Dokument ta' sessjoni

 

B8-0300/2017

15.5.2017

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI

imressqa wara d-dikjarazzjoni tal-Viċi President tal-Kummissjoni/tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

skont l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura

dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab

( 2017/2687(RSP) )

Elena Valenciano, Maria Arena

f'isem il-Grupp S&D

 

B8-0300/2017

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab

( 2017/2687(RSP) )

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-Awtorità Intergovernattiva għall-Iżvilupp (IGAD) fl-Afrika tal-Lvant tal-25 ta' Marzu 2017 dwar soluzzjonijiet dejjiema għar-rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid tal-persuni rimpatrijati lejn is-Somalja,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' New York tan-NU għar-Rifuġjati u l-Migranti tad-19 ta' Settembru 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-Kummissjoni Tripartitika Ministerjali għar-Rimpatriju Volontarju ta' Rifuġjati Somali li jgħixu fil-Kenja, maħruġa fil-25 ta' Ġunju 2016,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-summit tal-UE tal-11 u t-12 ta' Novembru 2015 fil-Belt Valletta dwar il-migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza Ministerjali tal-Proċess ta' Khartoum (Inizjattiva dwar ir-Rotta tal-Migrazzjoni bejn l-UE u l-Qarn tal-Afrika), li saret f'Ruma fit-28 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Tripartitiku dwar rimpatriji volontarji ffirmat fl-10 ta' Novembru 2013 mill-Gvern tas-Somalja u mill-Gvern tal-Kenja u mill-UNHCR,

–  wara li kkunsidra l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika,

–  wara li kkunsidra l-Patt Dinji tan-NU dwar il-kondiviżjoni tar-responsabbiltà għar-rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ), Programm Indikattiv Nazzjonali tas-Somalja u l-Afrika tal-Lvant,

–  wara li kkunsidra l-iffinanzjar umanitarju tal-UE għal rispons għas-sitwazzjoni tar-rifuġjati fil-Kenja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-reġjun tal-Qarn tal-Afrika, li għandu popolazzjoni ta' kważi 250 miljun abitant u li qed tikber b'rata mgħaġġla, jospita l-ikbar numru fl-Afrika u fid-dinja ta' rifuġjati u persuni spostati internament ; billi r-reġjun qed iħabbat wiċċu mal-isfidi tal-migrazzjoni irregolari, spostament furzat, traffikar tal-bnedmin, kuntrabandu tal-persuni, terroriżmu u kunflitti vjolenti;

B.  billi l-isfidi għandhom ħafna kawżi li jvarjaw skont il-kuntesti lokali, iżda li ta' spiss għandhom l-għeruq tagħhom fin-nuqqas ta' opportunitajiet soċjoekonomiċi, il-faqar, l-instabbiltà u t-tibdil fil-klima;

C.  billi l-kumpless tar-rifuġjati ta' Dadaab ġie stabbilit fl-1991 bħala soluzzjoni temporanja għal dawk li qed ifittxu kenn u li jkunu qed jaħarbu minn persekuzzjoni, vjolenza u instabbiltà fir-reġjun tal-Afrika tal-Lvant, u b'mod partikolari għal dawk li jaħarbu mill-gwerra ċivili fis-Somalja; billi l-kumpless attwalment fih ħames kampijiet differenti ta' popli differenti, u jkopri medda art ta' 50 kilometru kwadru, filwaqt li l-kampijiet ta' Hagadera, Dagahaley u Ifo huma l-eqdem u l-aktar popolati;

D.  billi minkejja l-fatt li Dadaab kien maħsub biex jospita madwar 90 000 ruħ, skont l-istimi tan-NU attwalment il-kamp għandu popolazzjoni ta' madwar 260 000, li 95 % minnhom joriġinaw mis-Somalja u 60 % għandhom inqas minn 18-il sena; billi f'Mejju 2016 il-Kenja xoljiet id-dipartiment tagħha għall-affarijiet tar-rifuġjati, li kien responsabbli għar-reġistrazzjoni, li jfisser li għexieren ta' eluf ta' eluf ta' persuni ma ġewx irreġistrati, li jista' fil-fatt iżid dawn in-numri ulterjorment;

