Dokument ta' sessjoni

 

B8-0270/2017

19.4.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

( 2017/2651(RSP) )

Beatriz Becerra Basterrechea, Dita Charanzová, Nedzhmi Ali, Izaskun Bilbao Barandica, Enrique Calvet Chambon, Marielle de Sarnez, María Teresa Giménez Barbat, Marian Harkin, Gesine Meissner, Louis Michel, Javier Nart, Urmas Paet, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Jozo Radoš, Frédérique Ries, Jasenko Selimovic, Pavel Telička, Hilde Vautmans, Paavo Väyrynen, Cecilia Wikström

f'isem il-Grupp ALDE

 

B8-0270/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

( 2017/2651(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3] u tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,

–  wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana, adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikoli 72 u 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-16 ta' Mejju 2016 tal-Human Rights Watch lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), Luis Almagro Lemes, dwar il-Venezwela[5],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Marzu 2017 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Venezwelana li tieħu f'idejha s-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali,

–  wara li kkunsidra t-twissijiet espressi fir-rapporti tal-OAS tat-30 ta' Mejju 2016 u tal-14 ta' Marzu 2017 dwar il-Venezwela u l-appell tas-Segretarju Ġenerali tagħha biex il-Kunsill Permanenti jitlaqqa' b'urġenza, skont l-Artikolu 20 tal-Karta Demokratika, bil-għan li tiġi diskussa l-kriżi politika tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta' Marzu 2017 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar il-kriżi dejjem aktar serja li qed tolqot lill-Venezwala fil-livell politiku, ekonomiku u umanitarju,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OAS, iffirmata minn 14 fost l-istati membri tagħha fit-13 ta' Marzu 2017, li tesiġi li l-Venezwela tiskeda elezzjonijiet malajr kemm jista' jkun, teħles lill-priġunieri politiċi u tirrikonoxxi s-separazzjoni tas-setgħat minquxa fil-kostituzzjoni tagħha, fost miżuri oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Permanenti tal-OAS tat-3 ta' April 2017 dwar l-avvenimenti reċenti fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 ta' Marzu 2017 il-Qorti Suprema Venezwelana ħarġet deċiżjoni li tiddikjara antikostituzzjonali kull leġiżlazzjoni adottata mill-Assemblea Nazzjonali u ddeskriviet l-appoġġ għall-Karta Demokratika Inter-Amerikana bħala att ta' tradiment avolja din hija dokument legali ffirmat mill-Venezwela; billi fid-29 ta' Marzu 2017 il-Qorti Suprema Venezwelana ħarġet deċiżjoni li tiddikjara li l-Assemblea Nazzjonali tinsab f'qagħda ta' disprezz tal-qorti u annullat l-azzjonijiet tagħha, liema fatti wasslu sabiex il-Qorti Suprema tassumi l-funzjoni leġiżlattiva;

B.  billi d-deċiżjonijiet inħarġu mingħajr ebda bażi kostituzzjonali – la s-setgħat mogħtija lill-Assemblea Nazzjonali (l-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni) u lanqas dawk li tgawdi l-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (l-Artikolu 336 tal-Kostituzzjoni);

C.  billi Luisa Ortega Díaz, il-prosekutur ġenerali tal-Istat maħtura mill-Gvern Venezwelan, ċaħdet id-deċiżjoni maħruġa mill-Qorti Suprema, billi tqis li din id-deċiżjoni tikser l-ordni kostituzzjonali;

D.  billi d-deċiżjonijiet maħruġa mill-Qorti Suprema Venezwelana jiksru kemm is-separazzjoni tas-setgħat iggarantita mill-kostituzzjoni kif ukoll l-obbligu impost fuq l-imħallfin kollha li jirrispettaw u jiżguraw l-integrità tal-kostituzzjoni Venezwelana (l-Artikolu 334);

