Dokument ta' sessjoni

 

B8-0189/2017

13.3.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2017

( 2017/2598(RSP) )

Barbara Lochbihler

f'isem il-Grupp Verts/ALE

 

B8-0189/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-prijoritajiet tal-UE għas-sessjonijiet tal-UNHRC fl-2017

( 2017/2598(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-konvenzjonijiet tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-protokolli fakultattivi tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 60/251 tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti li tistabbilixxi l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem (UNHRC),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, il-Karta Soċjali Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sessjonijiet tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-71 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijet preċedenti tiegħu dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi r-riżoluzzjonijiet ta' urġenza tiegħu tal-2016 dwar l-Etjopja, il-Korea ta' Fuq, l-Indja, il-Krimea, Hong Kong, il-Każakistan, l-Eġittu, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Pakistan, il-Honduras, in-Niġerja, il-Gambja, id-Djibouti, il-Kambodja, it-Taġikistan, il-Vjetnam, il-Malawi, il-Bahrain, il-Myanmar/Burma, il-Filippini, is-Somalja, iż-Żimbabwe, ir-Rwanda, is-Sudan, it-Tajlandja, iċ-Ċina, il-Brażil, Russja, it-Tibet, il-Myanmar/Burma, l-Iraq, l-Indoneżja, ir-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Burundi, in-Nikaragwa, il-Kuwajt u l-Gwatemala,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Diċembru 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-Dinja u l-politika tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwistjoni 2015[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(5), 18, 21, 27 u 47 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-2015 tal-UNHRC lill-Assemblea Ġenerali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-promozzjoni u s-salvagwardja tal-universalità tad-drittijiet tal-bniedem jagħmlu parti mill-acquis etiku u ġuridiku tal-Unjoni Ewropea u huma wieħed mill-pedamenti ewlenin tal-għaqda u tal-integrità Ewropea; billi r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem għandu jiġi integrat fl-oqsma kollha tal-politika tal-UE;

B.  billi l-UE hija impenjata bis-sħiħ favur l-multilateraliżmu u l-korpi tan-NU fir-rigward tal-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

C.  billi s-sessjonijiet regolari tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC), il-ħatra ta' Rapporteurs Speċjali, il-mekkaniżmu ta' Eżami Perjodiku Universali (EPU) u l-Proċeduri Speċjali li jittrattaw jew sitwazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż jew kwistjonijiet tematiċi lkoll jikkontribwixxu għall-promozzjoni u għar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt;

Il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU

1.  Jilqa' l-ħidma li saret mill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Zeid Ra'ad Al Hussein u l-Uffiċċju tiegħu (OHCHR); ifakkar fl-impenn tal-UE li tkompli tappoġġja u tiddefendi l-integrità, l-indipendenza u l-funzjonament tagħha; jilqa' r-rwol li żvolġa l-OHCHR fil-progress tal-kooperazzjoni bejn il-mekkaniżmi internazzjonali u reġjonali tad-drittijiet tal-bniedem u fl-identifikazzjoni tal-modi biex iżidu r-rwol tal-"arranġamenti reġjonali" b'rabta mal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem universali;

2.  Huwa tal-fehma li l-effikaċja u l-kredibilità tal-UNHRC jiddependu mill-impenn ġenwin tal-membri biex jipproteġu l-persuni kollha fil-pajjiżi kollha minn kwalunkwe ksur tad-drittijiet tal-bniedem, skont il-konvenzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem li jippromwovu l-universalità, l-imparzjalità, l-oġġettività, in-nuqqas ta' selettività, id-djalogu kostruttiv u l-kooperazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tkun evitata l-polarizzazzjoni tad-dibattiu fl-UNHRC u jinkoraġġixxi djalogu kostruttiv;

3.  Jistieden lill-Istati jagħtu aċċess lill-esperti indipendenti tal-UNHRC, lir-Rapporteurs Speċjali u lill-esperti tal-OHCHR biex jinvestigaw l-allegat ksur tad-drittijiet tal-bniedem u biex jimpenjaw ruħhom b'mod kostruttiv sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni, jonoraw l-impenji tagħhom taħt il-konvenzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u joffru kooperazzjoni sħiħa mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC;

4.  Iħeġġeġ lill-Istati kollha jieħdu passi konkreti biex jaġixxu fuq ir-rakkomandazzjonijiet EPU u jegħlbu n-nuqqasijiet billi jistabbilixxu mekkaniżmu ta' implimentazzjoni u ta' segwitu, inkluż l-istabbiliment ta' pjanijiet nazzjonali ta' azzjoni u mekkaniżmi ta' koordinazzjoni nazzjonali;

5.  Jikkundanna l-fatt li s-siġġijiet tal-UNHRC qed ikomplu jkunu okkupati minn pajjiżi b'każijiet ippruvati ta' ksur gravi u sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma attwalment huma l-Arabja Sawdija, iċ-Ċina u l-Eġittu, u jistieden għal darb'oħra lill-Istati Membri jagħmlu pubbliku l-voti tagħhom fil-UNHRC; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jirriflettu l-importanza ugwali tad-drittijiet fil-votazzjoni tagħhom, u biex isejsu l-vot tagħhom dwar riżoluzzjonijiet tal-UNHCR fuq is-sustanza ta' dawn it-testi, aktar milli fuq l-awturi tagħhom;

6.  Ifakkar fl-obbligu tal-Assemblea Ġenerali tan-NU, meta teleġġi l-membri tal-UNHRC, li tqis ir-rispett tal-promozzjoni u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tal-istat tad-dritt u tad-demokrazija min-naħa tal-kandidati; jilqa' d-deċiżjoni tal-UNHRC meta talab li l-Kumitat Konsultattiv UNHRC iħejji rapport ta' valutazzjoni dwar il-progress li sar fl-istabbiliment ta' arranġamenti reġjonali u subreġjonali għall-promozzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha jirriflettu l-importanza ugwali tad-drittijiet fix-xejriet ta' votazzjoni tagħhom u biex itejbu l-koordinazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-UE f'dan is-sens; jinsisti bil-qawwa li l-UE titkellem b'vuċi waħda u tilħaq pożizzjoni komuni tal-UE meta tivvota fil-UNHRC;

7.  Ttenni l-importanza li l-UE tinvolvi ruħha b'mod attiv u konsistenti fil-mekkaniżmi kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fit-Tielet Kumitat, fl-Assemblea Ġenerali u fl-UNHRC, sabiex ittejjeb l-kredibilità tagħha; jappoġġa l-isforzi li saru mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), mid-delegazzjonijiet tal-UE fi New York u f'Ġinevra u mill-Istati Membri biex tiżdied ulterjorment il-koerenza tal-UE fil-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-livell tan-NU;