E.  billi r-rifuġjati fil-kamp huma fir-riskju tal-vjolenza, filwaqt li n-nisa u t-tfal huma partikolarment vulnerabbli;

F.  billi għal aktar minn żewġ deċennji s-Somalja ġiet affettwata minn instabbiltà severa u n-nuqqas ta' strutturi statali, li l-impatt tagħhom ġie moltiplikat permezz ta' danni naturali rikorrenti marbuta mat-tibdil fil-klima; billi dawn il-kwistjonijiet sfidaw tar-reżiljenza u l-kapaċità tal-komunitajiet l-aktar vulnerabbli tas-Somalja biex jissopravvivu, u saru l-kawżi ewlenin tal-ispostament ġewwa s-Somalja u lejn pajjiżi ġirien.

G.  billi wara tliet deċennji s-sitwazzjoni tar-rifuġjati Somali hija fost l-aktar imtawla fid-dinja, bit-tielet ġenerazzjoni ta' rifuġjati mwielda fl-eżilju; billi kważi miljun Somalu huma spostati fir-reġjun, u aktar minn 1.1 miljun ruħ oħra ġew spustati ġewwa s-Somalja nnifisha;

H.  billi s-Somalja kienet waħda mill-ħames pajjiżi li pproduċew l-akbar għadd ta' rifuġjati fid-dinja matul dawn l-aħħar 15-il sena, b'1.1 miljun rifuġjat irreġistrati attwalment, li minnhom aktar minn 80 % huma ospitati fir-reġjun tal-Qarn tal-Afrika u l-Jemen; billi l-Kenja bħalissa qed tospita madwar 500 000 rifuġjat, u l-għadd qed ikompli jiżdied minħabba nuqqas ta' sigurtà dejjem tikber fir-reġjun, b'mod partikolari fis-Sudan t'Isfel;

I.  billi r-reġjun kollu tal-Afrika tal-Lvant qed jesperjenza nixfa qawwija, u ġiet iddikjara karestija f'partijiet tas-Sudan t'Isfel, u miljun persuna jinsabu mhedda; billi nħarġet twissija ta' qabel il-karestija għas-Somalja, li qed tħabbat wiċċha mat-tielet karestija f'25 sena, waqt li l-gvern irrapporta li 6.2 miljun ruħ jeħtieġu assistenza tal-ikel ta' emerġenza; billi l-President tal-Kenja, Uhuru Kenyatta, iddikjara li n-nixfa fil-pajjiż hi diżastru nazzjonali, u li 2.7 miljun ruħ qed iħabbtu wiċċhom ma' nuqqas kbir ta' ikel; billi huwa antiċipat li s-sitwazzjoni aktarx se tiħżien fit-tliet pajjiżi;

J.  billi skont in-NU, in-nixfa fis-Somalja ħolqot spustamenti interni addizzjonali, u minn Novembru 2016 'l hawn, aktar minn 683 000 ruħ kienu mġiegħla jħallu djarhom; billi madwar 250 000 ruħ mietu matul l-aħħar karestija fl-2011;

K.  billi fis-6 ta' Mejju 2016, il-Gvern Kenjan ħabbar id-deċiżjoni tiegħu li jagħlaq Dadaab "bl-inqas dewmien possibbli", għal raġunijiet ta' tħassib dwar is-sigurtà u l-bżonn li tintemm is-sitwazzjoni mtawla tar-rifuġjati fir-reġjun; billi, madankollu, fit-30 ta' Novembru 2016 il-Gvern Kenjan ħabbar li l-għeluq tal-kamp ta' Dadaab kien se jiġi mtawwal b'sitt xhur sa Mejju 2017; billi, peress li s-summit tal-IGAD tal-25 ta' Marzu 2017, l-isforzi kollha issa huma ffukati fuq l-importanza li tinstab soluzzjoni reġjonali u sostenibbli għal rifuġjati Somali;