E.  billi l-Qorti Suprema preċedentement iddikjarat li l-Assemblea Nazzjonali tinsab f'qagħda ta' disprezz tal-qorti u annullat l-azzjonijiet tagħha fl-1 ta' Awwissu 2016 u fil-5 ta' Settembru 2016, permezz tad-Deċiżjoni Nru 808;

F.  billi standards universali, kif ukoll ftehimiet reġjonali u internazzjonali, li l-Venezwela hija parti għalihom u għalhekk għandha obbligu ta' infurzar fil-konfront tagħhom, jiddefinixxu s-separazzjoni tas-setgħat bħala garanzija neċessarja għall-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini u għad-difiża tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, li huma prerekwiżit fundamentali għall-eżistenza ta' demokrazija rappreżentattiva;

G.  billi l-pressjoni internazzjonali sfurzat lill-President Nicolas Maduro biex jitlob lill-Qorti Suprema tirrevedi d-deċiżjoni li tannulla l-Assemblea Nazzjonali, u billi l-Qorti Suprema fl-1 ta' April 2017 ħarġet deċiżjonijiet ġodda li donnhom jistabbilixxu mill-ġdid l-awtorità tal-Assemblea Nazzjonali;

H.  billi l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-Venezwela, il-MUD (Mesa de la Unidad Democrática), rebħet 112-il siġġu fl-Assemblea Nazzjonali unikamerali li hija magħmula minn 167 membru, jiġifieri maġġoranza ta' żewġ terzi, meta mqabbla mal-55 siġġu tal-PSUV (Partido Socialista Unido de Venezuela); billi l-Qorti Suprema sussegwentement impediet erba' rappreżentanti li kienu għadhom kemm ġew eletti fl-Assemblea Nazzjonali (fosthom tlieta mill-MUD) milli jieħdu l-kariga, u b'hekk ċaħħdet lill-oppożizzjoni mill-maġġoranza tagħha ta' żewġ terzi;

I.  billi l-aħħar arresti arbitrarji għollew l-għadd ta' priġunieri politiċi għal 111, inklużi mexxejja politiċi importanti bħal Leopoldo López, Antonio Ledezma u Daniel Ceballos;

J.  billi fil-25 ta' Jannar 2017 is-Segretarju Ġenerali tal-OAS, Luis Almagro Lemes, iddikjara fil-Parlament Ewropew li d-djalogu mibdi fit-30 ta' Ottubru 2016 u approvat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-medjazzjoni ta' tliet ex presidenti u tal-Knisja Kattolika, ma rnexxilux jilħaq l-objettivi tiegħu; billi l-gvern irrifjuta li jagħti kwalunkwe konċessjoni lill-MUD matul dawn in-negozjati;

K.  billi l-gvern issospenda l-elezzjonijiet lokali u reġjonali skedati għal Diċembru 2016, impedixxa referendum revokatorju milli jseħħ – dispożizzjoni kostituzzjonali li tippermetti li 20 % tal-elettorat jitlob it-tneħħija ta' President li ma jkunx popolari – minkejja li r-rekwiżiti kostituzzjonali kollha kienu ntlaħqu, u hedded li jinterrompi l-proċessi elettorali kollha b'mod indefinit;

L.  billi l-influwenza tar-reġim Kuban fil-Venezwela, f'termini kemm ta' programmi soċjali kif ukoll ta' pulizija u servizzi tas-sigurtà, ikkontribwiet għad-destabilizzazzjoni tad-demokrazija u għal żieda fir-repressjoni politika kontra l-oppożizzjoni;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar il-ksur antikostituzzjonali kontinwu tal-ordni demokratiku fil-Venezwela, wara d-deċiżjoni li biha l-Qorti Suprema Venezwelana ħadet f'idejha s-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali, u dwar in-nuqqas ta' separazzjoni tas-setgħat u ta' indipendenza tal-fergħat tal-gvern;