Prijoritajiet tematiċi

8.  Jissottolinja l-importanza tar-rwol tal-NGOs u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem fil-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali jeħtieġu li jiġu protetti f'kull sens tal-espressjoni tagħhom, inkluż fil-kuntest ta' teknoloġiji ġodda; Jikkondividi t-tħassib tal-UNHRC rigward ir-rapporti ta' theddid u ritaljazzjoni kontra membri tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u NGO's li kkooperaw miegħu, inkluż il-Proċeduri Speċjali tiegħu u fil-proċess tal-EPU;

9.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-għadd numeruż u dejjem jiżdied ta' tentattivi biex jiċkien l-ispazju tas-soċjetà ċivili u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' liġijiet kontra t-terroriżmu; jikkundanna kull att ta' vjolenza, fastidju, intimidazzjoni jew persekuzzjoni fil-konfront ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, informaturi ta' irregolaritajiet, ġurnalisti jew bloggers, kemm jekk online kif ukoll offline; jistieden lill-Istati kollha jippromwovu u jiżguraw ambjent sigur u nkorraġanti fejn l-NGOs, is-soċjetà ċivili, il-ġurnalisti, id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'enfasi partikolari fuq in-nisa u t-tfal, l-attivisti ambjentali u l-gruppi vulnerabbli bħal persuni LBGTI, ikunu jistgħu joperaw b'mod indipendenti u mingħajr indħil; itenni t-talba tiegħu lil dawk l-Istati li adottaw liġijiet restrittivi mmirati lejn organizzazzjonijiet indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem biex ineħħuhom, u wkoll biex ineħħu miżuri ripressivi oħra kontrihom, inklużi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u ffriżar tal-assi;

10.  Jemmen li midja libera, indipendenti u imparzjali tikkostitwixxi waħda mill-fondazzjonijiet essenzjali ta' soċjetà demokratika, fejn dibattiti miftuħa jiżvolġu rwol kruċjali; jappoġġa l-appell għall-ħatra ta' Rappreżentant Speċjali għas-Segretarju Ġenerali tan-NU għas-sikurezza tal-ġurnalisti; jistieden lill-UE biex tqajjem il-kwistjonijiet tal-libertà ta' espressjoni online, tal-libertajiet diġitali u l-importanza ta' internet liberu u miftuħ fil-fora internazzjonali kollha; jappella biex jitnaqqas id-distakk diġitali u għal aċċess mhux ristrett għall-informazzjoni u l-komunikazzjoni, kif ukoll għal aċċess mingħajr ċensura għall-internet; f'dan ir-rigward, itenni t-talba tiegħu lill-UE biex tadotta softwer mingħajr ħlas u b'sors miftuħ, u tinkoraġġixxi atturi oħra biex jagħmlu l-istess, peress li softwer bħal dan jipprovdi sigurtà aħjar u rispett akbar għad-drittijiet tal-bniedem;

11.  Ifakkar li d-dritt għal-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda għadu mhux qed jiġi rispettat fid-dinja kollha; jilqa' b'sodisfazzjon il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali dwar id-drittijiet tal-libertà ta' assoċjazzjoni paċifika u ta' għaqda, Maina Kiai; jistieden lill-Istati kollha biex jieħdu r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali inkunsiderazzjoni;

12.  Iħeġġeġ lill-Istati kollha biex mill-aktar fis jirratifikaw il-Protokolli Fakultattivi tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR) u tal-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ekonomiċi, Soċjali u Kulturali (ICESCR) li jistabblixxi mekkaniżmi ta' lment u ta' inkjesta;

13.  Jopponi kull forma ta' diskriminazzjoni u persekuzzjoni fuq kwalunkwe bażi inkluża r-razza, il-kulur, il-lingwa, ir-reliġjon u t-twemmin, l-identità tal-ġeneru u l-orjentazzjoni sesswali, l-oriġini soċjali, il-kasta, it-twelid, l-età u d-diżabilità; jappoġġja l-impenn tal-UE mal-Proċeduri Speċjali rilevanti, inkluż l-Espert Indipendenti ġdid dwar il-protezzjoni kontra l-vjolenza u d-diskriminazzjoni abbażi tal-orjentament sesswali u l-identità tal-ġeneru; jitlob lill-UE tkompli tippromwovi b'mod attiv l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni u tiġġieled il-vjolenza u d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-individwi kollha;

14.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li ħafna nies, b'mod individwali jew b'mod kollettiv, isofru minn ksur tad-drittijiet tagħhom għal-libertà tar-reliġjon jew twemmin, minn stati jew atturi nonstatali, u li jwassal għal diskriminazzjoni, inugwaljanza u stigmatizzazzjoni; ifakkar fil-ħtieġa li jiġu miġġielda l-intolleranza u d-diskriminazzjoni fuq il-bażi tar-reliġjon jew tat-twemmin sabiex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem interdipendenti oħrajn bħal-libertà ta' espressjoni; jitlob lill-UE taħdem sabiex tiżgura aktar protezzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi kontra l-persekuzzjoni u l-vjolenza u sabiex tħassar liġijiet li jikkriminalizzaw il-blasfemija jew l-apostasija li jservu bħala pretest għall-persekuzzjoni ta' minoranzi reliġjużi u etniċi u ta' dawk li ma jemmnux; jappella għas-sostenn favur il-ħidma tar-Rapporteur Speċjali għal-libertà ta' reliġjon jew twemmin;

15.  Jinkoraġġixxi bil-qawwa l-appoġġ kontinwu tal-UE għal approċċ tolleranza żero għall-piena tal-mewt, u jitlob biex tkompli tfittex li ssaħħaħ l-appoġġ transreġjonali għar-riżoluzzjoni li jmiss tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar moratorju fuq il-piena tal-mewt; jilqa' d-deċiżjoni meħuda fl-2015 mill-Madagascar, mill-Fiġi, mis-Surinamen, u mir-Repubblika tal-Kongo li tabolixxi l-piena tal-mewt għad-delitti kollha; jiddeplora l-fatt li reġgħu bdew iseħħu l-eżekuzzjonijiet f'numru ta' pajjiżi inklużi l-Bahrain, il-Kuwajt, il-Belarus, il-Bangladesh, l-Indja, l-Oman, is-Sudan t'Isfel, l-Indoneżja u ċ-Chad; jiddeplora wkoll iż-żieda rappurtata ta' għadd ta' sentenzi ta' mewt mogħtija partikolarment fiċ-Ċina, l-Eġittu, l-Iran, in-Niġerja, il-Pakistan u l-Arabja Sawdija; ifakkar lill-awtoritajiet ta' dawn il-pajjiżi li huma firmatarji tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, li tipprojbixxi b'mod strett l-użu tal-piena tal-mewt għal delitti li jsiru minn persuna taħt it-18-il sena; jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fl-użu tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga, u jitlob il-projbizzjoni tal-użu tal-piena tal-mewt u eżekuzzjonijiet sommarji bħala piena għal tali reati; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar eluf ta' eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji awtorizzati mill-President Duterte tal-Filippini f'dawn l-aħħar xhur, kif ukoll il-votazzjoni fil-Parlament tal-Filippini favur id-dħul mill-ġdid tal-piena tal-mewt għal reati relatati mad-droga wara li l-pajjiż kien l-ewwel wieħed fir-reġjun li abolixxa l-piena tal-mewt fl-2007;