L.  billi l-komunità internazzjonali, inkluża l-UE, esprimiet li tifhem it-tħassib tal-Gvern tal-Kenja u r-raġunijiet għall-għeluq tal-kamp, iżda enfasizzat ukoll li kwalunkwe rimpatriju lejn is-Somalja jrid isir f'konformità ma' standards internazzjonali, li jrid ikun volontarju u infurmat, u li l-persuni rimpatrijati jrid ikollhom aċċess għal informazzjoni oġġettiva, newtrali u pertinenti, li r-rimpatriji jridu jsiru b'sikurezza, b'dinjità u b'mod sostenibbli, u li l-persuni rimpatrijati jridu jkunu konxji ta' x'jiġri jekk jiddeċiedu li ma jivvolontarjawx;

M.  billi, fid-9 ta' Frar 2017, il-Qorti Superjuri Kenjana ddeċidiet, b'rispons għal petizzjoni minn żewġ organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fil-Kenja – il-Kummissjoni Nazzjonali tal-Kenja għad-Drittijiet tal-Bniedem u Kituo Cha Sheria – li l-ordnijiet tal-Gvern tal-Kenja li jagħlaq il-kamp tar-rifuġjati ta' Dadaab kienu diskriminatorji u jammontaw għal kastig kollettiv, filwaqt li huma wkoll eċċessivi, arbitrarji u sproporzjonati;

N.  billi d-diskussjoni dwar l-għeluq ta' Dadaab dawritilna ħarsitna fuq il-pass kajman tal-implimentazzjoni tal-Ftehim Tripartitiku ffirmat mill-UNHCR u l-Gvernijiet tal-Kenja u s-Somalja fl-2013 bl-għan li jagħti lok għar-rimpatriji volontarji ta' persuni Somali lejn żoni stabbli tas-Somalja, kwistjoni li ġiet ikkritikata apertament mill-Gvern Kenjan u partijiet interessati oħra;

O.  billi minn meta l-UNHCR bdiet tappoġġa r-rimpatriju volontarju tar-rifuġjati Somali fl-2014, madwar 65 000 ruħ ġew rimpatrijati, iżda l-għan li tiżdied ir-rata ta' rimpatriji sostenibbli se jiddependi fuq is-sitwazzjoni fis-Somalja;

P.  billi lejn l-aħħar ta' Awwissu 2016, l-awtoritajiet Somali f'Jubaland issospendew ir-rimpatriji lejn il-kapitali reġjonali, Kismaayo, wara li ħabbtu wiċċhom ma' influss ta' rifuġjati; billi, skont l-UNHCR, madwar 70 % tal-persuni rimpatrijati huma tfal;

Q.  billi l-għeluq ta' Dadaab se jkollu riperkussjonijiet f'pajjiżi ġirien oħra, bħal pereżempju l-Etjopja, li bħalissa qed tospita madwar 245 000 rifuġjat mis-Somalja, u dan jista' jagħti lok għal influss ġdid; billi din is-sitwazzjoni turi n-natura interkonnessa tal-kwistjonijiet relatati mar-rifuġjati, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-istabilità, u tenfasizza l-ħtieġa għal kooperazzjoni reġjonali msaħħa sabiex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet, aħseb u ara fid-dawl tad-deċiżjoni biex jingħalaq il-kamp ta' Dadaab;

R.  billi għal ħafna rifuġjati, speċjalment dawk minn żoni rurali, il-prospett ta' rimpatriju jiddependi fuq il-ħila tagħhom li jitolbu lura l-art tagħhom f'pajjiż fejn is-sistema tal-pussess tal-art hija dgħajfa u l-iżgumbramenti furzati huma komuni;

S.  billi l-komunità ospitanti usa' ta' Dadaab uriet umanità, ġenerożità u tolleranza kbar fil-konfront tal-eżistenza tal-kamp, iżda qed tiffaċċja sfidi kbar ekonomiċi, ambjentali u tal-iżvilupp;