2.  Jikkundanna d-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema tal-Venezwela li tissospendi s-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali u li tikkonferihom lilha nnifisha, billi jemmen li tali deċiżjonijiet imorru fundamentalment kontra l-prattiki demokratiċi u jikkostitwixxu ksur tal-ordni kostituzzjonali tal-Venezwelja; iqis li, minkejja r-reviżjoni reċenti ta' xi elementi minn dawn id-deċiżjonijiet, huwa essenzjali li l-Gvern tal-Venezwela jiżgura li l-ordni demokratiku jerġa' jiġi stabbilit bis-sħiħ;

3.  Jesprimi tħassib serju dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora serjament fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-qagħda soċjoekonomika fil-Venezwela, bi klima dejjem tikber ta' instabilità politika u soċjali;

4.  Jistieden lill-Gvern u lill-Qorti Suprema tal-Venezwela jirrispettaw il-Kostituzzjoni, inklużi s-setgħat konferiti mill-Kostituzzjoni Venezwelana lill-membri parlamentari kollha eletti debitament;

5.  Jistieden lill-Gvern Venezwelan biex jissalvagwarda s-separazzjoni u l-indipendenza tas-setgħat u biex jerġa' jistabbilixxi l-awtorità kostituzzjonali sħiħa tal-Assemblea Nazzjonali; ifakkar li s-separazzjoni u n-nuqqas ta' interferenza bejn setgħat li huma leġittimi ndaqs jiffurmaw prinċipju essenzjali ta' stati demokratiċi mmexxija mill-istat tad-dritt;

6.  Jistieden lill-Gvern Venezwelan jeħles minnufih lill-priġunieri politiċi kollha; ifakkar li l-ħelsien tal-priġunieri politiċi ġie approvat mill-Assemblea Nazzjonali bis-saħħa tal-Liġi ta' Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, li ġiet sottoposta għal veto b'deċiżjoni tas-setgħa eżekuttiva; jisħaq fuq il-fatt li sakemm ikun hemm priġunieri politiċi ma jista' jkun hemm l-ebda soluzzjoni paċifika dejjiema fuq terminu twil għall-Venezwela;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela biex jikkonforma mal-kostituzzjoni u biex jippreżenta kalendarju elettorali li jippermetti l-iżvolġiment ta' proċessi elettorali ħielsa u trasparenti;

8.  Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill Permanenti tal-OAS fit-3 ta' April 2017 u jistieden lill-VP/HR tappoġġa din ir-riżoluzzjoni; jistieden lill-VP/RGħ, barra minn hekk, biex teżamina b'mod attiv miżuri oħrajn li jkunu kapaċi jippermettu li l-UE tippromwovi b'mod kostruttiv l-istabbilizzazzjoni politika fil-Venezwela u r-ritorn lejn l-ordni demokratiku permezz tal-eżerċizzju effettiv tad-demokrazija u l-istat tad-dritt fi ħdan il-qafas kostituzzjonali Venezwelan;

9.  Jistieden lill-Kunsill jikkunsidra l-possibbiltà li japplika sanzjonijiet immirati u miżuri oħra kontra l-uffiċjali jew kwalunkwe persuna oħra responsabbli għall-ksur tad-drittijiet tad-dimostranti jew tal-oppożizzjoni demokratika;

10.  Jistieden lill-Gvern Venezwelan jirrispetta u jiggarantixxi d-dritt kostituzzjonali għal-libertà ta' għaqda paċifika; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiggarantixxu s-sigurtà u l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet għaċ-ċittadini kollha, partikolarment għad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, għall-ġurnalisti, għall-attivisti politiċi u għall-membri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti li jinsabu f'riskju akbar ta' attakki u ta' detenzjoni arbitrarja;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jippermettu li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż bħala kwistjoni ta' urġenza u jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi tas-soċjetà li ntlaqtu l-agħar;

12.  Itenni t-talba urġenti tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

[1] Testi adottati, P7_TA(2014)0176
[2] Testi adottati, P8_TA(2014)0106
[3] Testi adottati, P8_TA(2015)0080
[4] Testi adottati, P8_TA(2016)0269
[5] https://www.hrw.org/news/2016/05/16/letter-human-rights-watch-secretary-general-almagro-about-venezuela