Istat ta' Rakhine; jissottolinja l-ħtieġa li wieħed jipproċedi kif xieraq kontra dawk responsabbli, u li jiġi pprovdut rimedju adegwat għall-vittmi ta' ksur; jistieden lill-Gvern tal-Myanmar/Burma ikompli l-proċess ta' demokratizzazzjoni u jirrispetta l-istat tad-dritt, il-libertà tal-kelma u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw il-mandat imġedded tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Myanmar/Burma;
o
o o
28. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-71 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.