T.  billi n-natura mtawla tas-sitwazzjoni f'Dadaab u tal-programm ta' għeluq wasslet biex id-donaturi spostaw l-attenzjoni tagħhom fuq kunflitti oħrajn u naqqsu l-infiq tagħhom, li jfisser li r-rifuġjati fil-kamp qed iħabbtu wiċċhom ma' għadd ta' sfidi, inklużi razzjonijiet tal-ikel li qed jonqsu u aċċess limitat għal provvisti mediċi, kif ukoll sfidi fl-edukazzjoni u t-taħriġ tal-ħiliet, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ;

U.  billi t-tibdil fil-klima b'mod partikolari qed ikollu effett ħażin ħafna fuq l-istil ta' ħajja pastorali nomadiku, li huwa l-mezz tal-għajxien ta' għadd kbir ta' nies fir-reġjun, li qegħdin ukoll iħabbtu wiċċhom ma' theddidiet dejjem jikbru li jġibu magħhom in-nixfa, il-mard, il-gwerer u t-tnaqqis fl-għadd ta' bhejjem, fost problemi oħra; billi din is-sitwazzjoni toħloq il-ħtieġa li tingħata attenzjoni speċjali lill-komunità pastorali fi kwalunkwe soluzzjoni reġjonali tal-asil;

V.  billi l-pajjiżi ta' dan ir-reġjun attwalment qed jgħixu l-agħar nixfa ta' dawn l-aħħar 60 sena, li kkawżat kriżi alimentari fl-Etjopja, il-Kenja, is-Somalja u l-Jemen, li tista' twassal għal karestija mifruxa;

W.  billi l-UE allokat EUR 286 miljun permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għall-perjodu 2014-2020, b'enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-"Patt" u fuq il-bini tal-istat u tal-paċi, is-sigurtà tal-ikel, ir-reżiljenza u l-edukazzjoni b'mod partikolari; billi l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika (EUTF) ġie ffirmat waqt is-Summit tal-Belt Valletta fit-12 ta' Novembru 2015, u kien imfassal biex jindirizza l-kawżi bażiċi tad-destabilizzazzjoni, iċ-ċaqliq furzat tal-popolazzjonijiet u l-migrazzjoni irregolari billi jiġu promossi r-reżiljenza, l-opportunitajiet ekonomiċi, l-opportunitajiet indaqs, is-sigurtà u l-iżvilupp; billi l-UE qed tirreaġixxi għall-bżonnijiet bażiċi li jsalvaw il-ħajja tar-rifuġjati ospitati f'kampijiet tar-rifuġjati fil-Kenja; billi l-UE hija impenjata wkoll li tappoġġa l-Missjoni tal-Unjoni Afrikana fis-Somalja (AMISOM) permezz tal-Fond għall-Paċi fl-Afrika, permezz tal-għoti ta' finanzjament sinifikanti biex tkun ipprovduta sigurtà u biex jitnaqqas it-theddid maħluq minn Al Shabaab u gruppi oħra tal-oppożizzjoni armata;

X.  billi wara l-Ordni Eżekuttiva tal-President Trump tal-Istati Uniti tas-27 ta' Jannar 2017, madwar 3 000 rifuġjat, li kellhom jiġu risistemati fl-Istati Uniti mill-Kenja fl-2017, il-parti l-kbira minnhom ġejjin minn Dadaab, u wara li l-biċċa l-kbira minnhom kienu diġà ġew skrinjati b'mod rigoruż minn uffiċjali tal-Istati Uniti u tan-NU u wara li stennew sa 10 snin għall-approvazzjoni tar-risistemazzjoni tagħhom, qed jiffaċċaw futuri inċerti;

Y.  billi l-sforzi tal-UE għar-risistemazzjoni huma limitati, speċjalment meta mqabbla ma' pajjiżi bħall-Awstralja jew il-Kanada, u huma 'l bogħod minn dak li l-UNHCR iqis li huma meħtieġa sabiex tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta ta' rifuġjati madwar id-dinja;

Z.  billi l-pjan ta' azzjoni globali ta' Nairobi adottat waqt is-summit tal-IGAD tal-25 ta' Marzu 2017 enfasizza n-nixfa u l-konflitt armat b'mod partikolari bħala raġunijiet għall-ispustament tan-nies fir-reġjun;