16.  Iħħeġġeġ lill-UE ssemma leħenha u tappoġġja l-ħidma tan-NU kontra t-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti, eżekuzzjonijiet tal-massa, eżekuzzjonijiet għal reati relatati mad-droga, u jitlob lis-SEAE biex, fil-livelli kollha ta' djalogu u fil-fora kollha, l-UE żżid l-isforzi fil-ġlieda kontra eżekuzzjonijiet sommarji, it-tortura u trattament ħażin ieħor, bi qbil mal-Linji Gwida tal-Politika tal-UE lejn pajjiżi terzi dwar it-tortura u trattamenti jew pieni oħra krudili, inumani jew degradanti; jitlob ir-ratifika universali u l-implimentazzjoni effikaċi tal-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura u l-Protokoll Fakultattiv tagħha; jenfasizza l-importanza kritika tal-appoġġ tal-prevenzjoni tat-tortura, inkluż permezz tat-tisħiħ ta' Mekkaniżmi Nazzjonali ta' Prevenzjoni stabbiliti skont il-Protokoll Fakultattiv, u tal-appoġġ kontinwu għar-riabilitazzjoni tal-vittmi tat-tortura;

17.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-persistenza ta' ksur u abbużi gravi tad-drittijiet tal-bniedem fid-dinja kollha; jappoġġja bil-qawwa l-Qorti Kriminali Internazzjonali (QKI) bħala istituzzjoni prinċipali biex l-awturi ta' reati jagħtu kont ta' għemilhom u biex tgħin lill-vittmi jiksbu ġustizzja abbażi tal-prinċipju ta' komplementarjetà għall-ġenoċidju, delitti kontra l-umanità u delitti tal-gwerra; jistieden lill-partijiet kollha jipprovdu appoġġ politiku, diplomatiku, finanzjarju u loġistiku għall-operat ta' kuljum tal-QKI; jistieden lill-UE tkompli ssaħħaħ ix-xogħol tal-QKI; iħeġġeġ djalogu u kooperazzjoni b'saħħithom bejn il-QKI, in-NU u l-aġenziji tagħha u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni ta' ċerti pajjiżi Afrikani biex jirtiraw mill-QKI, iżda jilqa' r-revoka ta' dik id-deċiżjoni minn tnejn mit-tliet pajjiżi kkonċernati, u jistieden lill-pajjiż l-ieħor biex jerġa' jikkunsidra d-deċiżjoni tiegħu; jistieden lill-Istati Membri kollha tan-NU jaderixxu l-QKI billi jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma mill-iktar fis possibbli, flimkien mal-emendi ta' Kampala;

18.  Jemmen li l-Istati għandhom jagħmlu l-isforzi kollha possibbli biex tiġi miġġielda l-impunità u jiżguraw li ma jkun hemm l-ebda rifuġju sikur għal dawk li wettqu delitti internazzjonali u ksur gravi tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż fil-livell nazzjonali permezz tal-adozzjoni ta' dispożizzjonijiet għal u l-eżerċizzju ta' ġurisdizzjoni universali;

19.  Jikkundanna n-nuqqas mifrux ta' rispett għad-dritt umanitarju internazzjonali, u jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar ir-rata dejjem tiżdied ta' ħsara liċ-ċivili f'kunflitti armati madwar id-dinja, u ż-żieda ta' attakki fatali kontra sptarijiet, skejjel, konvojs umanitarji u kontra miri ċivili oħrajn; jinsisti li tali ksur jiġu kkunsidrati b'mod xieraq fi trattattivi tal-UNHRC speċifiċi għall-pajjiż u analiżi rilevanti taħt il-mekkaniżmu tal-EPU;

20.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-użu ta' drones armati barra l-qafas ġuridiku internazzjonali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu qafas internazzjonali dwar l-użu ta' drones armati li jappoġġa d-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u li għandu jindirizza kwistjonijiet bħall-qafas ġuridiku, il-proporzjonalità, ir-responsabilità, il-protezzjoni taċ-ċivili u t-trasparenza; jerġa' jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jinkludu drones armati u armi kompletament awtonomi f'mekkaniżmi Ewropew u internazzjonali rilevanti dwar id-diżarm u l-kontroll tal-armi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom fi u jsaħħu dawn il-mekkaniżmi ta' kontroll;

21.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-ksur serju li għaddej bħalissa tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq minn organizzazzjonijiet terroristiċi jew paramilitari, bħall-ISIS/Daesh u Boko Haram, kontra ċ-ċivili, b'mod partikolari n-nisa u t-tfal; jikkundanna l-frekwenza u l-iskala tal-atti tal-qerda tal-wirt kulturali u jappella għal appoġġ għall-isforzi rilevanti mwettqa minn bosta fora tan-NU;

22.  Jistieden lill-UE tħeġġeġ lill-istati kollha jpoġġu d-drittijiet tal-bniedem fiċ-ċentru tal-politiki tal-iżvilupp rispettivi tagħhom u jimplimentaw d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar id-Dritt għall-Iżvilupp tal-1986; jilqa' l-ħatra riċenti mill-UNHRC ta' Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-iżvilupp, li l-mandat tiegħu jinkludi li jikkontribwixxi għall-promozzjoni, il-protezzjoni u r-rispett tad-dritt għall-iżvilupp fil-kuntest tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli u ftehimiet internazzjonali oħrajn ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp; jenfasizza li d-drittijiet tal-bniedem għal kulħadd għandhom ikunu fattur trażversali fil-kisba tal-għanijiet u l-miri kollha tal-Aġenda 2030; jilqa' l-aħħar rapport mir-Rapporteur Speċjali dwar id-dritt għall-ikel, li jittratta dwar, inter alia, l-impatt tal-użu tal-pestiċidi fuq id-drittijiet tal-bniedem, u jaqbel mar-rakkomandazzjonijiet tiegħu;

23.  Jistieden lill-UE tkompli tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u tappoġġja b'mod attiv il-ħidma tal-UN Women u l-inizjattivi ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet u l-programmi tagħha; jappella għal miżuri ta' appoġġ kontinwu li jsaħħu l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet u l-qerda tal-vjolenza u tad-diskriminazzjoni kollha kontra n-nisa u l-bniet, inkluża l-vjolenza sessista; jitlob bil-qawwa li l-UE tfittex inizjattivi transreġjonali għall-promozzjoni, il-protezzjoni u r-realizzazzjoni tad-drittijiet tan-nisa u l-implimentazzjoni sħiħa u effikaċi tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing u l-Programm ta' Azzjoni tal-ICPD, u, f'dan il-kuntest, tibqa' impenjata li tippromwovi aċċess faċli u bla xkiel għall-ippjanar tal-familja, is-saħħa materna, il-kontraċezzjoni u l-abort sikur, u għall-firxa sħiħa tad-drittijiet sesswali u riproduttivi;

