Dokument ta' sessjoni

 

B8-0271/2017 /rev.

24.4.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

( 2017/2651(RSP) )

Esteban González Pons, Luis de Grandes Pascual, Cristian Dan Preda, José Ignacio Salafranca Sánchez-Neyra, David McAllister, Sandra Kalniete, Francisco José Millán Mon, Tunne Kelam, Nuno Melo, Gabriel Mato, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Ramón Luis Valcárcel Siso

f'isem il-Grupp PPE

 

B8-0271/2017 /rev.

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela

( 2017/2651(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-diversi riżoluzzjonijiet tiegħu, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3], u tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4],

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,

–  wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikoli 72 u 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Marzu 2017 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Zeid Ra'ad Al Hussein, dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Venezwelana li tieħu f'idejha s-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali,

–  wara li kkunsidra t-twissijiet espressi fil-qosor fir-rapporti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tat-30 ta' Mejju 2016 u tal-14 ta' Marzu 2017 dwar il-Venezwela u l-appell tas-Segretarju Ġenerali tagħha biex il-Kunsill Permanenti jitlaqqa' b'urġenza, skont l-Artikolu 20 tal-Karta Demokratika, bil-għan li tiġi diskussa l-kriżi politika tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-27 ta' Marzu 2017 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar is-sitwazzjoni dejjem aktar serja u l-kriżi gravi li qed tolqot lill-Venezwala fil-livell politiku, ekonomiku u umanitarju,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-OAS, iffirmata minn 14 minn fost l-istati membri tagħha fit-13 ta' Marzu 2017, li tesiġi li l-Venezwela tiskeda elezzjonijiet malajr kemm jista' jkun, teħles lill-priġunieri politiċi u tirrikonoxxi s-separazzjoni tas-setgħat minquxa fil-kostituzzjoni tagħha, fost miżuri oħra,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Permanenti tal-OAS tat-3 ta' April 2017 dwar il-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fis-27 ta' Marzu 2017 il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja Venezwelana ħarġet deċiżjoni li tiddikjara bħala mhux kostituzzjonali lill-atti leġiżlattivi kollha vvotati mill-Assemblea Nazzjonali; billi l-appoġġ għall-Karta Demokratika Inter-Amerikana ġie deskritt bħala att ta' tradiment, minkejja li din hija dokument legali li l-Venezwela hija firmatarja tiegħu; billi fid-29 ta' Marzu 2017 il-Qorti Suprema tal-Ġustizzja Venezwelana ħarġet deċiżjoni li tiddikjara li l-Assemblea Nazzjonali tinsab f'qagħda ta' disprezz tal-qorti u annullat l-azzjonijiet u l-kompetenzi tagħha, liema fatti wasslu sabiex il-Qorti Suprema tassumi l-funzjoni leġiżlattiva;

B.  billi s-setgħa leġiżlattiva tista' tiġi eżerċitata biss minn rappreżentanti debitament eletti demokratikament;

C.  billi d-deċiżjonijiet inħarġu mingħajr l-ebda bażi kostituzzjonali – la s-setgħat mogħtija lill-Assemblea Nazzjonali (l-Artikolu 187 tal-Kostituzzjoni) u lanqas dawk li tgawdi l-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema (l-Artikolu 336 tal-Kostituzzjoni);

D.  billi l-Avukat Ġenerali tal-Istat, Luisa Ortega Díaz, maħtura mill-Gvern Venezwelan, ċaħdet id-deċiżjoni maħruġa mill-Qorti Suprema, billi din id-deċiżjoni tikser l-ordni kostituzzjonali;

E.  billi d-deċiżjonijiet maħruġa mill-Qorti Suprema Venezwelana jiksru kemm id-dispożizzjonijiet kostituzzjonali tas-separazzjoni tas-setgħat kif ukoll l-obbligu impost fuq l-imħallfin kollha li jirrispettaw u jiżguraw l-integrità tal-kostituzzjoni Venezwelana (l-Artikolu 334);

F.  billi l-Qorti Suprema preċedentement iddikjarat li l-Assemblea Nazzjonali tinsab f'qagħda ta' disprezz tal-qorti u annullat l-azzjonijiet u l-kompetenzi tagħha fl-1 ta' Awwissu 2016 u fil-5 ta' Settembru 2016, permezz tad-Deċiżjoni Nru 808;

