Dokument ta' sessjoni
9.5.2017
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI
imressqa skont l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(D050182 – 2017/2675(RSP) )
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Bart Staes
Guillaume Balas, Lynn Boylan, Eleonora Evi, Valentinas Mazuronis, Sirpa Pietikäinen
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(D050182 – 2017/2675(RSP) )
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza l-introduzzjoni fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton ġenetikament modifikat GHB119 (BCS-GHØØ5-8) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D050182),
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament[1], u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3), 9(2), 19(3) u 21(2) tiegħu,
– wara li kkunsidra l-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, fis-27 ta' Marzu 2017, fejn ma ngħatat l-ebda opinjoni;
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni[2],
– wara li kkunsidra l-opinjoni adottata mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fil-21 ta' Settembru 2016, u ppubblikata fil-21 ta' Ottubru 2016[3];
– wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni ( COM(2017)0085 , COD(2017)0035),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu li joġġezzjonaw għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati[4],
– wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
A. billi, fil-25 ta' Marzu 2011, Bayer ressqet applikazzjoni skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' ikel, ingredjenti tal-ikel u għalf li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew ikunu prodotti minn qoton GHB119 lill-awtorità kompetenti tan-Netherlands; billi dik l-applikazzjoni kopriet wkoll it-tqegħid fis-suq tal-qoton ġenetikament modifikat GHB119 fi prodotti li jkunu jikkonsistu jew li jkun fihom minn dan il-qoton għal użi oħra għajr għall-ikel u għall-għalf bħal kull tip ta' qotton ieħor, bl-eċċezzjoni tal-kultivazzjoni;
B. billi fil-21 ta' Settembru 2016, l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) adottat opinjoni favorevoli skont l-Artikoli 6 u 18 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, li ġiet ippubblikata fil-21 ta' Ottubru 2016[5];
C. billi l-identifikatur uniku BCS-GHØØ5–8 assenjat lill-qoton GHB119, kif deskritt fl-applikazzjoni, jesprimi l-proteina PAT li tagħti tolleranza għall-erbiċidi abbażi tal-glufosinat-ammonju u l-proteina Cry2Ae li tagħti reżistenza għal ċerti organiżmi ta' ħsara lepidopterani; billi awtorizzazzjoni għall-importazzjoni ta' dan il-qoton fl-Unjoni mingħajr dubju twassal għal żieda fil-kultivazzjoni tiegħu f'partijiet oħra tad-dinja, b'żieda korrispondenti fl-użu tal-erbiċidi abbażi tal-glufosinat-ammonju;
D. billi l-glufosinat huwa klassifikat bħala tossiku għar-riproduzzjoni u għalhekk jaqa' taħt il-kriterji ta' esklużjoni stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009[6]; billi l-approvazzjoni tal-glufosinat tiskadi fil-31 ta' Lulju 2018;
E. billi riċerka indipendenti tqajjem tħassib dwar nuqqasijiet kbar fil-valutazzjoni komparattiva, pereżempju l-fatt li, minkejja li differenzi statistikament sinifikanti fil-kompożizzjoni nstabu għal ħafna komposti, l-ebda investigazzjoni ulterjuri ma tqieset meħtieġa; tħassib dwar nuqqasijiet serji rigward il-valutazzjoni tat-tossikoloġija, pereżempju l-fatt li ġie kkunsidrat mod wieħed biss ta' azzjoni tat-tossini Bt, li ma twettqet l-ebda investigazzjoni dwar l-effetti kombinatorji u li ma saret l-ebda valutazzjoni tar-residwi tal-pestiċidi; u tħassib dwar valutazzjoni mhux konklużiva tal-impatt possibbli fuq is-sistema immunitarja[7];