24.  Ifakkar fl-impenn tal-UE li tintegra d-drittijiet tal-bniedem u l-aspetti dwar il-ġeneru f'konformità mar-riżoluzzjonijiet monumentali 1325 (2000) u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà; jistieden lill-UE tappoġġa, fuq livell internazzjonali, ir-rikonoxximent tal-valur miżjud tal-parteċipazzjoni tan-nisa fil-prevenzjoni u r-riżoluzzjoni tal-kunflitti, fl-operazzjonijiet taż-żamma tal-paċi, fl-għajnuna umanitarja u fir-rikostruzzjoni wara l-kunflitti u fir-rikonċiljazzjoni sostenibbli;

25.  Jistieden lill-UE tkompli tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'mod partikolari billi tikkontribwixxi biex tiżgura l-aċċess tat-tfal għall-ilma, is-sanità, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, inkluż f'żoni ta' kunflitt u f'kampijiet tar-rifuġjati, u biex jiġi eliminat it-tħaddim tat-tfal, ir-reklutaġġ ta' suldati tfal, iċ-ċaħda tal-libertà, it-tortura, it-traffikar, iż-żwieġ prekoċi u dak sfurzat, l-isfruttament sesswali, u l-prattiki dannużi bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili; jappella għal miżuri li jappoġġaw u jsaħħu l-isforzi internazzjonali permezz tan-NU biex jitwaqqaf l-użu tat-tfal fil-kunflitti armati u biex jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi l-impatt tas-sitwazzjonijiet ta' kunflitt u postkunflitt fuq in-nisa u l-bniet; jistieden lill-istati membri kollha tan-NU jħarsu l-obbligi u l-impenji tagħhom tat-trattat fil-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, adottata fl-1989, sabiex jirrispettaw id-drittijiet tat-tfal kollha fil-ġurisdizzjoni tagħhom irrispettivament mill-istatus legali tagħhom, u mingħajr diskriminazzjoni ta' ebda tip; jistieden lill-Istati Uniti, bħala l-uniku stat li ma rratifikax il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, sabiex jaderixxi għal dan l-istrument b'mod urġenti;

26.  Jistieden lill-istati jippromwovu d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità, inklużi l-parteċipazzjoni ugwali u l-inklużjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-istati kollha jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Persuni b'Diżabilità;

27.  Jistieden lill-UE taħdem mas-sħab tagħha fuq l-implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, inklużi miżuri li jinkoraġġixxu aktar stati jadottaw pjanijiet ta' azzjoni fil-livell nazzjonali u jinvolvu ruħhom fil-linji ta' ħidma tal-gruppi ta' ħidma tan-NU u tal-OHCHR; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-UE u għadd kbir tal-Istati Membri tagħha fis-Sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv f'Ottubru 2016, li matulha ġew diskussi l-elementi ta' trattat vinkolanti tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem; jilqa' r-rapport taċ-Chairperson-Rapporteur tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv li se jiġi ppreżentat fis-sessjoni li jmiss tal-UNHRC; itenni t-talba tiegħu lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipparteċipaw b'mod kostruttiv fit-tielet sessjoni tal-Grupp ta' Ħidma Intergovernattiv, li se ssir f'Ottubru 2017, u biex jikkontribwixxu b'mod attiv għal dawn id-diskussjonijiet dwar l-elementi ewlenin, inkluż ir-relazzjoni tat-trattat tan-NU propost għal ftehimiet kummerċjali, id-diliġenza dovuta fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-infurzar u l-aċċess għal rimedju, kif ukoll ir-rwol tal-korporazzjonijiet fl-abbozzar tat-trattat;

28.  Jistieden lill-UE tenfasizza fil-fora tan-NU l-kwistjonijiet ta' ħtif tal-art minn korporazzjonijiet, u t-trattament tad-difensuri tad-drittijiet għall-art u l-attivisti ambjentali, li ta' spiss ikunu vittmi ta' rappreżalji, anki fil-forma ta' theddid, fastidju, arrest arbitrarju, assalti u qtil;

29.  Jilqa' d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati u l-Migranti, li indirizzat il-kwistjoni ta' movimenti kbar ta' rifuġjati u migranti u wasslet għall-adozzjoni ta' patt globali dwar qafas komprensiv ta' rispons għar-rifuġjati (CRR), u l-impenn li japplika għall-migranti u r-rifuġjati u hija mmirata biex issalva l-ħajjiet, tindirizza l-ħtiġijiet speċifiċi, tiġġieled ir-razziżmu u l-ksenofobija, tiġġieled t-traffikar tal-bnedmin, filwaqt li tiżgura r-rikonoxximent u l-protezzjoni ugwali fil-liġi u tiżgura l-inklużjoni fil-pjanijiet ta' żvilupp nazzjonali; jistieden lill-partijiet kollha involuti jiżguraw impenn politiku, finanzjament u atti konkreti ta' solidarjetà insostenn tad-Dikjarazzjoni ta' New York, u jfakkar li l-kwistjoni tal-migrazzjoni għandha tkompli tiġi eżaminata fuq skala globali, u mhux biss fil-livell Ewropew; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkunu minn ta' quddiem f'dawn l-isforzi internazzjonali u, l-ewwel u qabel kollox, jonoraw l-impenji tagħhom f'konformità mal-obbligi tagħhom fil-liġi internazzjonali biex jipproteġu d-drittijiet ta' dawk li jfittxu asil, ir-rifuġjati, il-migranti, u l-persuni spostati kollha, b'mod partikolari dawk tan-nisa, it-tfal u l-gruppi vulnerabbli, inklużi persuni b'diżabilità; iwissi li billi jiffokaw primarjament fuq kwistjonijiet bħall-kontrolli tal-fruntieri u r-ritorn f'pajjiżi terzi li għandhom rekord kundannabbli fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, l-UE u l-Istati Membri tagħha qed jirriskjaw jimminaw dawn il-prinċipji gwida, u b'hekk jipperikolaw il-kredibilità tagħhom fil-fora internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari fl-UNHRC;

30.  Ifakkar li r-ritorn ta' migranti għandu jsir biss b'rispett sħiħ tad-drittijiet tagħhom, u biss meta l-protezzjoni ta' drittijiethom tkun garantita fil-pajjiżi rispettivi tagħhom; jistieden lill-gvernijiet iwaqqfu l-arrest arbitrarju u d-detenzjoni ta' migranti, inklużi l-minorenni; jistieden lill-istati kollha jieħdu miżuri konkreti fl-aħjar interessi tat-tfal rifuġjati u migranti, li jkunu bbażati fuq il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jintroduċu miżuri sabiex isaħħu s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal, inklużi t-taħriġ ta' ħaddiema soċjali u gruppi professjonali oħra u l-ħidma ma' NGOs; jistieden għal darb'oħra lill-istati kollha, inklużi lill-Istati Membri tal-UE, jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom;