G.  billi standards universali, kif ukoll ftehimiet reġjonali u internazzjonali, li l-Venezwela hija parti għalihom u li għalhekk għandha l-obbligu li tinforza, jiddefinixxu s-separazzjoni tas-setgħat bħala garanzija essenzjali għall-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini u għad-difiża tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt, li huma prerekwiżiti fundamentali għall-eżistenza ta' demokrazija rappreżentattiva;

H.  billi l-President Nicolas Maduro, taħt il-pressjoni internazzjonali, talab lill-Qorti Suprema tirrevedi s-sentenza li tannulla Assemblea Nazzjonali; billi fl-1 ta' April 2017 il-Qorti Suprema ħarġet deċiżjonijiet ġodda li dehru li stabbilixxew mill-ġdid l-awtorità tal-Assemblea Nazzjonali;

I.  billi l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-Venezwela, il-MUD (Mesa de la Unidad Democrática), rebħet 112-il siġġu fl-Assemblea Nazzjonali unikamerali li hija magħmula minn 167 membru, jiġifieri maġġoranza ta' żewġ terzi, meta mqabbla mal-55 siġġu tal-PSUV (Partido Socialista Unido de Venezuela); billi l-Qorti Suprema sussegwentement impediet erba' rappreżentanti li kienu għadhom kemm ġew eletti fl-Assemblea Nazzjonali, inklużi tlieta mill-MUD, milli jieħdu l-kariga, u b'hekk ċaħħdet lill-oppożizzjoni mill-maġġoranza tagħha ta' żewġ terzi;

J.  billi, b'mod allarmanti, l-aħħar arresti arbitrarji għollew l-għadd ta' priġunieri politiċi għal 117, inklużi mexxejja politiċi mill-akbar bħalma huma Leopoldo López, Antonio Ledezma, Daniel Ceballos u Yon Goicoechea;

K.  billi l-mexxej tal-oppożizzjoni tal-Venezwela u eks-kandidat presidenzjali Henrique Capriles ġie pprojbit milli jkollu kariga politika għal 15-il sena; billi din id-deċiżjoni kienet ibbażata fuq l-allegati akkużi ta' “irregolaritajiet amministrattivi” fir-rwol tiegħu bħala Gvernatur tal-Istat ta' Miranda;

L.  billi l-forzi tas-sigurtà tal-Venezwela, inklużi l-gwardja nazzjonali u l-pulizija nazzjonali, sa mill-bidu tal-protesti ripetutament użaw forza brutali kontra dimostranti paċifiċi, inklużi Membri tal-Kungress, li opponew id-deċiżjoni li biha ġew annullati l-kompetenzi tal-Assemblea Nazzjonali, u billi dan irriżulta fil-mewt ta’ aktar minn 20 ruħ, filwaqt li għadd kbir ta’ persuni sfaw feruti u saru għadd kbir ta’ arresti;

M.  billi l-gvern, bl-allegazzjoni li kien hemm nuqqas ta' riżorsi finanzjarji, issospenda l-elezzjonijiet lokali u reġjonali li kienu skedati għal Diċembru 2016 u impedixxa referendum revokatorju milli jseħħ – dispożizzjoni kostituzzjonali li tippermetti li 20 % tal-elettorat jitlob it-tneħħija ta' President – minkejja li r-rekwiżiti kostituzzjonali kienu kollha ssodisfati, u hedded li jinterrompi l-proċessi elettorali kollha b'mod indefinit;

N.  billi l-elezzjonijiet regolari, ġusti u inklużivi, kif meħtieġ skont l-Artikolu 21 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, jirrappreżentaw pilastru kruċjali ta' kwalunkwe soċjetà demokratika rappreżentattiva bbażata fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

1.  Jikkundanna l-ksur antikostituzzjonali kontinwat tal-ordni demokratiku fil-Venezwela, inkluża d-deċiżjoni riċenti maħruġa mill-Qorti Suprema Venezwelana bil-ħsieb li tieħu f'idejha s-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali, u n-nuqqas ta' separazzjoni tas-setgħat u ta' indipendenza tal-fergħat tal-gvern;