F. billi, matul il-perjodu ta' konsultazzjoni ta' tliet xhur, l-Istati Membri ressqu ħafna kummenti kritiċi; billi dawk il-kummenti jirreferu għal, fost l-oħrajn: data nieqsa rigward l-identifikazzjoni u l-kwantifikazzjoni ta' residwi ta' erbiċidi u ta' metaboliti fil-pjanti ġenetikament modifikati u fiż-żrieragħ użati għall-ikel/għalf, nuqqasijiet fil-valutazzjoni tar-riskju ambjentali u fil-pjan ta' monitoraġġ ambjentali li jirrigwardjaw, fost l-oħrajn, fehmiet differenti dwar jekk organiżmi qraba selvaġġi kinux irrappurtati fl-Ewropa, jew data nieqsa rigward il-qawwa ta' ġerminazzjoni taż-żerriegħa importata, kif ukoll il-fatt li ma ġie kkunsidrat l-ebda effett mhux intenzjonat; billi xi wħud mill-kummenti komplew jikkritikaw b'mod ġenerali l-bażi ta' data defiċjenti ħafna u, b'mod aktar speċifiku, il-fatt li ġie kkunsidrat biss għadd limitat ħafna ta' studji u li, pereżempju, ma twettaq l-ebda test tat-tossiċità xieraq bil-materjal tal-pjanti mill-qoton GHB119, kif ukoll l-ebda studju xieraq dwar l-effett tal-qoton ġenetikament modifikat fuq is-saħħa tal-bniedem u tal-annimali, u li l-istudju nutrizzjonali ppreżentat ma ġiex ikkunsidrat ammissibbli[8];
G. billi, minkejja l-preokkupazzjonijiet kollha msemmija hawn fuq, l-EFSA qieset li ma kien hemm bżonn tal-ebda monitoraġġ ta' wara t-tqegħid fis-suq ta' ikel/għalf derivat minn qoton GHB119;
H. billi ma ngħatat l-ebda opinjoni fil-votazzjoni fil-Kumitat Permanenti dwar il-Katina tal-Ikel u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fis-27 ta' Marzu 2017; billi 15-il Stat Membru vvutaw kontra, filwaqt li kienu biss 11-il Stat Membru, li jirrapreżentaw biss 38,69 % tal-popolazzjoni tal-Unjoni, li vvutaw favur, filwaqt li 2 Stati Membri astjenew;
I. billi, kemm fil-memorandum ta' spjegazzjoni tagħha għall-proposta leġiżlattiva ppreżentata fit-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fir-rigward tal-possibbiltà għall-Istati Membri li jirrestrinġu jew jipprojbixxu l-użu ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament fit-territorju tagħhom kif ukoll fil-memorandum ta' spjegazzjoni dwar il-proposta leġiżlattiva ppreżentata fl-14 ta' Frar 2017 li temenda r-Regolament (UE) Nru 182/2011, il-Kummissjoni ddeplorat il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni ġew adottati mill-Kummissjoni mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitat tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li hi verament l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, saret in-norma għat-teħid ta' deċiżjonijiet dwar l-awtorizzazzjoni ta' ikel u għalf ġenetikament modifikat; billi l-President tal-Kummissjoni Juncker diversi drabi ddeplora din il-prattika bħala waħda li mhijiex demokratika[9];
J. billi l-Parlament ċaħad il-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 fit-28 ta' Ottubru 2015 fl-ewwel qari u talab lill-Kummissjoni tirtiraha u tippreżenta proposta ġdida;
K. billi l-premessa 14 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni, b'mod ċar tiddikjara li: "Meta tkun qed tikkunsidra l-adozzjoni ta' abbozzi ta' atti ta' implimentazzjoni oħrajn li jikkonċernaw setturi partikolarment sensittivi, b'mod partikolari t-tassazzjoni, is-saħħa tal-konsumaturi, is-sikurezza fl-ikel u l-protezzjoni tal-ambjent, il-Kummissjoni, sabiex issib soluzzjoni bbilanċjata, sejra, safejn ikun possibbli, timxi b'mod li jevita konflitt ma' xi pożizzjoni predominanti li tista' tirriżulta fil-kumitat ta' appell li tikkontesta l-adegwatezza ta' att ta' implimentazzjoni."[10];
1. Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni jisboq is-setgħat ta' implimentazzjoni previsti fir-Regolament (UE) Nru 1829/2003;
2. Iqis li d-deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhijiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, billi mhijiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 li, skont il-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002[11], huwa li jipprovdi l-bażi biex, fir-rigward ta' ikel u għalf ġenetikament modifikati, jiżgura livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi, filwaqt li jiżgura l-funzjonament effikaċi tas-suq intern;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;
4. Jitlob lill-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe deċiżjoni ta' implimentazzjoni rigward l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjoni ta' organiżmi ġenetikament modifikati sakemm il-proċedura ta' awtorizzazzjoni tkun ġiet riveduta b'tali mod li tindirizza n-nuqqasijiet tal-proċedura attwali, li jirriżulta li mhijiex adegwata;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.