31.  Jilqa' l-ħidma tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-ambjent; jenfasizza bi tħassib serju li t-telf tal-bijodiversità jipperikola t-tgawdija ta' firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet għall-ħajja, is-saħħa u l-ilma, u jaffettwa b'mod partikolari l-gruppi l-aktar vulnerabbli, inklużi popli indiġeni; jistieden lill-UE tappoġġja azzjoni ulterjuri mill-UNHRC f'dan il-qasam, peress li dan huwa ta' importanza kruċjali għall-futur tal-umanità;

32.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar l-għoti ta' avvenimenti sportivi kbar ħafna lill-pajjiżi ospitanti li għandhom rekord ħażin ħafna fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll dwar l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem li jirriżultaw minn tali avvenimenti, inklużi l-iżgumbramenti furzati mingħajr il-konsultazzjoni jew kumpens tal-popolazzjonijiet ikkonċernati, l-isfruttament ta' gruppi vulnerabbli bħat-tfal u l-ħaddiema migranti, u t-trażżin ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiddenunzjaw dan il-ksur; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jippromwovu inizjattiva transreġjonali dwar id-drittijiet sportivi u tal-bniedem fil-livell tal-UNHRC, sabiex jinħolqu mekkaniżmi ta' salvagwardja biex jipprevjenu, jimmonitorjaw u jirrimedjaw l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem konnessi ma' avvenimenti sportivi kbar ħafna;

33.  Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u d-Dispożizzjonijiet Ġenerali dwar l-Azzjoni Esterna tal-Unjoni;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi adottat approċċ ibbażat fuq id-drittijiet u jiġi integrat r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-politiki kollha tal-UE, inklużi dawk dwar il-kummerċ, l-investiment, is-servizzi pubbliċi, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-migrazzjoni, kif ukoll il-politiki ta' sigurtà u ta' difiża komuni tagħha;

35.  Ifakkar li l-koerenza interna u esterna fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem hija essenzjali għall-kredibilità tal-politika tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi, u jitlob lill-UE tissodisfa l-impenji tagħha f'dan ir-rigward;

Prijoritajiet nazzjonali

Il-Belarussja

36.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar ir-restrizzjonijiet kontinwi fuq il-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda paċifika fil-Belarussja; jikkundanna l-fastidju u d-detenzjoni ta' ġurnalisti indipendenti u tal-oppożizzjoni u l-attivisti tad-drittijiet tal-bniedem; jikkundanna l-użu persistenti tal-piena tal-mewt; jappella għat-tiġdid tal-mandat tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja fit-35 sessjoni tal-UNHRC, u jistieden lill-Gvern tal-Belarussja jikkoopera bis-sħiħ mar-Rapporteur Speċjali u jimpenja ruħu li jwettaq ir-riformi li messhom ilhom li saru biex jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem, fosthom billi jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li saru mir-Rapporteur Speċjali u mekkaniżmi oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

Il-Burundi

37.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li s-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Burundi sejra għall-agħar; jikkundanna l-vjolenza li ilha sseħħ fil-pajjiż sa mill-2015, li wasslet għall-mewt, it-tortura, il-vjolenza mmirata kontra n-nisa, inkluż l-istupru kollettiv, il-fastidju u l-priġunerija ta' eluf ta' persuni, iċ-ċaqliq furzat ta' mijiet ta' eluf ta' Burundjani, kif ukoll il-ksur tal-libertà tal-istampa u ta' espressjoni; jikkundanna l-prevalenza tal-impunità fir-rigward ta' tali atti; jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-UE, wara l-falliment tad-diskussjonijiet mibdija fis-sens tal-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, li jiġi sospiż l-appoġġ finanzjarju dirett lill-amministrazzjoni Burundjana, inkluż l-appoġġ baġitarju, filwaqt li jibqa' jingħata appoġġ finanzjarju sħiħ għall-popolazzjoni u għall-għajnuna umanitarja permezz ta' mezzi diretti; jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta' kummissjoni ta' inkjesta fuq il-Burundi li tidentifika l-allegati awturi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-abbużi fil-pajjiż, bl-għan li tiġi żgurata responsabilità sħiħa; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw dikjarazzjoni konġunta dwar il-Burundi li tqiegħed inkwistjoni s-sħubija tiegħu mal-UNHRC sakemm dan ma jibdiex jikkoopera b'mod sħiħ mal-Kummissjoni ta' Inkjesta (COI) u mal-Kunsill u l-mekkaniżmi tiegħu, jinvolvi ruħu b'mod kostruttiv mal-COI u jindirizza l-preokkupazzjonijiet serji dwar id-drittijiet tal-bniedem; Jistieden lill-awtoritajiet Burundjani jerġgħu jikkunsidraw id-deċiżjoni tagħhom li jirtiraw mill-QKI;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (RDPK)

38.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar id-deterjorazzjoni persistenti tas-sitwazzjoni tad-drittjiet tal-bniedem fir-RDPK; jitlob li ssir inkjesta internazzjonali dwar iċ-ċirkostanzi tal-mewt ta' Kim Jong Nam, ħu fardsieq ta' Kim Jong Un, allegatament maqtul permezz ta' VX, wieħed mill-aktar veleni tan-nerv pprojbiti internazzjonalment fl-ajruport ta' Kuala Lumpur fit-13 ta' Frar 2017; jistieden lill-Gvern tar-RDPK iwettaq l-obbligi tiegħu fl-ambitu tal-istrumenti tad-drittijiet tal-bniedem li hu kontraenti tagħhom, u jistiednu jiżgura li l-organizzazzjonijiet umanitarji, l-osservaturi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDPK ikollhom aċċess għall-pajjiż u jingħataw il-kooperazzjoni meħtieġa; jistieden lill-RDPK tippermetti l-libertà ta' espressjoni u l-libertà tal-istampa għall-midja nazzjonali u internazzjonali, kif ukoll aċċess għall-internet mingħajr ċensura liċ-ċittadini kollha tagħha; jikkundanna bil-qawwa l-użu sistematiku tal-piena kapitali fl-RDPK fuq skala kbira; jistieden lill-Gvern tar-RDPK jiddikjara moratorju fuq l-eżekuzzjonijiet kollha, bil-għan li l-piena kapitali tiġi abolita fil-ġejjieni qrib; jitlob b'insistenza li dawk responsabbli għad-delitti kontra l-umanità mwettqa fir-RDPK jinżammu responsabbli, jitressqu quddiem il-QKI u jiġu soġġetti għal sanzjonijiet immirati; jikkundanna bil-qawwa l-prova nukleari bħala provokazzjoni bla bżonn u perikoluża kif ukoll bħala ksur tar-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u theddida serja għall-paċi u l-istabilità fil-peniżola Koreana u r-reġjun tal-Asja tal-Grigal; jitlob li jiġġedded il-mandat tar-Rapporteur Speċjali; jitlob il-preżentazzjoni tar-rapport tal-grupp ta' esperti lill-Assemblea Generali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU; jirrakkomanda li jiġu inkorporati fir-riżoluzzjoni r-rakkomandazzjonijiet prinċipali dwar ir-responsabilità mir-rapport tal-esperti, inkluż it-tisħiħ tal-kapaċità tal-Uffiċċju ta' Seoul b'kompetenzi investigattivi u ta' prosekuzzjoni, kif ukoll il-ħatra ta' espert ġuridiku fil-qasam kriminali biex titwettaq it-triq għar-responsabilità;

Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo

39.  Jikkundanna l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK) imwettaq b'impunità sħiħa mill-forzi tas-sigurtà, u jitlob li dawk responsabbli jinżammu responsabbli; jistieden lill-Kunsill jikkunsidra jestendi l-miżuri ristrettivi fis-seħħ bħas-sanzjonijiet immirati tal-UE, inklużi l-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u l-iffriżar tal-assi għal dawk responsabbli għar-ripressjoni vjolenti u għall-imminar tal-proċess demokratiku fir-RDK, f'każ ta' aktar vjolenza, hekk kif inhu previst fil-Ftehim Cotonou; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tar-RDK jimplimentaw il-ftehim li ntlaħaq f'Diċembru 2016 u li jsiru elezzjonijiet mhux aktar tard minn Diċembru 2017 bl-appoġġ ta' atturi internazzjonali; ifakkar li l-istabilità tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar hija kwistjoni ta' tħassib kbir, b'mod partikolari fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Lvant tar-RDK, inkluża l-kwistjoni ta' vjolenza sesswali; jitlob li jitkompla l-iskrutinju tal-UNHRC fir-RDK sal-elezzjonijiet u t-transizzjoni demokratika sseħħ, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni Għolja tinforma lill-Kunsill Għoli dwar is-sitwazzjoni fir-RDK meta jkun xieraq u li tieħdu azzjoni aktar b'saħħitha jekk ikun meħtieġ;

L-Eġittu

40.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-deterjorament kontinwu tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Eġittu, inkluż l-għeluq drammatiku tal-ispazju pubbliku għas-soċjetà ċivili, ir-ripressjoni ħarxa kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, b'mod partikolari d-difensuri nisa tad-drittijiet tal-bniedem, u dawk li ma jaqblux, u n-nuqqas tal-libertà ta' espressjoni; ikompli jesprimi tħassib rigward il-liġi drakonjana dwar l-NGO adottata mill-parlament Eġizzjan fl-2016, u li serjament tikser tad-dritt garantit mill-kostituzzjoni tal-libertà ta' assoċjazzjoni u d-diversi impenji legali internazzjonali li ħa l-Eġittu li jiddefendi dan id-dritt; jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Gvern tal-Eġittu jindirizza l-fenomeni rampanti tat-tortura, l-għajbien sfurzat u l-imwiet waqt detenzjoni; jitlob li l-UE tagħti bidu għal riżoluzzjoni dwar pajjiż fl-UNHRC;

 

Ir-reġjuni Georgjani tal-Abkażja u r-reġjun Tskhinvali/Ossezja tan-Nofsinhar

41.  Jibqa' mħasseb dwar il-libertà ta' espressjoni, il-libertà tal-mezzi tax-xandir u n-nuqqas ta' aċċess għar-reġjuni okkupati tal-Abkażja u r-reġjun ta' Tskhinvali/l-Ossezja tan-Nofsinhar, fejn il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem għadu mifrux; iħeġġeġ it-tisħiħ tal-kuntatt bejn il-popli bejn it-territorju kkontrollat minn Tbilisi u ż-żewġ reġjuni okkupati; jappella biex is-sovranità u l-integrità territorjali tal-Georgia jiġu rispettati bis-sħiħ, kif ukoll għall-invjolabilità tal-fruntieri rrikonoxxuti fil-livell internazzjonali tal-pajjiż; jisħaq fuq il-ħtieġa li r-rifuġjati u l-persuni spostati f'pajjiżhom ikunu jistgħu jirritornaw b'mod sikur u dinjituż fil-postijiet ta' residenza permanenti tagħhom; jistieden lill-gvern tal-Georgia jieħu miżuri xierqa bil-għan li jiżgura li jingħata segwitu u jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet tal-EPU;

L-Iran

42.  Jitlob lill-Iran jikkoopera bis-sħiħ mal-mekkaniżmi tad-drittijiet tal-bniedem kollha tan-NU, u sabiex jaħdem favur l-applikazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet magħmula f'dan il-kuntest, inkluż l-EPU, billi jippermetti li organizzazzjonijiet internazzjonali għad-drittijiet tal-bniedem iwettqu l-missjonijiet tagħhom; jistieden lill-gvern tal-Iran jindirizza t-tħassib sostantiv enfasizzat fir-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU u tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Iran, kif ukoll l-appelli speċifiċi li jinstabu fir-riżoluzzjonijiet tal-Assemblea Ġenerali tan-NU; jinnota bi tħassib li l-Iran għandu l-ogħla livell ta' eżekuzzjonijiet bil-piena tal-mewt per capita fid-dinja; jistieden lill-Iran jiddikjara moratorju fuq il-piena tal-mewt; jappella sabiex jinħelsu l-priġunieri politiċi kollha;

Il-Myanmar/Burma

43.  Jinsab imħasseb ferm minħabba r-rapporti ta' ġlied vjolenti fl-istat tat-tramuntana ta' Rakhine, u jiddeplora t-telf ta' ħajjiet, l-għajxien u l-kenn kif ukoll ir-rapporti dwar użu sproporzjonat ta' saħħa min-naħa tal-forzi armati tal-Myanmar/Burma, li skont l-OHCHR jistgħu jikkostitwixxu delitti kontra l-umanità; Iħeġġeġ lill-forzi militari u tas-sigurtà jwaqqfu minnufih il-qtil, l-intimidazzjoni u l-istupri li qed jitwettqu fuq il-poplu Rohingya kif ukoll il-ħruq tad-djar tagħhom; jinsisti li l-gvern tal-Myanmar/Burma u l-awtoritajiet ċivili tal-Myanmar/Burma jtemmu minnufih id-diskriminazzjoni u s-segregazzjoni fil-konfront tal-minoranza Rohingya; jappella biex id-drittijiet tal-poplu Rohingya jiġu ssalvagwardati u jiġu ggarantiti s-sikurezza, is-sigurtà u l-ugwaljanza taċ-ċittadini kollha tal-Myanmar/Burma; jilqa' d-deċiżjoni tal-gvern tal-Myanmar/Burma li jqiegħed bħala prijorità ewlenija l-paċi u r-rikonċiljazzjoni nazzjonali; jilqa' t-tħabbira min-naħa tal-gvern tal-Myanmar/Burma b'rabta mat-twaqqif ta' Kummissjoni ta' Inkjesta dwar il-vjolenza reċenti fl-istat ta' Rakhine; jissottolinja l-ħtieġa li jittieħdu l-passi xierqa biex dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja, u li jiġi pprovdut rimedju adegwat għall-vittmi ta' ksur; jistieden lill-gvern tal-Myanmar/Burma jkompli l-proċess ta' demokratizzazzjoni u jirrispetta l-istat tad-dritt, il-libertà ta' espressjoni u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw mandat imġedded tar-Rapporteur Speċjali dwar il-Myanmar/Burma;