AA.  billi wara l-missjoni ta' valutazzjoni elettorali tal-UE lill-Kenja, ġie rrakkomandat li missjoni tal-UE ta' osservazzjoni elettorali għall-elezzjonijiet ġenerali f'Awwissu 2017 tkun siewja u effettiva;

1.  Ifaħħar lill-Kenja u r-reġjun lokali ta' Dadaab għar-rwol li żvolġew fl-ilqugħ ta' għadd mingħajr preċedent ta' rifuġjati tul perijodu daqstant twil; jenfasizza l-fatt, madankollu, li s-sitwazzjoni attwali fir-reġjun hija insostenibbli u teħtieġ rispons effiċjenti u kkoordinat min-naħa tal-gvernijiet tar-reġjun u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali, inkluża l-UE, sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-kwistjoni tar-rifuġjati Somali, flimkien ma' sforzi biex tiżdied is-sigurtà u jkun stabbilit żvilupp soċjoekonomiku fit-tul fir-reġjun;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni ta' Nairobi tal-IGAD dwar soluzzjonijiet dejjiema għal rifuġjati Somali u l-integrazzjoni mill-ġdid ta' persuni rimpatrijati fis-Somalja; jilqa' l-impenn biex jinkiseb approċċ reġjonali komprensiv, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm il-protezzjoni u tkun promossa l-awtonomija fil-pajjiżi tal-asil, li għandu jitwettaq bl-appoġġ tal-komunità internazzjonali u b'konsistenza mal-kondiviżjoni internazzjonali tar-responsabbiltà kif deskritt fil-Qafas ta' Rispons Komprensiv għar-Rifuġjati (CRRF) tad-Dikjarazzjoni ta' New York;

3.  Jiddispjaċih dwar iċ-ċokon tar-rwol li żvolġew l-Istati Membri tal-UE f'dak li għandu x'jaqsam mal-isforzi għar-risistemazzjoni ta' rifuġjati minn Dadaab, u jistieden lill-UE twettaq ir-responsabbiltà tagħha li tiżgura kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet;

4.  Jirrimarka li sakemm għad hemm l-instabilità fir-reġjun usa' u minħabba riskju ġdid ta' karestija, ir-rifuġjati mhux se jibqgħu jkunu jistgħu jiġu rimpatrijati, li jfisser li sfortunatament, l-UE se jkollha tkompli tiffoka r-riżorsi fuq l-isforzi umanitarji immedjati fir-reġjun, aktar milli tindirizza l-iżvilupp fit-tul; jitlob, għalhekk, lill-UE biex terġa' tirdoppja l-isforzi tagħha biex tieħu sehem u taqdi rwol ta' medjatur fir-reġjun sabiex tinstab soluzzjoni għall-problemi sottostanti ekonomiċi, politiċi, ambjentali u tas-sigurtà, li huma l-kawżi prinċipali tal-faqar estrem, l-attività kriminali, ir-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu u li fl-aħħar mill-aħħar qed jikkawżaw is-sitwazzjoni tar-rifuġjati;

5.  Jenfasizza l-fatt li fl-aħħar mill-aħħar se jkun meħtieġ rispons reġjonali biex tingħata protezzjoni kontinwa lil 260 000 rifuġjat Somalu; ifakkar li l-integrazzjoni mill-ġdid sostenibbli tal-persuni rimpatrijati tirrikjedi approċċ olistiku u msejjes fuq il-komunità sabiex tittejjeb il-kapaċità ta' assorbiment u jkun hemm aċċess aħjar għas-servizzi għal persuni rimpatrijati, persuni spostati internament u komunitajiet lokali fis-Somalja;

6.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni globali u reġjonali ta' Nairobi, li jipprevedi l-għeluq progressiv tal-kampijiet biex ir-rifuġjati jingħataw aċċess għall-impjieg u s-servizzi fil-pajjiż ospitanti tagħhom u biex ikunu jistgħu jiċċaqilqu liberament; jiddispjaċih, madankollu, dwar in-nuqqas ta' azzjoni konkreta dwar Dadaab; jappoġġja l-ħolqien ta' fond reġjonali għad-donaturi;