2.  Jiċħad bil-qawwa d-deċiżjonijiet tal-Qorti Suprema tal-Venezwela li tissospendi s-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali u li tikkonferihom lilha nnifisha mingħajr dritt, ħaġa li tikkostitwixxi ksur serju tal-istandards demokratiċi internazzjonali u tal-ordni kostituzzjonali tal-Venezwelja; jinnota r-reviżjoni reċenti ta' xi elementi minn dawn id-deċiżjonijiet u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Venezwela jiżgura li l-ordni demokratiku jerġa' jiġi stabbilit bis-sħiħ;

3.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora serjament fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-qagħda soċjoekonomika fil-Venezwela, ikkaratterizzata minn klima dejjem tiżdied ta' vjolenza politika u instabilità soċjali;

4.  Jistieden lill-Gvern u lill-Qorti Suprema tal-Venezwela jirrispettaw il-kostituzzjoni, b'mod partikolari s-setgħat ikkonferiti lill-membri parlamentari kollha li huma debitament eletti ;

5.  Jistieden lill-Gvern Venezwelan biex jissalvagwarda s-separazzjoni u l-indipendenza tas-setgħat u jerġa' jistabbilixxi u jirrispetta l-awtorità kostituzzjonali sħiħa u l-kompetenzi tal-Assemblea Nazzjonali; ifakkar li s-separazzjoni tas-setgħat hija prinċipju essenzjali tal-istati demokratiċi mmexxija mill-istat tad-dritt;

6.  Jappella lill-Gvern tal-Venezwela jiżgura l-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha; ifakkar li l-ħelsien tal-priġunieri politiċi ġie approvat mill-Assemblea Nazzjonali bis-saħħa tal-Liġi ta' Rikonċiljazzjoni Nazzjonali, li ġiet sottoposta għal veto b'deċiżjoni tas-setgħa eżekuttiva; ifakkar li soluzzjoni paċifika dejjiema għall-Venezwela tista' tinkiseb biss permezz tar-rispett sħiħ tal-libertà tal-kelma u tal-espressjoni, li jirriżulta fit-tmiem tal-preżenza ta' priġunieri politiċi fil-pajjiż;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jikkonforma mal-kostituzzjoni u jippreżenta kalendarju elettorali li jkun jippermetti l-iżvolġiment ta' proċessi elettorali veloċi, ħielsa u trasparenti, bħala l-uniku mod kif dan l-imblokk politiku attwali jista' jintemm;

8.  Jikkundanna bil-qawwa d-deċiżjoni tal-kontrollur nazzjonali tal-Venezwela li jipprojbixxi lill-mexxej tal-oppożizzjoni Henrique Capriles milli jkollu kariga politika għal 15-il sena; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jtemm il-prattika li biha jemarġina l-mexxejja tal-oppożizzjoni billi jċaħħadhom mid-drittijiet politiċi tagħhom;

9.  Jilqa' r-riżoluzzjoni adottata mill-Kunsill Permanenti tal-OAS fit-3 ta' April 2017 u jistieden lill-VP / RGħ tappoġġa r-riżoluzzjoni; jistieden lill-VP/RGħ, barra minn hekk, biex teżamina b'mod attiv, flimkien mal-OAS, miżuri oħra għar-ritorn lejn l-ordni demokratiku permezz tal-eżerċizzju effettiv tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt fi ħdan il-qafas kostituzzjonali Venezwelan;

10.  Jikkundanna bil-qawwa r-repressjoni vjolenti eżerċitata mill-forzi tas-sigurtà tal-Venezwela kontra d-dimostrazzjonijiet paċifiċi u, li b’riżultat tagħha tilfu ħajjithom aktar minn 20 ruħ, għadd kbir sfaw midruba u saru ħafna arresti; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta u jiggarantixxi d-dritt kostituzzjonali għal-libertà ta' għaqda paċifika u ta' dimostrazzjoni u jinvestiga l-imwiet kollha; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiggarantixxu s-sigurtà u l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet għaċ-ċittadini kollha, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-attivisti politiċi u l-membri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti li jinsabu f'riskju akbar ta' attakki u ta' detenzjoni arbitrarja;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jippermettu li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż bħala kwistjoni ta' urġenza u jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi tas-soċjetà li ntlaqtu l-agħar;

12.  Itenni t-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela u li jsir djalogu mal-interlokuturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

 

[1] Testi adottati, P7_TA(2014)0176
[2] Testi adottati, P8_TA(2014)0106
[3] Testi adottati, P8_TA(2015)0080
[4] Testi adottati, P8_TA(2016)0269