Territorji Palestinjani Okkupati

44.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex, fid-diskussjonijiet u r-riżoluzzjonijiet dwar it-Territorji Palestinjani Okkupati fil-UNHRC, ileħħnu d-dispjaċir tagħhom fir-rigward tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet preċedenti tal-korpi tan-NU favur id-drittijiet tal-bniedem, inkluża l-Kummissjoni ta' Inkjesta tan-NU inkarigata biex tindaga dwar il-kunflitt ta' Gaża fl-2014, il-progress limitat li sar fl-investigazzjoni tal-allegat ksur tad-dritt internazzjonali min-naħa tal-partijiet kollha, u l-eżistenza ta' bosta ostakli legali, proċedurali u prattiċi għall-aċċess tal-ġustizzja u l-kumpens; iħeġġeġ lill-UE timpenja ruħha mill-ġdid fir-rigward tal-punt 7 tal-aġenda tal-UNHRC u tivvota favur ir-riżoluzzjonijiet dwar ir-responsabilità, inkluża r-riżoluzzjoni tal-UNHRC b'appoġġ għar-rapport komprensiv tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-miżuri ta' segwitu li jipproponi; jappella lill-UE biex tikkundanna l-atti ta' intimidazzjoni u t-theddidiet diretti lejn id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jippromowovu r-responsabilità u r-rispett għad-dritt internazzjonali fil-kunflitt bejn l-Iżrael u l-Palestina, u tiddenunzja prattiċi u leġiżlazzjoni restrittivi oħra li jolqtu lill-NGOs fiż-żewġ naħat; jitlob lill-UE tappoġġa r-riżoluzzjonijiet tal-UNHRC li jmiss dwar l-insedjamenti u l-pubblikazzjoni tad-databażi annwali tal-OHCHR dwar in-negozji involuti fil-ksur tad-dritt internazzjonali;

L-Arabja Sawdija

45.  Itenni t-tħassib tiegħu fir-rigward tal-ksur sistematiku tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż, inklużi r-repressjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ksur tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin u d-drittijiet tan-nisa; jikkundanna r-rata allarmanti li biha qed jingħataw l-ordnijiet biex tiġi eżegwita l-piena tal-mewt fl-Arabja Sawdija, inklużi l-eżekuzzjonijiet tal-massa, u jitlob lill-Arabja Sawdija timponi moratorju fuq il-piena tal-mewt; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Arabja Sawdija jeħilsu lil dawk kollha li qegħdin il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom, inkluż ir-rebbieħ tal-Premju Sakharov 2015, Raif Badawi; jitlob lill-UE ssegwi mill-qrib il-każ partikolari tiegħu; itenni li l-membri tal-UNHRC għandhom ikunu eletti minn fost l-istati li jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt u d-demokrazija; jitlob lill-awtoritajiet Sawdin jikkooperaw bis-sħiħ mal-Proċeduri Speċjali tal-UNHRC u mal-OHCHR; jistieden lill-UE toffri l-appoġġ tagħha fir-rigward tal-ħolqien ta' Rappreżentant Speċjali dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fl-Arabja Sawdija;

Is-Sudan t'Isfel

46.  Jistieden lill-partijiet kollha fis-Sudan t'Isfel jieqfu jwettqu ksur tad-drittijiet tal-bniedem u ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali, inkluż dak li jikkostitwixxi delitt internazzjonali, bħal pereżempju l-qtil extraġudizzjarju, il-vjolenza mmirata etnikament, il-vjolenza sesswali marbuta mal-kunflitti, inkluż l-istupru, kif ukoll il-vjolenza bbażata fuq is-sessi, ir-reklutaġġ u l-użu tat-tfal, l-għajbien sfurzat u l-arresti u d-detenzjoni arbitrarji; jinnota li l-gvern tas-Sudan t'Isfel iffirma l-Pjan Direzzjonali miftiehem fis-16 ta' Marzu 2016, u sussegwentement iċċara l-impenji tiegħu rigward l-inklużjoni ta' partijiet ikkonċernati rilevanti oħra fid-Djalogu Nazzjonali u t-tkomplija ta' ħarsien ta' kwalunkwe deċiżjoni milħuqa bejn il-firmatarji mill-oppożizzjoni u l-Mekkaniżmu 7+7, il-kumitat ta' tmexxija tad-Djalogu Nazzjonali; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-partijiet kollha jirrispettaw l-impenn tagħhom u jitlob għal djalogu kontinwu lejn l-istabbiliment ta' waqfien definittiv mill-ġlied; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu l-impenn tagħhom fir-rigward tal-appoġġ tal-isforzi tal-Unjoni Afrikana biex iwasslu l-paċi fis-Sudan t'Isfel u lill-poplu tiegħu fit-tranżizzjoni lejn demokrazija riformata internament; billi n-NU ddikjaraw li ċerti nħawi tal-pajjiż huma milquta minn karestija; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jġeddu l-mandat tal-Kummissjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fis-Sudan t'Isfel, u jsaħħu r-rwol tagħha bil-għan li jiġu investigati l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tiġi identifikata l-vjolenza sesswali; jappoġġa l-inkorporazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu fir-rapport biex jitressqu quddiem l-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU;

Is-Sirja

47.  Jikkundanna bl-aktar mod qawwi l-atroċitajiet u l-ksur mifrux tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa mir-reġim ta' Assad bl-appoġġ tar-Russja u tal-Iran, kif ukoll l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mwettqa minn gruppi terroristiċi armati u mhux statali, b'mod partikolari l-ISIS/Daesh li huwa responsabbli għal delitti li jammontaw għal ġenoċidju, Jabhat Fateh al-Sham/il-Front Al-Nusra u gruppi ġiħadisti oħra; jinsisti li għandha titkompla l-investigazzjoni tal-użu u l-qerda ta' armi kimiċi min-naħat kollha fis-Sirja u jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni tar-Russja u taċ-Ċina li jimblukkaw riżoluzzjoni ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar l-użu tal-armi kimiċi; itenni t-talba tiegħu għal aċċess umanitarju sħiħ u mingħajr xkiel, u għall-obbligu ta' rendikont għal dawk ħatja li wettqu delitti tal-gwerra u delitti kontra l-umanità; jappoġġa l-inizjattiva tal-UE biex is-sitwazzjoni fis-Sirja titressaq quddiem il-QKI, u jistieden lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jieħu azzjoni f'dan ir-rigward; Jappoġġa l-ħidma persistenti tal-Kummissjoni ta' Inkjesta kif ukoll l-istabbiliment ta' Mekkaniżmu Internazzjonali, Imparzjali u Indipendenti għas-Sirja, u l-mandat tal-Kummissjoni ta' Inkjesta biex twettaq investigazzjoni speċjali dwar Aleppo, li għandha tiġi rrappurtata lura sa mhux aktar tard mill-34 sessjoni tal-UNHRC f'Marzu 2017, u jitlob li r-rapport jitressaq quddiem l-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà;

