Dokument ta' sessjoni
24.4.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni
skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela
( 2017/2651(RSP) )
Francisco Assis, Ramón Jáuregui Atondo, Elena Valenciano
f'isem il-Grupp S&D
European Parliament resolution on the situation in Venezuela
( 2017/2651(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,
– wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana, adottata fil-11 ta' Settembru 2001,
– wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikoli 72 u 233 tagħha,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[1], tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela[2], tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[3] u tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela[4],
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2016 mill-Kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar l-inawgurazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-Communiqué tal-Mercosur tat-2 ta' Diċembru 2016 li tinnotifika s-sospensjoni tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-30 ta' Marzu 2017 mill-Kelliem tas-SEAE dwar l-iżviluppi reċenti fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-10 ta' Frar 2017 tal-Organizzazzjoni tas-Soċjetà Ċivili dwar l-azzjonijiet reċenti tal-Kunsill Elettorali Nazzjonali (CNE),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-14 ta' Marzu 2017 mis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS), Luis Almagro, dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Acceso a la Justicia ta' Lulju 2016 bit-titolu "Informe sobre el cumplimiento de los requisitos exigidos por parte de los magistrados del Tribunal Supremo de Justicia",
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Convivir en Paz", adottata mill-Gvern Venezwelan u mill-oppożizzjoni,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-1 ta' April 2017 mill-Istati Membri tal-Mercosur dwar ir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Parlamentari għall-Azzjoni Globali (PGA) tal-21 ta' Marzu 2017 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-31 ta' Marzu 2017 tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem bit-titolu "Keeping open democratic spaces is essential to ensure that human rights are protected" ("Li nżommu l-ispazji demokratiċi miftuħa huwa essenzjali biex niżguraw li d-drittijiet tal-bniedem jitħarsu"),
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-31 ta' Marzu 2017 minn maġġoranza tal-membri tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) li tikkundanna d-deċiżjoni tal-Qorti Suprema Venezwelana biex tassumi setgħat leġiżlattivi,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-23 ta' Marzu 2017 tal-OAS mill-14-il Stat Membru tagħha dwar il-Venezwela,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill Permanenti tal-OAS tat-3 ta' April 2017 dwar il-ġrajjiet li seħħew dan l-aħħar fil-Venezwela,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' April 2017 mill-kelliem tas-SEAE,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fis-6 ta' April 2017, il-Kontrollur Ġenerali tar-Repubblika Bolivarjana ta' Venezwela ssanzjona lil Henrique Capriles Randoski, il-Gvernartur tal-Istat ta' Miranda u darbtejn kandidat presidenzjali, milli jokkupa kariga pubblika għal 15-il sena;
B. billi d-deċiżjonijiet 155 u 156 tad-29 ta' Marzu 2017 tal-Qorti Suprema neħħew l-immunità parlamentari għal tliet Membri Parlamentari min-naħa tal-oppożizzjoni u ttrasferew is-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali lill-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema; billi l-Avukat Ġenerali tal-Istat esprimiet it-tħassib tagħha dwar il-"ksur tal-ordni kostituzzjonali" li jirriżulta minn dawn id-deċiżjonijiet; billi l-Qorti Suprema tat deċiżjoni ġdida fl-1 ta' April li treġġa' lura s-setgħat lill-Assemblea Nazzjonali;
C. billi fit-3 ta' April 2017, 17 mill-21 pajjiż mill-Kunsill Permanenti tal-OAS adottaw riżoluzzjoni dwar il-Venezwela li fiha huma ddeskrivew it-tħassib serju tagħhom rigward l-alterazzjoni mhux kostituzzjonali tal-ordni demokratiku fir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u leħħnu l-appoġġ kontinwu tagħhom għal djalogu u negozjati li jistgħu jwasslu għar-restorazzjoni paċifika tal-ordni demokratiku;
D. billi n-nuqqas biex tissejjaħ elezzjoni reġjonali qabel is-16 ta' Diċembru 2016, u s-sospensjoni tal-ġbir ta' firem qabel jintlaħaq il-livell minimu meħtieġ ta' 20 % biex jissejjaħ referendum li jirrevoka l-mandat presidenzjali, jikkostitwixxu intopp serju ħafna f'termini ta' drittijiet politiċi tal-poplu Venezwelan, u qed jagħmlu ħsara lill-integrità elettorali tal-pajjiż;
E. billi d-djalogu bejn il-Gvern Venezwelan u l-oppożizzjoni sponsorjata mill-UNASUR beda fl-ewwel nofs tal-2016, bil-parteċipazzjoni tat-tliet presidenti preċedenti; billi d-djalogu għadu għaddej iżda għadu ma tax riżultati konkreti; billi f'dawn l-aħħar jiem xi pajjiżi fir-reġjun esprimew ix-xewqa tagħhom li jiffaċilitaw il-proċess ta' medjazzjoni fil-Venezwela bit-tama li jkun hemm avvanz sinifikanti;
