Dokument ta' sessjoni
29.3.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat
(D049280 – 2017/2624(RSP) )
Bart Staes, Guillaume Balas, Lynn Boylan, Eleonora Evi, Sirpa Pietikäinen
f'isem il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat
(D049280 – 2017/2624(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, u qamħirrun ġenetikament modifikat li jgħaqqad tnejn, tlieta jew erbgħa mill-events Bt11, 59122, MIR604, 1507 u GA21, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament u tal-Kunsill dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat (D049280),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2) u 21(2) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmija fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, tas-27 ta' Jannar 2017, li fiha ma ngħatat ebda opinjoni, kif ukoll il-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell tas-27 ta' Marzu 2017, fejn ukoll ma ngħatat ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-15 ta' Lulju 2016[3], li tinkludi opinjoni minoritarja, kif ukoll l-opinjonijiet preċedenti tal-EFSA dwar il-qamħirrum li fih events uniċi, Bt11 (li jesprimi l-proteini Cry1Ab u PAT), 59122 (li jesprimi l-proteini Cry34Ab1, Cry35Ab1 u PAT), MIR604 (li jesprimi l-proteini mCry3A u PMI), 1507 (li jipproduċi l-proteini Cry1F u PAT) and GA21 (li jesprimi l-proteini mEPSPS),
– wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni ( COM(2017)0085 , COD(2017)0035),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati[4],
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
L-applikazzjoni
A. billi fl-1 ta' Lulju 2011 Syngenta ressqet applikazjzoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li fihom, jikkonsistu minn jew prodotti minn qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tal-Ġermanja bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 fi prodotti li jikkonsistu jew li fihom minn dan il-qamħirrun għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qamħirrum ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;
B. billi fil-21 ta' Frar 2014 Syngenta estendiet l-ambitu tal-applikazzjoni għas-sottokumbinazzjonijiet kollha tal-events uniċi ġenetikament modifikati li jikkonsistu f'qamħirrun Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21, minbarra s-sottokumbinazzjoni 1507 × 59122, li diġà kienet awtorizzata bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/432/UE[5];
C. billi fil-31 ta' Marzu 2016 Syngenta aġġornat l-ambitu tal-applikazzjoni billi eskludiet l-erba' sottokumbinazzjonijiet li ġejjin, li kienu jaqgħu fl-ambitu ta' applikazzjoni oħra: il-qamħirrun Bt11 × GA21, il-qamħirrun MIR604 × GA21, il-qamħirrun Bt11 × MIR604, u Bt11 × MIR604 × GA21[6];
D. billi m'hemm ebda data speċifika dwar kwalunkwe waħda mill-20 sottokumbinazzjoni li tressqu mill-applikant[7];
E. billi l-użi previsti għall-kumbinazzjoni ta' ħames events flimkien huma l-kontroll tal-lepidopterani u l-koleotterani, organiżmi ta' ħsara għall-qamħirrun, u biex jipprovdu tolleranza għall-erbiċida li jkun fihom il-glufosinat tal-ammonju jew il-glifosat[8]; billi l-użi previsti għad-diversi sottokumbinazzjonijiet huma simili, u jiddependu fuq il-kumbinazzjonijiet;
L-opinjoni tal-EFSA
F. billi fis-26 ta' Awwissu 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) tat opinjoni favorevoli bi qbil mal-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-qamħirrun ġenetikament modifikat Bt11 × 59122 × MIR604 × 1507 × GA21 u għas-sottokumbinazzjonijiet kollha koperti mill-ambitu tal-applikazzjoni; billi l-opinjoni tal-EFSA inkludiet opinjoni minoritarja;
G. billi l-EFSA tirrikonoxxi li ebda data speċifika ma tressqet għall-20 sottokumbinazzjoni, li ħafna minnhom kienu għadhom lanqas biss ġew maħluqa, u li ebda informazzjoni xjentifika dwarhom ma setgħet tinstab fi tfittxija fil-letteratura, imma madankollu tikkonkludi li l-20 sottokumbinazzjoni kollha huma "mistennija li jkunu sikuri bħall-qamħirrun tal-kumbinazzjoni tal-ħames events flimkien";
H. billi l-EFSA tqis li ma hu meħtieg ebda monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq għall-events ġenetikament modifikati kkonċernati; billi l-EFSA sempliċement tiddikjara li r-rekwiżit ta' monitoraġġ għandu jkun ikkunsidrat fuq il-bażi ta' data provduta dwar l-espressjoni ta' proteina ġdida, jekk dawn is-sottokumbinazzjonijiet kellhom jinħolqu permezz ta' approċċi ta' għażliet immirati u importati fl-Unjoni;
Tħassib
I. billi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur l-Istati Membri ressqu mijiet ta' kummenti kritiċi[9]; billi dawk il-kummenti jirreferu għal, inter alia: informazzjoni u data nieqsa, għal studji imwettqa b'mod żbaljat jew nuqqas ta' studji, nuqqas ta' evidenza li teskludi ċerti rotot ta' esponiment, bażi ta' data insuffiċjenti, eż. fir-rigward tad-diġestibilità, nuqqas ta' kunsiderazzjoni tal-effetti kumbinati tad-diversi proteini tat-tossina BT fil-valutazzjoni tal-potenzjal tal-allerġeniċità u tat-tossiċità, nuqqasijiet fir-rigward tad-disinn esperimentali tal-qasam tal-provi u tal-analiżi statistika, rapporti neqsin dwar ir-riżultati tal-monitoraġġ, nuqqas li jiġi muri li l-prodott ma għandux effetti ħżiena fuq l-ambjent, nuqqas ta' valutazzjoni ulterjuri ta' differenzi statistikament sinifikanti, eż. fil-kompożizzjoni nutrizzjonali, u n-nuqqas li jitwettqu testijiet immunoloġiċi fir-rigward tal-potenzjal allerġeniku potenzjalment aktar għoli;