L-Ukrajna

48.  Jiddeplora l-fatt li l-aggressjoni Russa li għadha għaddejja ħolqot sitwazzjoni umanitarja mwiegħra f'Donbas u li organizzazzjonijiet umanitarji Ukreni u internazzjonali mhumiex qed jingħataw aċċess għar-reġjuni okkupati; jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-kundizzjonijiet umanitarji li huma ta' sfida għal aktar minn 1,5 miljun persuna spostati internament; jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-vjolenza sesswali kontinwata marbuta mal-kunflitt; jinsab imħasseb tassew dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-Krimea okkupata mir-Russja, partikolarment tat-Tatari tal-Krimea; jisħaq fuq il-ħtieġa għal aktar assistenza min-naħa tal-UE għall-Ukrajna; itenni l-impenn sħiħ tiegħu favur is-sovranità, l-indipendenza, l-għaqda u l-integrità territorjali tal-Ukrajna fi ħdan il-fruntieri tagħha rikonoxxuti internazzjonalment u l-għażla libera u sovrana tagħha li taqbad perkors Ewropew; jistieden lill-partijiet kollha jipproċedu minnufih bir-riintegrazzjoni paċifika tal-peniżola tal-Krimea fis-sistema ġuridika Ukrena permezz tad-djalogu politiku u f'konformità sħiħa mad-dritt internazzjonali; jappoġġa l-estensjoni tas-sanzjonijiet kontra r-Russja sakemm jiġi implimentat bis-sħiħ il-Ftehim ta' Minsk u l-Krimea tingħata lura; jistieden lis-SEAE u lill-Kunsill iżidu l-pressjoni fuq il-Federazzjoni Russa biex tippermetti lill-organizzazzjonijiet internazzjonali l-aċċess għall-Krimea, bl-iskop li jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fid-dawl tal-ksur gravi li għaddej tal-libertajiet fundamentali u tad-drittijiet tal-bniedem fil-peniżola, u bil-għan li jiġu stabbiliti mekkaniżmi ta' monitoraġġ internazzjonali permanenti u bbażati fuq il-konvenzjonijiet; jappella, barra minn hekk, biex jiġi implimentat bis-sħiħ il-Ftehim ta' Minsk; ifakkar li l-partijiet kollha fil-kunflitt għandhom l-obbligu li jieħdu l-miżuri kollha possibbli biex jipproteġu l-popolazzjoni ċivili taħt il-kontroll tagħhom mill-effetti tal-ostilitajiet; jappoġġa u jħeġġeġ id-Djalogu Interattiv mistenni fl-34 UNHRC;

Il-Jemen

49.  Jinsab imħasseb ħafna dwar is-sitwazzjoni umanitarja katastrofika fil-Jemen u jenfasizza r-responsabilità partikolari tal-Arabja Sawdija f'dan il-kuntest; jikkundanna l-fatt li l-persuni ċivili jinsabu fil-mira u jinsabu maqbuda f'sitwazzjoni intollerabbli bejn il-partijiet fil-kunflitt li qed jiksru l-dritt internazzjonali umanitarju u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza li r-reklutaġġ u l-isfruttament tat-tfal fil-kunflitti armati huma strettament ipprojbiti mid-dritt internazzjonali fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u d-dritt umanitarju internazzjonali u, f'każijiet ta' reklutaġġ ta' tfal taħt il-ħmistax-il sena jaf jikkostitwixxu delitt tal-gwerra; jistieden lill-partijiet kollha jeħilsu minnufih lil dawn it-tfal; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jnaqqsu t-tensjonijiet u jistabbilixxu waqfien mill-ġlied immedjat u stabbli li jwassal għal soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt; jappoġġa bis-sħiħ, f'dan is-sens, l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismaïl Ould Cheikh Ahmed, kif ukoll l-implimentazzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem 33/16 ta' Ottubru 2016, li titlob lin-NU sabiex jaħdmu mal-kummissjoni ta' inkjesta nazzjonali indipendenti, u jappoġġa l-isforzi kollha għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti sabiex titneħħa l-klima ta' impunità fil-Jemen; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jappoġġaw id-dikjarazzjoni konġunta mmexxija min-Netherlands li tesprimi tħassib dwar il-ksur u l-abbużi fil-Jemen u li tappella biex dawn jiġu investigati bir-reqqa u b'mod imparzjali; iħeġġeġ l-użu, min-naħa tal-Kummissarju Għoli, ta' format ta' tgħarrif intersessjonali biex iżomm lill-UNHRC infurmat regolarment dwar ir-riżultati tal-investigazzjonijiet tiegħu;

Is-Saħara tal-Punent

50.  Jitlob li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali tal-popli tas-Saħara tal-Punent, inklużi l-libertà ta' assoċjazzjoni, il-libertà ta' espressjoni u d-dritt għal għaqda; jitlob b'insistenza li jinħelsu l-priġunieri politiċi Sahrawi kollha; jitlob li r-rappreżentanti tan-NU, il-membri parlamentari, l-osservaturi indipendenti, l-NGOs u l-mezzi tax-xandir jingħataw aċċess għat-territorji tas-Saħara tal-Punent; iħeġġeġ lin-NU biex lill-Missjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Referendum fis-Saħara tal-Punent (MINURSO) ituha mandat b'rabta mad-drittijiet tal-bniedem, f'konformità mal-missjonijiet l-oħra kollha tan-NU għaż-żamma tal-paċi fid-dinja; jappoġġa soluzzjoni ġusta u dejjiema tal-kunflitt fis-Saħara tal-Punent, abbażi tad-dritt għall-awtodeterminazzjoni tal-poplu Sahrawi u f'konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tan-NU; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jqajmu l-kwistjoni tas-sitwazzjoni li għaddejja fis-Saħara tal-Punent waqt is-sessjoni li jmiss tal-Eżami Perjodiku Universali (EPU) fil-Marokk;

o

o  o

51.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU, lill-President tal-71 Assemblea Ġenerali tan-NU, lill-President tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, lill-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem u lis-Segretarju Ġenerali tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.

 

 

 

 

[1] Testi adottati, P8_TA(2016)0317
[2] Testi adottati, P8_TA(2016)0502