F. billi l-Gvern ħabbar l-espansjoni tal-milizzja ċivili tiegħu għal 500 000 billi pprovdielha l-armamenti; billi n-NU kkundannaw l-inizjattiva billi qalu li din se tkompli żżid it-tensjonijiet fil-pajjiż;
G. billi qed issir migrazzjoni fuq skala massiva b'Venezwelani jaħarbu mill-pajjiż fi kwantitajiet kbar;
1. Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora serjament fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-qagħda soċjoekonomika fil-Venezwela, ikkaratterizzata minn klima dejjem tikber ta' instabilità politika u soċjali;
2. Ifakkar li s-separazzjoni tas-setgħat u n-nuqqas ta' interferenza bejn setgħat li huma leġittimi ndaqs jiffurmaw prinċipju essenzjali ta' stati demokratiċi u l-istat tad-dritt;
3. Jieħu nota li l-Qorti Suprema ħarġet żewġ deċiżjonijiet biex tiġi rrevokata d-deċiżjoni inizjali tagħha li tittrasferixxi s-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali lill-Awla Kostituzzjonali tal-Qorti Suprema u li tneħħi l-immunità parlamentari tal-membri;
4. Iħeġġeġ kemm lis-setgħat eżekuttivi kif ukoll dawk leġiżlattivi biex isolvu, b'mod konġunt u minnufih, u f'konformità mal-obbligi tagħhom, in-nuqqasijiet fir-rigward tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, bħalma huma l-aċċess għall-ikel u għas-servizzi tas-saħħa; jitlob għal moderazzjoni fl-azzjonijiet tagħhom u li tinstab ir-rieda politika biex jitnieda mill-ġdid id-djalogu bħala l-unika triq 'il quddiem biex tinstab soluzzjoni paċifika u negozjata għall-kriżi attwali;
5. Jinnota li s-soluzzjoni għal problemi politiċi u istituzzjonali li l-Venezwela qed tħabbat wiċċha magħhom jenħtieġ tiġi minn ftehim bejn il-Gvern u l-oppożizzjoni; jenfasizza li dan jenħtieġ isir mir-rappreżentanti leġittimi Venezwelani;
6. Jistieden lill-komunità internazzjonali, u b'mod partikolari lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), biex tippromwovi dan id-djalogu u biex tagħmilha ta' medjatur bejn iż-żewġ rappreżentazzjonijiet politiċi u istituzzjonali tal-Venezwela b'tali mod li jintlaħaq ftehim, li jrid jindirizza dan li ġej:
a. Ir-rilaxx ta' rappreżentanti politiċi li jinsabu l-ħabs minħabba l-konvinzjonijiet politiċi tagħhom jew bħala riżultat tal-problemi mal-liġi u l-ordni pubbliku li saru fis-snin reċenti f'dan il-pajjiż.
b. Kalendarju elettorali għall-elezzjonijiet lokali u tal-gvernaturi skedati li jsiru fl-2016, u impenn li jsiru l-elezzjonijiet presidenzjali fejn ebda persuna ma tista' tiġi pprojbita jew miżmuma milli ssir kandidat jew milli twettaq il-kampanja tagħha f'libertà sħiħa jew tiċċaħħad minn drittijiet indaqs.
c. Rispett sħiħ għall-kompetenzi demokratiċi tal-Assemblea Nazzjonali u garanzija li l-funzjonijiet leġittimi tagħha ma jiġux ikkontestati, limitati jew miksura;
7. Jistieden lill-gvernijiet tal-Amerka Latina u, b'mod partikolari lill-organizzazzjonijiet internazzjonali fir-reġjun, biex jippromwovu din il-medjazzjoni internazzjonali u biex jeżerċitaw rwol ewlieni fil-promozzjoni ta' djalogu u soluzzjoni paċifika u demokratika għall-kunflitt fil-Venezwela; jistieden lill-VP/RGħ tippromwovi tali medjazzjoni f'kollaborazzjoni mal-komunità internazzjonali;
8. Jitlob lill-VP/RGħ, f'każ li din il-medjazzjoni tfalli minħabba nuqqas ta' rieda politika min-naħa tal-Gvern tal-Venezwela jew għaliex twettaq atti li joħonqu l-libertà jew jiksru l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat, il-prinċipju tad-demokrazija jew l-istat tad-dritt, biex b'mod attiv tesplora miżuri oħra li jistgħu jittieħdu mill-UE biex tikseb stabilità demokratika u tirrispetta l-valuri kostituzzjonali fil-Venezwela;
9. Jitlob lill-awtoritajiet itemmu r-ripressjoni vjolenti tad-dimostranti u jżommu l-armi tan-nar mill-persuni ċivili sostenituri ta' kwalunkwe grupp politiku u speċifikament minn dawk li jaġixxu f'isem il-Gvern; ifakkar l-appell tiegħu lill-Gvern biex jirrispetta u jiggarantixxi d-dritt kostituzzjonali għal dimostrazzjonijiet paċifiċi; jistieden ukoll lill-mexxejja tal-oppożizzjoni jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'responsabilità; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiggarantixxu sigurtà u l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha fil-qafas tal-Kostituzzjoni Venezwelana, b'mod partikolari d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, il-ġurnalisti, l-attivisti politiċi u l-membri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti;
10. Jinsab imħasseb dwar l-informazzjoni riċevuta rigward l-espansjoni ta' milizzji armati ċivili mill-Gvern Venezwelan; iħeġġeġ lill-Gvern biex ma jkomplix jipproċedi b'dan il-mod u jimpenja li jagħmilx dan fil-futur, peress li tali azzjoni ser toħloq preċedent vjolenti u perikoluż ħafna;
11. Jistieden lill-gvernijiet Ewropej jindirizzaw bl-akbar ġenerożità u ħeffa s-sitwazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għar-residenza tal-UE minn ċittadini tal-Venezwela;
12. Itenni t-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;
13. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.