7.  Iqis li minħabba ċ-ċirkostanzi attwali ta' problemi tas-sigurtà kontinwi fis-Somalja u riskju kbir ta' karestija, fi kwalunkwe xenarju, jenħtieġ li r-rimpatriji dejjem ikunu volontarji; jitlob li jkun hemm aktar kondiviżjoni tar-responsabbiltajiet fir-rigward tal-ospitar tar-rifuġjati u l-ħolqien ta' metodi addizzjonali biex ir-rifuġjati jiġu megħjuna jkollhom aċċess għal pajjiżi terzi, inkluża l-UE;

8.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-għanijiet tal-EUTF għall-Afrika, sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati tal-Afrika tal-Lvant; jitlob li l-Istati Membri jonoraw l-impenji tagħhom lejn il-Fond; jitlob lill-Kummissjoni, madankollu, biex iżżid l-isforzi ta' konsultazzjoni mal-atturi fir-reġjun, inklużi l-popolazzjonijiet lokali, il-gvernijiet reġjonali u l-NGOs, bl-għan li ssir enfasi fuq il-problemi u l-ħtiġijiet identifikati lokalment u titrawwem klima favorevoli u tiżdied il-kapaċità għar-rimpatriju ta' rifuġjati lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom; jenfasizza l-fatt li Dadaab ħoloq madwar 10 000 impjieg, li ħafna minnhom huma marbuta ma' attivitajiet umanitarji;

9.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ iċċentrat fuq il-persuni u l-komunità għall-użu tar-riżorsi tal-EUTF għall-finijiet ta' assistenza għar-rimpatriji minn Dadaab u għat-tfassil ta' miżuri għall-iżvilupp u r-reżiljenza fir-reġjun; jemmen bis-sħiħ li l-EUTF għandu jiffoka mhux biss fuq l-iżvilupp ekonomiku iżda wkoll fuq proġetti tal-poplu fir-reġjun, immirati speċifikament biex jittejbu l-kwalità, l-ekwità u l-aċċessibbiltà universali għas-servizzi bażiċi u t-taħriġ għall-iżvilupp ta' kompetenzi lokali, kif ukoll biex iwieġbu għall-ħtiġijiet ta' komunitajiet vulnerabbli, inklużi l-minoranzi;

10.  Jemmen li jenħtieġ li l-EUTF jiffoka aktar fuq spinta favur l-iżvilupp sostenibbli fir-reġjun, billi jsaħħaħ l-opportunitajiet ekonomiċi u tal-impjieg u billi jsaħħaħ ir-reżiljenza; jitlob li dawn il-fondi jintużaw biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli u għal iżjed espansjoni tal-użu tal-enerġija solari bħala sors ta' enerġija, pereżempju għall-ippumpjar tal-ilma ħelu, li kien proġett li rnexxa f'xi partijiet tal-kamp ta' Dadaab;

11.  Ifaħħar lill-awtoritajiet Somali għall-progress li sar f'dawn l-aħħar xhur, fosthom fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet; jenfasizza l-fatt li, madankollu, il-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u tas-sigurtà f'ħafna partijiet mis-Somalja għadhom estremament diffiċli għal rimpatriju fuq skala kbira; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha, għaldaqstant, biex jaħdmu flimkien mal-awtoritajiet Somali biex jiżdiedu l-isforzi għall-istabbiltà fil-pajjiż qabel ma jorganizzaw rimpatriju fuq skala kbira;

12.  Jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali jwettqu l-impenji lejn is-Somalja, b'mod partikolari billi jagħmlu sforzi biex jistabbilixxu s-sigurtà tal-ikel sabiex tiġi evitata l-karestija imminenti, irawmu s-sigurtà u r-rikonċiljazzjoni tad-differenzi fil-komunitajiet, itejbu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u jgħinu sabiex tiġi kkompletata r-reviżjoni kostituzzjonali, sabiex tinkiseb stabbiltà fit-tul;

