Dokument ta' Sessjoni
9.5.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament
( 2017/2674(RSP) )
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Bart Staes
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament
( 2017/2674(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom, jikkonsistu minn, jew li huma prodotti mill-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9, skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (D050183),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2), 19(3) u 21(2) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Jannar 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-26 ta' Ottubru 2016, u ppubblikata fil-5 ta' Diċembru 2016[3],
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni ( COM(2017)0085 , COD(2017)0035),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati[4],
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fil-11 ta' Novembru 2010, Dow AgroSciences Europe ressqet applikazjzoni għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qamħirrum DAS-40278-9 lill-awtorità nazzjonali kompetenti tan-Netherlands bi qbil mal-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-qamħirrum ġenetikament modifikat DAS-40278-9 fi prodotti li jikkonsistu jew li fihom minn dan il-qamħirrum għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qamħirrum ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;
B. billi, fis-26 ta' Ottubru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fil-5 ta' Diċembru 2016[5];
C. billi l-qamħirrum DAS-40278–9 jesprimi l-proteina AAD-1 li tagħti tolleranza għall-erbiċidi 2,4-aċidu diklorofenoksijaċetiku (2,4-D) u ariloksifenoksipropjonat (AOPP);
D. billi r-riċerka indipendenti qajmet tħassib dwar ir-riskji tal-ingredjent attiv tat-2,4-D fir-rigward tal-iżvilupp tal-embrijuni, il-malformazzjonijiet konġenitali u l-interferenti endokrinali; billi mhuwiex ċar jekk, u sa liema punt, il-prodotti 2,4-D jinkludu impuritajiet ta' dijossini u furani tossiċi ħafna, li huma karċinoġeni umani u interferenti endokrinali u li jippersistu fl-ambjent u li jakkumulaw fil-katina tal-ikel[6];
E. billi fl-2015 ġiet imġedda l-approvazzjoni tas-sustanza attiva 2,4-D; billi l-preżenza ta' impuritajiet bħad-dijossini u l-furani kienet rikonoxxuta taħt ċerti livelli; billi l-applikant għad irid jippreżenta l-informazzjoni dwar il-karatteristiċi edokrinali potenzjali tas-sustanza[7];
F. billi m'hemmx dubju li l-awtorizzazzjoni tal-importazzjoni tal-qamħirrum DAS-40278-9 fl-Unjoni se twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tiegħu f'postijiet oħrajn, bħall-Istati Uniti, il-Brażil u l-Arġentina, kif ukoll għal żieda ekwivaenti fl-użu tal-erbiċidi 2,4-D u AOPP; billi r-riċerka indipendenti tqajjem ukoll tħassib dwar id-diskrepanzi ewlenin fil-valutazzjoni komparattiva, diskrepanzi serji fir-rigward tal-valutazzjoni tossikoloġika (pereżempju, il-fatt li, fi studju dwar l-għalf,ma ntalabx li jsir ittestjar tal-pjanta sħiħa li ma tqisux l-effetti fit-tul jew l-effetti kumulattivi, li ma kienx diskuss l-impatt fuq is-sistemi riproduttivi, kif ukoll in-nuqqasijiet metodoloġiċi fl-istudji dwar l-annimali), u valutazzjoni inkonklussiva tal-possibbiltà ta' impatt fuq is-sistema immunitarja[8];
G. billi matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi; billi dawk il-kummenti jirreferu għal, inter alia: nuqqas ta' data, jew data insuffiċjenti, spjegazzjonijiet neqsin, dikjarazzjonijiet kontradittorji fl-applikazzjoni, disinn defiċjenti tat-test, testijiet neqsin, eż. dwar l-allerġeniċità, riżultati dubjużi tal-istudji ta' valutazzjoni tas-sikurezza, in-nuqqas ta' kwalunkwe tip ta' studju ta' tossiċità subkronika ta' 90 jum dwar l-ikel sħiħ, li jagħmluha impossibli li jiġi evalwat ir-riskju potenzjali tal-konsum ta' prodotti tal-ikel magħmula mill-qamħirrum, u l-għażla u d-disinn tal-istudji kkunsidrati għall-valutazzjoni tar-riskju[9];
H. billi, minkejja dan it-tħassib kollu, l-EFSA qieset li ma kien jeħtieġ l-ebda monitoraġġ wara t-tqegħid fis-suq tal-ikel/għalf li joriġina mill-qamħirrum DAS-40278–9;
I. billi l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Marzu 2017 ma tat l-ebda opinjoni; billi 16-il Stat Membru vvutaw kontra, filwaqt li biss 9 Stati Membri li jirrappreżentaw biss 36,22 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni vvutaw favur, filwaqt li 3 Stati Membri astjenew;
J. billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha għall-proposta leġiżlattiva ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament fit-territorju tagħhom, kif ukoll fil-memorandum ta' spjegazzjoni dwar il-proposta leġiżlattiva ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitat tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li hi verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat; billi l-President tal-Kummissjoni Juncker diversi drabi ddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika[10];
K. billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fit-28 ta' Ottubru 2015 fl-ewwel qari u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tippreżenta proposta ġdida;
L. billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, b'mod ċar tiddikjara li: "Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b'mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni"[11];
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002[12], huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
4. Jitlob lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li jirriżulta li mhijiex adegwata;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.