J. billi kienet espressa opinjoni minoritarja minn Jean-Michel Wal, Membru tal-Panel EFSA GMO[10], li tiddikjara: "l-ebda data speċifika dwar xi waħda minn dawk l-20 sottokumbinazzjoni ma ġiet provduta mill-applikant, li wkoll ma tax raġunament sodisfaċenti li jispjega r-raġunijiet li minħabba fihom dik id-data hi nieqsa u/jew għaliex hu jikkunsidra li mhijiex meħieġa għall-valutazzjoni tar-riskju. Din hi l-aktar raġuni importanti għall-espressjoni ta' din l-opinjoni minoritarja, li tqis li ma jistax ikun hemm żewġ tipi ta' valutazzjoni tar-riskju, waħda komprensiva bbażata fuq set komplet ta' data u oħra li għaliha ebda data speċifika mhi disponibbli u li hi bbażata fuq assunzjonijiet u kunsiderazzjonijiet indiretti dedotti mill-Panel mill-hekk imsejjaħ "approċċ tal-piż tal-evidenza" u estrapolazzjoni ta' data miksuba għal events uniċi, il-kumbinazzjoni tal-ħames events flimkien u ġabriet oħra li kienu mressqa u valutati f'applikazzjonijiet oħra. Minbarra din il-kwistjoni ta' prinċipju, fil-każ preżenti, dan jista' jwassal għal riskju mhux ikkontrollat għas-saħħa tal-bnedmin f'ċerti partijiet tal-popolazzjoni.";
K. billi, b'mod aktar speċifiku, l-opinjoni minoritarja tesprimi dubji dwar it-tip ta' estrapolazzjoni li saret biex tivvaluta effetti potenzjali ħżiena li mhijiex definita b'mod preċiż: "Il-kriterji, il-proċedura u l-livell ta' kunfidenza li għandha tintalab għal din l-estrapolazzjoni mhumiex mogħtija u mhemmx valutazzjoni kritika tal-limiti tagħha. Ebda evalwazzjoni tal-inċertezza li tirriżulta ma twettqet, eż. bl-użu ta' analiżi probabilistika, kif rakkomandat mill-Abbozz ta' Gwida dwar l-Inċertezza fil-Valutazzjoni Xjentifika tal-EFSA (Reviżjoni għat-Testijiet Interni) tal-Kumitat Xjentifiku tal-EFSA; Dawn in-nuqqasijiet jistgħu jinvalidaw il-konklużjoni ġenerali.";
L. billi l-opinjoni minoritarja tal-EFSA tirrimarka wkoll diversi nuqqasijiet u argumenti kontradittorji fir-rigward tal-applikazzjoni, eż. il-fatt li l-applikant minn naħa jalludi għall-fatt li s-sottokumbinazzjonijiet kollha ġew prodotti, u li l-livell ta' espressjoni tal-proteina kien analizzat[11], imma min-naħa l-oħra ma jipprovdi ebda data fuq l-ebda sottokumbinazjzoni;
M. billi l-varjetajiet ta' qamħirrum ġenetikament modifikat SYN-BTØ11-1, DAS-59122-7 and DAS-Ø15Ø7-1 involut jesprimi proteina PAT li tagħti tolleranza għall-erbiċida glufosinat tal-ammonju; billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018[12];
N. billi l-qamħirrum ġenetikament modifikat MON-ØØØ21-9, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina mEPSPS li tagħti tolleranza għall-erbiċidi glifosati; billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – l-aġenzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa speċjalizzata fil-kanċer – ikklassifikat il-glifosat bħala x'aktarx karċinoġenu għall-bniedem fl-20 ta' Marzu 2015[13];
Il-proċedura
O. billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Jannar 2017 ma ta l-ebda opinjoni; billi huma biss 10 Stat Membru li jirrapreżentaw 38,43% biss tal-popolazzjoni tal-Unjoni li vvutaw favur, filwaqt li 13-il Stat Membru vvutaw kontra, u erba' Stati Membri astjenew; billi l-votazzjoni tal-Kumitat tal-Appell fis-27 ta' Marzu 2017 għal darb'oħra ma tat l-ebda opinjoni;
P. billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni għall-proposta leġiżlattiva ppreżentat fit-22 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament fit-territorju tagħhom kif ukoll fil-memorandum ta' spjegazzjoni dwar il-proposta leġiżlattiva ppreżentat fl-14 ta' Frar 2017 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-kumitat għal opinjoni tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li hi verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjoni dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat; billi din il-prattika, f'diversi ċirkostanzi, kienet iddeplorata mill-President tal-Kummissjoni Juncker bħala li mhijiex demokratika[14];
Q. billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet irrifjutata mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015 peress li, filwaqt li l-kultivazzjoni sseħħ neċessarjament fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM jaqsam il-fruntieri, u dan ifisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" tista' tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli fuq l-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament mhux biss irrifjuta l-proposta leġiżlattiva, iżda talab ukoll lill-Kummissjoni tirtiraha u tressaq waħda ġdida;
R. billi hu diġà l-każ li l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, b'mod ċar tirregola li: "Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b'mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni."[15];
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002[16], huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;
3. Iqis, b'mod aktar speċifiku, li dan imur kontra l-prinċipji tal-liġi ġenerali dwar l-ikel, kif imniżżel fir-Regolament (KE) Nru 178/2002, biex ikunu approvati varjetajiet li għalihom ma kienet provduta ebda data dwar is-sikurezza, lanqas biss ma ġew ittestjati, jew li lanqas biss għadhom ma ġew maħluqa;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.