13.  Jappella lill-UE biex tiżgura li l-programmi ta' rilokazzjoni fir-reġjun jieħdu ħsieb b'mod partikolari li gruppi ta' nies vulnerabbli jiġu rilokati lejn reġjuni sikuri b'mod responsabbli, u li d-drittijiet tar-rifuġjati jiġu rispettati; jistieden lill-UE u lis-sħab internazzjonali jgħinu biex jinbnew infrastrutturi fil-pajjiż kollu biex ir-rifuġjati rimpatrijati jkunu jistgħu jiġu integrati mill-ġdid b'mod sikur u permanenti fis-soċjetà Somala, ħielsa mit-theddid minn elementi terroristiċi bħal Al Shabaab;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' ġestjoni aħjar tal-fruntieri bejn is-Somalja u l-pajjiżi ġirien tagħha, li huma meqjusa ambjent ideali għan-netwerks involuti fit-traffikar u l-kuntrabandu tal-persuni, armi, drogi u merkanzija illeċita oħra, u b'hekk jipprovdu finanzjament għal attivitajiet kriminali u terroristiċi; jistenna li l-Missjoni ta' Taħriġ tal-UE għas-Somalja taħdem mill-qrib mal-AMISOM u l-awtoritajiet Somali biex jikkondividu l-aħjar prattika dwar ġestjoni tal-fruntieri mtejba biex jinqabdu t-traffikanti u l-kuntrabandisti;

15.  Jirrikonoxxi li ma jista' jkun hemm l-ebda żvilupp mingħajr sigurtà mtejba fir-reġjun; jenfasizza bil-qawwa, madankollu, li l-fondi mis-sorsi tal-FEŻ u tal-ODA jeħtieġ li jkunu ddedikati għall-iżvilupp ekonomiku, uman u soċjali fir-reġjun, b'enfasi partikolari fuq l-isfidi tal-iżvilupp identifikati fid-deċiżjoni dwar il-Fond Fiduċjarju; jikkundanna kwalunkwe użu ta' fondi tal-FEŻ u tal-ODA għall-iskopijiet ta' ġestjoni u l-kontroll tal-migrazzjoni jew kwalunkwe azzjoni oħra mingħajr objettivi ta' żvilupp;

16.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li tissaħħaħ ir-reżiljenza u li tingħata spinta lill-iżvilupp tal-komunitajiet ospitanti milquta fir-reġjun ta' Dadaab fil-Kenja, b'attenzjoni lill-ħajjiet tan-nies sabiex ma jiġux milquta negattivament bit-tnaqqis gradwali ta' Dadaab u s-servizzi pubbliċi pprovduti fil-belt, u x-xokk ekonomiku li dan jaf jikkawża għall-popolazzjoni; jenfasizza l-fatt li l-popolazzjoni ospitata f'Dadaab poġġiet pressjoni ambjentali kbira fuq ir-reġjun, li laqtet l-aċċess tal-popolazzjoni lokali għar-riżorsi naturali; jenfasizza l-fatt li din il-kwistjoni għandha tkun indirizzata b'mod konġunt mill-Gvern Kenjan u permezz tal-Programm Indikattiv Nazzjonali tal-UE għall-Kenja. Jistenna li l-Gvern Kenjan u l-UE jirrikonoxxu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dan ir-reġjun fraġli;

17.  Jinnota bi tħassib kbir l-effetti serji tat-tibdil fil-klima fuq ir-reġjun, li jservu ta' tfakkira qawwija lill-UE, l-Istati Membri tagħha u l-komunità internazzjonali b'mod ġenerali dwar il-ħtieġa li jiġu implimentati l-kundizzjonijiet tal-Ftehim ta' Pariġi, filwaqt li jiġi nnotat l-effett dirett li dawn l-azzjonijiet għandhom fuq il-gwerra u l-karestija fir-reġjun;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-president tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern tal-Kenja, lill-Gvernatur tar-reġjun ta' Garissa, lill-ispeaker tal-Parlament Kenjan, lill-Gvern tas-Somalja, lill-ispeaker tal-Parlament Somalu, lill-IGAD, lill-gvernijiet tal-istati membri tal-IGAD, lis-Segretarju Ġenerali tan-NU u lill-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati.